Malta Missjunarja ta’ Ottubru 2021

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd tal-Ġurnata Missjunarja Dinjija jaħbat il-Ħadd 24 ta’ Ottubru. Kull persuna f’kull parroċċa f’kull pajjiż fejn il-Knisja hija preżenti, se tkun qed tiċċelebra flimkien u taqsam dak li għandha. Huwa l-uniku Ħadd fis-sena meta l-ġenerożità tiegħek tmur direttament biex tgħin lill-parroċċi tal-missjoni barra l-pajjiż sabiex jintlaħqu bil-messaġġ ta’ tama u mħabba ta’ Ġesù.

Matul ix-xahar ta’ Ottubru tista’ taqra aktar dwar dan u aktar, fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob.

Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin.

F’wieħed mill-artikli naqraw dwar żewġ proġetti ġodda fit-Tanzanija: kappella ġdida u razzett tat-tiġieġ, sabiex jibbenifikaw kominutajiet sħaħ. Artiklu ieħor ilaqqana mal-Isqof Kike u t-tim tiegħu miċ-Ċentru Arrupe fil-Kambodja. Dan iċ-ċentru jilqa’ fih persuni li sfaw vittmi ta’ mini tal-art (landmines), li splodew meta ntrifsu, u persuni oħra morda bil-kanċer u l-poljo.

Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.