Il-kors it-Triq tas-Sbuħija

Print Friendly, PDF & Email

Matul din is-sena kelli l-grazzja nsegwi online il-kors imniedi mill-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali bl-isem It-Triq tas-Sbuħija. Qed ngħid mill-ewwel li hu grazzja l-għaliex, b’dan il-kors, stajt ninfetaħ aktar għas-Sbuħija.

It-titlu tal-kors għaqli: It-Triq tas-Sbuħija. Minnha nnifisha s-Sbuħija hi triq għax tinvolvi fiha strumenti li huma sbieħ u li jwasslu għas-Sbuħija. Ħasra li illum, naqra naqra, qed jiddgħajjef l-aspett tant importanti tas-sbuħija! Minn dan il-kors l-Ispirtu s-Santu għallimni li s-sbuħija mhix senswaliżmu u lanqas m’hi xi adorazzjoni ta’ xbieha. Hijiex din ix-xbieha waħda li ma teħux nifs inkella dik li tieħu n-nifs, tikber u tixjieħ.

Personalment, dan il-kors ġagħlni napprezza aktar u aktar il-ħtieġa li mmur għas-Sbuħija f’kull ħaġa li l-Mulej ilaqqagħni magħha. B’dak li smajt intbaħ kemm beda iżarmali l-ideja li s-sbuħija qiegħdha fl-għajnejn ta’ min jaraha. Li kieku dan il-kors ħallini ngħum biss f’dan il-ħsieb allura nista’ ngħid li ma tantx ħalla frott fija. Ma naqbilx li nibqa’ imwaħħal fl-idejat tiegħi ta’ sbuħija! Il-fidi Kattolika u ħajti ta’ Franġiskan Kapuċċin il-Mulej bihom qed jgħallimni li s-sbuħija hi xi ħaġa ħafna lil hinn milli dejjem ħsibt. Is-sbuħija hi vjaġġ kontinwu ta’ tfittxija lejn dak li hu l-Oriġini tagħha. Lejn dak li jibqa’ għal dejjem u ma jeqdiem qatt. F’dan id-dawl, dan il-kors fakkarni fis-sentenza qawwija ta’ Ġesù li, bħala Kapuċċin, aqta’ kemm tagħmilli kuraġġ! Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll (Mt 6:19-21).

Illum ngħid it-teżor tiegħi hu meta nibqa’ marbut mal-moll tal-idejat tiegħi u ma nbaħħarx ‘il barra, ma naqlax lejn il-fond! U x’jiġri jekk ma mmurx fil-fond? Mhux insir tond?! Għax ma nħaddimx il-kapaċità jew it-talent li l-Mulej Ġesù żejjinni bih li nduq ħa nara kemm hu tajjeb il-Mulej? Il-Mulej għedt u mhux jien innifsi! Għax kull don minnu ġej u għalih jerġa’ imur!

Għalhekk, meta s-sbuħija naraha f’relazzjoni mal-Mulej, din qatt mhu ħa titmermer. Diġà fostna naraw it-traġiċità meta post storiku jitmermer. Kemm iġib swied ta’ qalb! Kemm inikket qlub! L-istess bħal meta persuna tintebaħ li ma baqgħetx ta’ xi għoxrin jew tletin u t-tikmix beda ħiereġ u jidher f’wiċċ kulħadd. Jekk din il-persuna se tonfoq ġidha kollu għand il-kirurgi biex iġebbdulha naqra l-ġilda ħa tiġi aktar żgħażugħa, l-għaliex għadha ma tistax taċċetta l-fatt li qed tixjieħ, kif tista’ dik il-persuna tkun ferħana? U jekk għal xi raġuni jew oħra ma jkollhiex il-mezzi li tagħmel dawn l-operazzjonijiet u l-interventi x’se tagħmel? Taffordja tqatta’ ħajjitha diżilluża magħha innifisha għax, skont hi, m’għadhiex sabiħa? U m’għadux sabiħ?

Allaħares is-sbuħija hi din il-qoxra għax li kieku veru ftit huma s-sbieħ. Mhux għax l-oħrajn koroħ dagħwa imma l-għaliex il-bniedem jikber. Is-sbuħija tmur lil hinn mill-fiżiku u t-tanġibli. Fil-fehma umli tiegħi, dan il-kors għallimni nara s-sbuħija f’dak li hu tanġibbli. Is-sbuħija hi spirtu tal-Ispirtu. Jew aħjar, l-Ispirtu fil-materja. Is-sbuħija hi l-Ispirtu s-Santu li juri lilu nnifsu f’biżibilju ta’ modi. Għalhekk dan il-kors għalija kien Pentekostè tas-Sbuħija jew Konverżjoni għas-Sbuħija.

Fis-Solennità tal-Pentekoste aħna niċċelebraw il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, jiġifieri fuq il-komunità ta’ dawk kollha li jemmnu. U, għalija, dan il-kors kien il-magħmudija tal-Ispirtu tas-Sbuħija fuqi. Dan l-għaliex, minn għadd ta’ esperti u studenti, il-Mulej wessagħli moħħi, qalbi, widnejja u għajnejja ħalli narah u nisimgħu aktar f’dak li ħalaq. Qed ngħid dan u qed nitbissem! Għax din kienet eżattament l-esperjenza li għamel San Franġisk t’Assisi daqs disa’ mitt sena ilu. Meta nqala’ mill-konfort tiegħu nnifsu u ngħata għall-Mulej beda jintebaħ li issa, il-kwistjoni, m’hix aktar kemm tilef iżda kemm rebaħ! Mhux aktar kwistjoni kemm ftaqar imma kemm stagħna! U stagħna bil-bosta!

Fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu dwar it-tħabbir tal-vanġelu lid-dinja tallum, Evangelii Gaudium, Papa Franġisku jgħid: Il-ħajja nsaħħuha meta nagħtuha lill-oħrajn, u ndgħajfuha meta ninqatgħu għalina nfusna nitgħażżnu fil-kumdità.  Fil-fatt, dawk li l-iżjed jisfruttaw il-possibbiltajiet li tagħtihom il-ħajja huma dawk li jħallu x-xatt żgur u jingħataw b’ruħhom u ġisimhom għall-missjoni li jwasslu l-ħajja lill-oħrajn”...  Hawn niskopru liġi oħra profonda tar-realtà: il-ħajja tikber u timmatura skont kemm nagħtuha għall-ħajja tal-oħrajn.  Fl-aħħar mill-aħħar, din hi l-missjoni” (no.10).

Nagħtu l-ħajja lill-oħrajn. Jew aħjar, naqsmu magħhom din is-Sbuħija li rċevejna. Għax il-vera sbuħija hi l-verità. U l-verità ma tistax tagħlaq ħalqha imma, bl-istess preżenza tagħha, iġagħlha toħroġ minnha nnifisha ħa tibdel fiha lil dawk li ma jiddux. Il-verità tiddi, bħax-xemx, u tibqa’ tiżreġ fuq dawk li jilqgħuha u anki fuq dawk li jagħtuha daharhom għax imwerwrin li ħa taqlagħhom mid-dinja ċkejkna u mudlama tagħhom.

B’dan il-kors, il-Mulej qed jgħallimni nħalli lill-Ispirtu tiegħu kif preżenti f’kull opra tal-arti, tal-mużika, tal-letteratura u ta’ kull ħaġa oħra li hawn taħt ix-xemx ikellimni, jgħallimni, jikkonvinċini u jibdilni fih biex, bħalu, jibgħatni nħabbar din is-Sbuħija. Grazzi lilek Julia Privitelli li, bil-ħila u l-entużjażmu tiegħek għas-suġġett għallimtni kif inħalli lis-Sbuħija tikkonvertini!

Beħsiebek tagħmlu dan il-kors is-sena li ġejja?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: