Aktar korsijiet offruti mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali

Print Friendly, PDF & Email

Minn Jannar li ġej, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali se joffri l‑kors ‘Art and Faith: The Way of Beauty’ bl‑għan tal‑kors hu li jgħin lill‑istudent japprezza, jevalwa u jidħol fid‑dettall  tax‑xogħol artistiku u fuq kollox, iħajru jħares lejn l‑arti mill‑istess lenti tal‑artist li għamilha u jipprova jifhem kif fiha jista’ jara wkoll is‑sbuħija ta’ Alla.

Dan il‑kors hu mmirat għal dawk iż‑żgħażagħ u l‑adulti li tinteressahom l‑arti bħala mezz biex jirriflettu, jitolbu u jiddjalogaw mal-oħrajn fuq is‑sbuħija u l‑messaġġ ta’ diversi opri tal‑arti.

Matul it‑tieni semestru tas‑sena akkademika, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali se joffri diversi korsijiet oħra ta’ formazzjoni. Dawn huma: ‘l‑Esperjenza Umana ta’ Alla fit‑Talb’, ‘Iż-Żvilupp tar‑Responsabbiltà Ambjentali’, ‘il‑Ministeru Pastorali tal‑Familja’, u ‘l‑Kura Pastorali fl‑Iskejjel’.

Matul din is‑sena akkademika, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali qed joffri ukoll għadd ta’ korsijiet qosra fosthom il‑kors dwar il‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli indirizzat għal kull min għandu kuntatt mat‑tfal jew persuni oħra vulnerabbli kif ukoll kors ta’ introduzzjoni għall‑ministri tat‑tqarbin jew għal dawk li jixtiequ jifhmu aktar il‑valur tal‑Ewkaristija. Kors ieħor hu dwar kif tagħti appoġġ emozzjonali bażiku fil-komunità.

L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali twaqqaf fl‑2007 bl‑iskop li joffri formazzjoni lill‑Insara li jixtiequ jiskopru aktar il‑fidi tagħhom skont il‑ħtiġijiet tas‑soċjetà.

Aktar dettalji dwar il‑korsijiet jinkisbu minn pfi.edu.mt.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: