Meta waqagħali l-Bambin

Print Friendly, PDF & Email

Play għall-Milied

Xena 1 –    (Kamra fid-dar ta’ Mr Saydon. Waqt il-mużika ta’ introduzzjoni, jidħlu Stephen, it-tifel ta’ Mr Saydon, u Alan, il-ħabib ta’ Stephen)

Alan:         Imn’Alla ma tlajtx is-sena l-oħra.

Stephen:    Għaliex?

Alan:         Imħabba l-papa’ tiegħek.

Stephen:    Ukoll!

Alan:         Is-sena li għaddiet kien jgħallimni il-papa’ tiegħek.

Stephen:    U din is-sena wkoll.

Alan:         Ma tlajtx imħabba fiħ.

Stephen:    Ma tlajtx għax ma studjatx.

Alan:         Mhux aħjar?

Stephen:    Kif, aħjar tibqa’ repeater ?

Alan:         Ħafna aħjar.

Stephen:    Din ġdida!

Alan:         Aħjar,… għax baqa’ jgħallimni l-papa’ tiegħek.

Stephen:    Imisshom ibiddlulu l-klassi!

Alan:         Kienu jirranġawni għall-frisk.

MUŻIKA

Stephen:    Imma issa daqshekk, ma tistax tibqa’ sena oħra.

Alan:         Għamilt sena ferħan li ġej l-iskola u inti tista’ tgħid minn dawn it-tlett xhur li ilek fil-klassi.

Stephen:    Id-dar ukoll jagħmilna kuntenti u l-aktar f’dan iż-żmien.

MUŻIKA

Alan:         Il-papa’ tiegħek jaf jaħdem ħafna affarijiet.

Stephen:    Ir-riħa tal-kolla tal-mastrudaxxa turik li qiegħed fil-workshop.

Alan:         Qed jagħmlilkom xi presepju?

Stephen:    Ma nafx, għax ma jgħidlekx xi jkun jivvinta. Kull sena b’xi ħaġa ġdida, u nkunu nafu x’inħi  biss meta tkun lesta.

                  (jidħol Mr Saydon)

 
MUŻIKA

Mr Saydon:     X’intom tifthiemu ?

Alan:         Xejn Mr. Saydon, Stephen qiegħed jgħidli kemm tagħmlilhom affarijiet sbieħ għall-Milied.

Mr Saydon:     Tassew Alan, kull meta jersaq il-Milied, fid-dar tiegħi ikun hawn ix-xogħol.

Stephen:    Jibda minn xahar qabel il-Milied.

Mr Saydon:     U ngħidilhom mill-ewwel lill-mara u lit-tfal li se nkun imħabbat fil-workshop u ħadd m’għandu jfixxkilni.

MUŻIKA

Alan:         Nista’ narah il-workshop?

Stephen:    Mela x’tagħmel! Ara ma jmurx xi wieħed minna jittawwal hemm isfel jew jinżillu t-taraġ inkiss, inkiss…

Mr Saydon: … Għax isib ruħu fis-silġ tas-Siberja.

MUŻIKA

John:         Papa’,… x’int tagħmlilna din is-sena?

Mr Saydon:     Dalwaqt tkun taf.

John:         U isa, għidilna!… Ma ngħidulhiex lill-mama’!

Mr Saydon:     John, diġa għidtlek u ssaqsinix darb’oħra.

MUŻIKA

Mr Saydon:     B’xorti tajba li l-workshop tiegħi hu maqtugħ mill-bqija tad-dar u fih bieb li jissakkar.

Stephen:    Minn wara dal-bieb tisma’ l-ħoss tas-serrieq dieħel fl-injam. Il-papa’ jkun qed jaħdem xi ħaġa li jivvinta huwa stess. U meta jsammar, jagħmel mill-aħjar biex ma jqajjimniex meta jkun tard fil-għaxija.

Mr Saydon:     Iva, … Alan, xi drabi tant inkun imħabbat waqt li l-Milied, li jkun riesaq jgħaġġel li ndum sa’ bil-lejl naħdem sa ma nlesti. Sa lejliet il-Milied kollox irid ikun lest.

MUŻIKA

                  (Jidħol Patrick, tifel fil-klassi ta’ Mr Saydon)

Patrick:      Papa sar il-ħin!

Mr Saydon:     Dalwaqt Patrick,… jonqosni ftit żebgħa oħra.

Patrick:      Il-mama’ tridek biex tiekol.

Mr Saydon:     Mur għidilha biex titla’ torqod, u mbagħad nara jien x’se niekol. Mur u ttellifnix!

MUŻIKA

Mr Saydon:     U waqt li ż-żgħar ikunu reqdin, kull lejliet il-Milied noħroġ il-varjeta’ ta’ rigali mill-workshop tiegħi, biex nagħmel tajjeb għal “Father Christmas”,… xi għarix tal-Milied bil-pasturi maħdumin mill-injam, xi roundabout li ddur b’mutur ckejken,… rigali għat-tfal, tiegħi u tal-ħbieb tiegħi.

Alan:         Imma mhux eħfef li tmur tixtrihom mill-ħanut, milli toqgħod taħdimhom int?

Mr Saydon:     Eħfef, imma mhux aħjar.

Stephen:    Alan,… il-papa’ ma jħobbx rigali li jinxtraw lesti.

Mr Saydon:     Illum il-Milied sar flus biss,… kummerċ. Imma kemm hu aħjar li tagħmel int milli tixtri, kemm hu aħjar li tagħti milli tirċievi.

Stephen:    Jiena wkoll tgħallimt inħobb ir-rigali maħdumin mill-idejn, milli t-trains, il-karozzi u t-toys l-oħra li ikun ħemm fil-vetrini,… ileqqu, bil-prezz fuqhom.

Alan:         Imma f’dan iż-żmien issib ħafna rigali sbieħ.

Mr Saydon:     Alan, ir-rigal mhux kemm hu sabiħ. Ir-rigal hu l-imħabba li hemm warajh. U rigal tal-Milied għandu jerfalna ħsiebna lejn ħwejjeġ aqwa. Il-Milied hi festa li fiha nagħtu xi ħaġa lill-oħrajn; dak inhar meta Alla tana l-aqwa rigal li qatt ingħata fid-dinja, lill-ibnu stess. Jekk irridu nkunu ħbieb t’Alla f’dan iż-żmien, m’hemmx aħjar milli nagħtu rigal minn qalbna lill-oħrajn… Ara,… meta nkunu l-iskola nhar it-tnejn nibdew naħdmu ir-rigali flimkien.

MUŻIKA

Xena 2 –    (Klassi tal-iskola. Hemm Stephen, Alan, John u Patrick. John u Patrick huma żewġt itfal fil-Klassi ta’ Mr Saydon.)

Alan:         Is-sir għandu jdejh jgħaġġbuk.

John:         Raġel tas-sengħa.

Patrick:      Li jaraw għajnejh jagħmluħ idejħ.

Alan:         Għandu raġun jgħidilna li oġġett maħdum mill-idejn hu rigal isbaħ. Is-sena l-oħra jien kont f’din il-klassi ukoll u s-sir bidilha f’workshop kull nhar ta’ ġimgħa wara nofs inhar. Dak il-ħin m’hemmx kitba jew qari,… xogħol biss!

John:         Din is-sena wkoll?

Alan:         Issa tara!… Minn bott jew kaxxa Mr Saydon jaf jagħmel rigal sabiħ, ftit kuluri, żiġarella u arah lest!

John:         X’għamiltu s-sena l-oħra?

Alan:         Għamilna presepju żgħir magħmul minn zkuk li ġabu t-tfal stess. Il-pasturi kienu tat-tafal li ħadimhom is-sir stess, imbagħad kull tifel kellu rigal li ħdimna minn oġetti mormija. Ir-rigal jieħduh id-dar u juruh lill-ġenituri tagħhom.

Patrick:      Jifirħu bih aktar mill kieku xtrajnihulhom.

MUŻIKA

Alan:         Il-grotta għadha friska f’moħħi. Kien ikollna maxtura, bil-Bambin ukoll f’naħa minnhom tal-klassi. U s-sabiħa qiegħda hawn.

Alan:         Fuq it-tieqa kien hemm kaxxa mimlija tiben u kull meta wieħed mit-tfal imur tajjeb fl-iskola jew jagħmel xi ħaġa għall-ġid bħal ngħidu aħna, jiġbor l-inġravata li tkun waqgħet lil tifel ieħor…

Mr Saydon:     Iva, ngħidlu inti tista tpoġġi tibna fil-maxtura.

Alan:         Dan biex inqiegħdu it-tiben kollu sa’ lejliet il-Milied,… mhux qabel.

Mr Saydon:     Biex iċ-ċkejken Ġesu jkollu sodda sħuna fejn jimtedd.

Alan:         Is-sir kellu il-ħila li jżomm l-aħħar tibna sa’ lejliet il-Milied, u kull tifel kien jipprova li din ipoġġiha hu.

MUŻIKA

Patrick:      Sir, nista inħassru jien il-blackboard?

Mr Saydon:     Għadna kif naddafnieħ!

John:         Ħa nixxarpnalek il-lapes, sir.

Mr Saydon:     Il-lapes għadu ġdid.

Patrick:      Nista niknes?

Mr Saydon:     Tiknes xejn għax baqagħlna xi nħammġu.

MUŻIKA

Mr Saydon:     Fadal l-aħħar tibna, għadħa f’ħoġor it-tieqa

Kevin:       Arani sejjer intella l-blinds biex ikun jixraqli nqegħdha jien l-aħħar tibna.

Patrick:      Li ttella’ l-blinds biċċa xogħol żgħira.

Mr Saydon:     Imma bicca xogħol biżżejjed biex Kevin ipoġġi l-aħħar tibna hu.

                  (Kevin ipoġġi t-tibna fil-maxtura)

Stephen:    Issa it-tiben kollu fil-maxtura,… il-kaxxa vojta.

Mr Saydon:     U nistgħu nibdew il-festa tal-Bambin.

Alan:         Jista’ jkun li fil-lukanda m’hemmx post għal Ġesu imma fil-klassi hawn maxtura b’tiben sħun tistenniħ.

Kevin:       Illum il-waste paper basket ukoll missitu x-xorti,… minflok il-karti mormija, se nitfgħu l-ismijiet tagħna.

Mr Saydon:     Ta’ min jitla’ l-ewwel, iġorr lil Ġesu’ Bambin.

MUŻIKA

Alan:         X’kumbinazzjoni. Tiegħi stess… Jien se inżommu l-Bambin.

Mr Saydon:     Mela Alan iżomm il-Bambin..

Ftit MUŻIKA

Mr Saydon:     Kevin lil San Ġużepp.

Ftit MUŻIKA

Mr Saydon:     U Simon lill-Madonna.

Ftit MUŻIKA

Mr Saydon:     Imbagħad hemm ir-ragħajja u l-annimali tal-presepju.

MUŻIKA

Kevin:       Sir, dawn int għamilthom ?

Mr Saydon:     Le, kienu d-dar,… minn dejjem niftakarhom hemm.

Simon:      Kevin, ma tarax li mhux is-Sir għamilhom ?

Patrick:      Għaliex?… Taħseb li mhux kapaċi?

Simon:      Kieku għamilhom is-sir kien jagħmel lil San Ġużepp iżgħar mill-Bambin?

Patrick:     U dawn mhux pasturi?.

Stephen:    Taf li qatt ma tajt każ?

Patrick:      Jien indunajt li l-Bambin hu ikbar mill-pasturi l-oħra, imma ma tkellimt xejn.

Simon:      Skużawni!… Jien ma għedtx hekk biex immaqdar.

Mr Saydon:     Issa ħallina minn dan!… Alan, ħu f’idejk il-Bambin… u żommu sew.

Simon:      X’jibża!… bil-kemm qed jieħu nifs.

Mr Saydon:     Alan, f’idejk għandek lil Ġesu’. Wasslu sal-maxtura u poġġih bil-mod. L-oħrajn jibdew mexjin.

MUŻIKA

Patrick:     X’jirtogħod! Biċċa minn xagħaru niżlet quddiem għajnejh!

John:         Dak nervuż! Imissu jtella’ jdejh biex ineħħiha!

Patrick:     Isa,… onfħilha!

John:         Iva,… telgħet qisha rixa imma reġgħet niżlet fejn kienet!

Patrick:     Qed tfixklu!

John:         Ma jistax iżommu l-Bambin.

Patrick:      Waqagħlu – (ħoss ta’ Bambin jinkiser).

Simon:      Daqshekk għamel il-Bambin!

Mr Saydon:     Ma ġara xejn, Alan.

Simon:      Ma ġara xejn tfarrak il-Bambin?

Patrick:      Sir, inti ma tinkwetax!

Mr Saydon:     Kulħadd jibqa f’postu… Inti Simon mur ġib l-ixkupa u l-pala ħalli niġbru l-frak. Billi tfarrak il-Bambin dan m’għandux itellfilna il-festa ta’ dan il-jum.

MUŻIKA

Stephen:    Alan, is-sir ma ħadhiex bi kbira,… għaliex għandek tagħmel in-nervi inti?

Simon:      Mr Saydon ħareġ mill-kexxun it-tafal li fadal.

Mr Saydon:     Alan, ersaq lejja. Ġesu’ jkun aktar fostna fir-rigal li nkunu ħdimna aħna. Qabel xejn nagħmlu ballun tat-tafal. Ikun ir-ras għall-Bambin.

MUŻIKA

Kevin:       Ara idejh kemm huma ħfief!

Simon:      Qiegħed jgħaġġel għax m’għandniex ħin.

John:         Imma xorta ġej sabiħ.

MUŻIKA

Kevin:       Kważi lest il-Bambin. Kemm għamlu malajr! Jaf jaħdem is-sir!

MUŻIKA

Mr Saydon:     Alan, int se twaħħal ir-ras tal-Bambin mal-biċċa l-oħra!

John:         Inkunu għamilna Bambin flimkien,…mas-sir!

Patrick:     U kemm ħadna gost illum l-Iskola!

John:         Mhux bilfors?… Konna f’kamra tax-xogħol u mhux klassi tal-kotba u l-pitazzi!

MUŻIKA

Mr Saydon:     Kevin, ġib il-lapes ħa nagħmlulu għajnejn il-Bambin,… imnieħru u ħalqu. B’dan it-tafal irqiq nagħmlulu ftit xagħar,.. xi tgħidu?

Simon:      Il-Bambin ġie tassew sabiħ!

MUŻIKA

Mr Saydon:     Alan, hu f’idejk il-Bambin u mur qiegħdu fil-maxtura.

(Tkompli l-mużika waqt li Alan jersaq biex iqiegħed lill-Bambin fil-maxtura.

Alan:         Żġur li ma nħallihx jaqagħli. Dan huwa l-Bambin tagħna,…Bambin li għamilna flimkien, Bambin li ħdimna bl-imħabba,… Dan hu l-Bambin ta’ qalbna!

MUŻIKA ta’ l-egħuq

Kitba ta’ Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: