Il-Knisja tniedi programm ta’ ospitalità għal migranti bla dar li kienu mġiegħla jħallu pajjiżhom

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kummissjoni Migranti u l-Arċidjoċesi ta’ Malta llum nedew inizjattiva umanitarja ta’ ospitalità miftuħa għal migranti u refuġjati li jinsabu fostna u li kienu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżi f’kunflitt bħalma hu l-Ukrajna.

L-għan ta’ Proġett Kenn hu li jilqa’, iħares u jintegra migranti fil-komunità billi joffrilhom residenza sa sitt xhur. 

Dun Anton D’Amato, id-Direttur tal-Kummissjoni Migranti, qal li Proġett Kenn hu azzjoni konkreta tal-Knisja f’Malta għas-sejħa li għamel il-Papa Franġisku — li mistenni jżur Malta fit-2 u t-3 ta’ April — biex parroċċi, komunitajiet reliġjużi u familji, jilqgħu fosthom migranti li ħafna drabi jispiċċaw bla dar intortament.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal: “F’dawn l-aħħar jiem, ilkoll rajna xeni orribbli ta’ Ukreni sfurzati jitilqu minn djarhom minħabba l-gwerra. Proġett Kenn jippreżentalna opportunità konkreta biex ngħinu bnedmin li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ għajnuna.

“F’dan l-ispirtu, il-Knisja tistieden lil ċittadini minn kull qasam tal-ħajja biex jilqgħu lill-migranti fostna bħala ħbieb u joffrulhom l-opportunità li jaqsmu magħna l-esperjenza li jgħixu f’ambjent sigur u ospitabbli. Anke jekk iż-​żjara tagħhom tkun qasira, il-​barkiet li jinfetħu għal xulxin ikunu fit-tul.”

Proġett Kenn qed ifittex residenti f’Malta li huma lesti jilqgħu migranti u refuġjati għal bejn tlieta u sitt xhur sabiex jitrawwem proċess ta’ integrazzjoni u b’hekk iż-żewġ naħat jifhmu aħjar il-kultura, id-drawwiet u t-tradizzjonijiet ta’ xulxin.

L-ospitazzjoni tista’ ssir f’dar tal-familja jew f’residenza oħra. Is-social worker Marija Zahra qalet li kemm min se jospita kif ukoll il-migranti se jkollhom tim ta’ professjonisti li jipprovdu assistenza u appoġġ matul din l-esperjenza.

Dursa Mama Kadu, li hu mill-Etjopja u fundatur ta’ Spark 15, l-ewwel organizzazzjoni ta’ żgħażagħ refuġjati f’Malta, qal li jittama li Proġett Kenn iġib “aktar rispett reċiproku fost il-komunitajiet u jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-proċess ta’ integrazzjoni tal-migranti f’Malta”.

Il-preżentatur Peppi Azzopardi, li fil-passat fetaħ daru għall-migranti fil-bżonn, u li minn dakinhar ħeġġeġ lil nies oħra jagħmlu l-istess, qal: “Għamilt dan il-pass wara li ġejt ispirat mill-appell tal-Papa Franġisku u mingħajr ebda dubju nista’ ngħid li jien u familti kbirna permezz ta’ din l-esperjenza u tgħallimna ngħixu ma’ kulturi differenti.

“Ninsab entużjast ħafna b’din l-inizjattiva u żgur li l-familja tiegħi se tapplika biex tieħu sehem fil-proġett.”

Il-migranti se jiġu identifikati minn social workers jew professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-ħarsien soċjali. Il-prijorità se tingħata lil refuġjati li huma bla dar u li għandhom bejn it-18 u l-20 sena u jgħixu f’detenzjoni u/jew ċentri miftuħa. Il-migranti jridu jkunu lesti jitgħallmu dwar kif jistgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà Maltija, jikkoperaw mal-familja li se tilqgħahom, ikomplu l-istudji tagħhom u/jew ifittxu impjieg sabiex ikollhom ħajja indipendenti.

Dawk li ma jistgħux jospitaw migrant huma mħeġġa jagħtu donazzjoni b’risq dan il-proġett jew isiru voluntiera.

Aktar dettalji, applikazzjonijiet u formoli ta’ riferiment huma aċċessibbli fuq migrants.mt/kenn jew permezz ta’ email lil kenn@migrants.mt.

Dwar il-Kummissjoni Migranti

Il-Kummissjoni Migranti fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta taħdem mal-migranti bil-għan li tilqagħhom, tipproteġihom, tippromwovihom u tintegrahom fil-komunitajiet Maltin. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tikkollabora ma’ aġenziji tal-Gvern, NGOs u msieħba oħra li jħaddnu l-istess prinċipji.

Il-Kummissjoni Migranti taħdem biex toħloq spazji ta’ djalogu u ta’ tlaqqigħ, waqt li tibda u tieħu sehem fi programmi edukattivi u kulturali li jiġġieldu mġiba razzista u xenofobika.


Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

%d bloggers like this: