Ilkoll Aħwa: Il-familja f’soċjetà tinbidel

Print Friendly, PDF & Email

It-tielet laqgħa ta’ Ilkoll Aħwa se ssir il-Ġimgħa, 18 ta’ Marzu bit-tema ‘Il-familja f’soċjetà tinbidel’ u se titmexxa minn Jesmond Schembri. It-taħdita tibda billi tingħata ħarsa lejn statistika li titfa’ dawl dwar il-qagħda tal-familja Maltija llum u wara jingħata ċans għal riflessjonijiet. Dan kollu hu maħsub li jservi bħala introduzzjoni għal temi marbuta mal-familja li tkellem dwarhom il-Papa Franġisku, speċjalment fid-dokument Amoris Laetitia

Il-Papa jsostni li l-attitudni ġenerali li biha għandu jinftiehem dan id-dokument hu dak li nħarsu lejn il-familja b’mod ġdid, mimli kompassjoni. Prinċipji duttrinali weħidhom ma jgħinuniex nagħmlu dan, iżda għandna wkoll bżonn qalb mimlija ħniena. Il-Papa jitkellem ukoll dwar numru ta’ ċirkustanzi li qed ikunu ta’ sfida għall-familja madwar id-dinja, li jinkludu l-migrazzjoni, in-nuqqas ta’ rispett lejn l-anzjani u l-vjolenza domestika.

Fit-taħdita, se jiġu ppreżentati u diskussi wkoll diversi temi marbuta mal-familja li semma l-Papa Franġisku f’Amoris Laetitia fosthom l-importanza li l-familja tkun miftuħa għal persuni oħra u mhux tkun magħluqa fija nnifisha. Dan il-ftuħ ma jgawdux minnu biss l-persuni l-oħrajn iżda wkoll l-istess familja. 

Tema importanti oħra hi dik tal-edukazzjoni sħiħa tat-tfal fil-familja u kif il-ġenituri jistgħu jedukaw lil uliedhom mingħajr ma jagħmlulhom ħsara. Nitkellmu wkoll dwar dak li jagħmel l-ispiritwalità tal-familja u kif din narawha fil-ħajja ta’ kuljum u kif familji jistgħu ikunu ta’ servizz lejn familji oħrajn.  Ikun hemm ħin għal diskussjoni bejn dawk li jattendu.

Din il-laqgħa se ssir fil-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn fis-7pm kif ukoll tixxandar fuq Knisja.mt u l-paġna fuq Facebook tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iktar informazzjoni tinkiseb minn evangelizzazzjoni@maltadiocese.org.

Agħfas hawn għal iktar tagħrif dwar il-laqgħat l-oħra.


Dwar Jesmond Schembri

Jesmond Schembri ilu miżżewweġ għal dawn l-aħħar 28 sena, missier ta’ żewġ ulied adulti u nannu.  Hu social worker u għandu esperjenza twila fil-ħidma ma’ persuni bi problemi ta’ dipendenzi u mal-familji tagħhom. Bħalissa qed isegwi l-kors tal-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta.  Involut ukoll fil-koordinament tar-rit fid-dħul fil-ħajja Nisranija għall-adulti (RCIA) li twaqqaf dan l-aħħar fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: