Papa: Ejjew nisimgħu lin-nisa biex imexxu mill-ħarsien u mhux mir-regħba

Print Friendly, PDF & Email

Waqt li kien qed jindirizza lill-membri taċ-Ċentru Taljan tan-Nisa, f’Ruma, għall-Kungress elettiv tagħhom, il-Papa Franġisku kkumenta dwar it-tema “wiesa’” magħżula għall-okkażjoni: “L-identità kreattiva tar-raġel u l-mara f’missjoni kondiviża”. L-Papa ddeskrivieha bħala “kwistjoni topika ħafna”, fis-sens teoretiku u speċjalment fis-sens eżistenzjali.

Iċ-Ċentru Taljan tan-Nisa – Centro Italiano Femminile (CIF), li dan twaqqaf fl-1944, “f’kuntest ta’ difiża tad-dinjità u d-drittijiet tan-nisa”. L-Papa nnota li f’dak il-perjodu ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, iċ-CIF twieldet “bħala għażla ta’ responsabbiltà, ta’ impenn għal-‘ħarsien tal-bniedem’”. Il-Papa Franġisku kompla billi nnota li l-ewwel president nazzjonali taċ-Cif, Maria Federici Agamben, flimkien ma’ rappreżentanti oħra tan-nisa u minn naħa għal oħra tal-partiti, “pparteċipaw fl-abbozzar ta’ xi artikoli tal-kostituzzjoni u influwenzaw il-‘filosofija’ kostituzzjonali dwar il-kwistjonijiet tal-Kostituzzjoni fuq kwistjonijiet ta’ solidarjetà, sussidjarjetà, u s-sekularità tal-istat”.

Iċ-CIF, dak iż-żmien bħal llum, esprimiet din il-viżjoni ta’ politika bħala servizz għall-ġid komuni animata mill-karità. Fid-dawl ta’ dan, il-Qdusija Tiegħu kompla jgħid li għal dawk li jappartjenu għall-ġenerazzjoni tiegħu “huwa insupportabbli li tara x’ġara u qed jiġri fl-Ukrajna”. Sfortunatament, spjega li “dan hu frott il-loġika antika tal-poter li għadha tiddomina l-hekk imsejħa ġeopolitika” u li l-problema tibqa’ l-istess: lid-“dinja tibqa’ mmexxija bħala ‘chessboard’, fejn is-setgħana jistudjaw il-passi biex jestendu d-dominanza tagħhom għad-detriment ta’ ħaddieħor”.

It-tweġiba vera, kompla l-Papa Franġisku, hi “mhux aktar armi, aktar sanzjonijiet, aktar alleanzi politiċi-militari”, imma pjuttost approċċ differenti, “mod differenti ta’ kif tiġi mmexxija d-dinja, li issa hija globalizzata, u ta’ kif jiġu stabbiliti relazzjonijiet internazzjonali.”

S-Suċċessur ta’ Pietru, spjega għaliex għażel li jagħmel din ir-riflessjoni lin-nisa preżenti. “Intom għaqda tan-nisa, u n-nisa huma l-protagonisti ta’ din il-bidla naturalment, ta’ din il-konverżjoni. Sakemm ma jkunux omologati mis-sistema prevalenti tal-poter, in-nisa, billi jakkwistaw il-poter fis-soċjetà, jistgħu jbiddlu s-sistema; billi jikkonvertu l-poter mill-loġika tad-dominazzjoni għal dik ta’ servizz, ta’ ħarsien”.

Din il-bidla meħtieġa fil-mentalità hija “l-iskola ta’ Ġesù Kristu, hija l-iskola ta’ Gandhi, hija l-iskola tal-qaddisin ta’ kull età, imma hija wkoll – ngħid fuq kollox – l-iskola ta’ nisa bla għadd li kkultivaw ħajja u għażiża; ta’ nisa li ħadu ħsieb lill-fraġli, lill-midruba, l-feriti umani u soċjali; ta’ nisa’ li jiddedikaw moħħ u qalb għall-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda”, saħaq il-Papa.

Waqt li temm id-diskors tiegħu, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lin-nisa preżenti biex “timxu ‘l quddiem”, u jitolbu, biex il-Verġni Marija, “dejjem takkumpanjakom”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-03/pope-francis-discourse-italian-womens-centre-vatican-cif.html

%d bloggers like this: