Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Gabriel Vella

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2022, fis-6.30pm, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, se jmexxi l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ GABRIEL VELLA (mill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala).

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 19 ta’ Mejju, fit- 8.00pm, fil-Grawnd tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Wara, mill- 10.00pm sas-7.00am tal-għada, ikompli Lejl ta’ Adorazzjoni b’talb għall-ordinand fil- Kappella tas-Seminarju Maġġuri.

Kemm l-Ordinazzjoni u kemm il-Velja se jkunu mxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese.

Imbagħad, fis-17 ta’ Ġunju 2022 tinżamm fid-Djoċesi ta’ Għawdex l-Ordinazzjoni Djakonali, li dettalji dwarha jingħataw ’il quddiem.

Gabriel Vella, mill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala, Għawdex, twieled fis-6 ta’ Marzu 1996.

Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja Anton Buttigieg tal-Qala u wara kompla l-istudji fl-Iskola Sekondarja Ninu Cremona fil-Belt Victoria.

Wara sentejn fis-6th Form – Sir Michelangelo Refalo, f’Mejju 2014 talab biex jidħol is-Seminarju. Ġie aċċettat u għamel is-sena propedewtika fis-Seminarju.

Huwa beda l-kors fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù f’Settembru 2015. Is-sena intermedjarja għamilha f’Modena, l-Italja, flimkien ma’ komunità ta’ presbiteri djoċesani u fil-Parroċċa tal-Papa San Ċelestinu I, Castelnuovo Rangone.

Lura mis-sena intermedjarja, f’Settembru 2019 kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru ta’ Lettur minn idejn l-Isqof Mario Grech, dakinhar Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fis-26 ta’ Jannar 2020, Ħadd il-Kelma ta’ Alla, fil-Knisja parrokkjali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat. Fit-8 ta’ Diċembru 2020, Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, ġie istitwit bħala Akkolitu mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, fis-Santwarju arċipretali tal-Qala. Fl-20 ta’ Mejju 2021 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex. Fit-18 ta’ Ġunju 2021 ġie ordnat Djaknu mill-Isqof Anton Tuema fl-istess Knisja Katidrali.

Tul il-formazzjoni tiegħu għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tal-Katidral, taż-Żebbuġ, ta’ Għajnsielem, u preżentement f’ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Leave a Reply

%d bloggers like this: