Ktieb ta’ tagħrif u esperjenzi dwar Lourdes

Print Friendly, PDF & Email

Minn Michael Caruana

Pass, Pass ġo Lourdes u fil-madwar – ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi hu l-isem ta’ ktieb ġdid tiegħi li se jiġi stampat dalwaqt.

Dan il-ktieb ġbartu għal tliet raġunijiet: l-ewwel biex inqajjem mill-ġdid il-memorji sbieħ ta’ dawk li diġà żaru dan il-post fil-qalba tal-muntanji Pirinej; it-tieni biex dawk li se jmorru Lourdes das-sajf ikollhom f’idejhom it-tagħrif li tant ikollhom bżonn; u t-tielet biex inħajjar oħrajn iżuru din il-belt Marjana mhux biss għall-kurżità jew biex jitolbu xi grazzja inkella biex jirringrazzjaw lill-Madonna, iżda għax hemmhekk hu l-post tat-tluq għal ħafna attrazzjonijiet oħra fil-lbiċ ta’ Franza.

Il-ktieb hu ta’ daqs żgħir (A6) biex tkun tista’ ġġorru miegħek, fih 334 paġna, u hu maqsum f’sitt taqsimiet. Fihom nagħti tagħrif dettaljat dwar Lourdes u s-Santwarju kif ukoll dwar il-postijiet ta’ interess fihom; tagħrif dwar l-eskursjonijiet li wieħed jista’ imur ’il barra minn din il-belt Marjana; u ġabra ta’ esperjenzi ta’ wħud li marru Lourdes l-ewwel darba kif ukoll ftit mill-esperjenzi li għaddejt minnhom jien fl-34 sena li issa ilni ntella’ Maltin u Għawdxin Lourdes. Esperjenzi li stajt għaddejt minnhom int ukoll jekk kellek ix-xorti tmur Lourdes.  Hemm imbagħad tagħrif dwar Santa Bernadette, id-dehriet tal-Madonna u għalfejn id-dehriet kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, it-talba tar-Rużarju u l-Via Sagra fuq l-Għolja tal-Kalvarju.

Se jiġi stampat biss numru limitat ta’ dan il-ktieb u għalhekk qed nistiednek tordna l-kopja tiegħek għal donazzjoni ta’ €10 u €2.25 oħra għall-posta. Ma jistgħux jinħarġu ċekkijiet ta’ inqas minn €20 u għalhekk dawk li joġgħobhom jibgħatu ċekk ta’ €20 u xi ħaġa aktar inwegħdhom li d-differenza bejn il-ħlas tal-ktieb u l-posta u l-ammont taċ-ċekk se nagħtiha lit-tmexxija tas-Santwarju ta’ Lourdes li matul is-sentejn tal-pandemija esperjenzat telf ta’ madwar tmien miljun euro. Rendikont ta’ din l-inizjattiva nagħtih lil dawk kollha konċernati ’l quddiem.

Għaldaqstant, jekk titħajjar għal kopja tal-ktieb Pass, Pass ġo Lourdes u fil-madwar ibgħatli d-donazzjoni tiegħek flimkien mal-ħlas tal-posta (€12.25 b’kollox) permezz ta’ REVOLUT (Michael 79233264) inkella bil-posta fl-indirizz 566 Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera SVR1018 flimkien ma’ ismek, l-indirizz postali u n-numru tat-telefon. F’każ ta’ diffikultà ċempilli fuq 7923 3264.

F’dawn l-aħħar għaxar snin (bejn l-2010 u l-2019) żaru Lourdes medja ta’ 6,412-il Malti u Għawdxi kull sena.

Il-ktieb ikun lest fl-aħħar ta’ Mejju.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: