Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2022, fis-6.30pm, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, se jmexxi l-Ordinazzjoni Djakonali ta’ MATTHEW BAJADA (mill-Parroċċa taż-Żjara tal-Verġni Marija, l-Għarb).
Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 16 ta’ Ġunju, fis- 7.30pm, fil-Bażilika tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. Wara, mill-10.00pm sas-7.00am tal-għada, ikompli Lejl ta’ Adorazzjoni b’talb għall-ordinand fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri, il- Belt Victoria.
Kemm l-Ordinazzjoni u kemm il-Velja se jkunu mxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese.
Matthew Bajada
Matthew Bajada, iben Michael Bajada u Lorraine mwielda Farrugia, twieled nhar it-30 ta’ Ġunju 1996. Trabba u għex fil-Parroċċa taż-Żjara tal-Verġni Marija, l-Għarb. Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Konservatorju tal-Isqof u wara fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Kompla bl-istudji tiegħu fuq livell postsekondarju fl-Istitut għall-Istudji Avvanzati Sir Michelangelo Refalo, il-Belt Victoria.
F’Mejju 2014 ressaq it-talba tiegħu biex jibda l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, u f’Ottubru ta’ dik is-sena beda s-sena propedewtika. F’Mejju 2015 reġa’ ressaq talba oħra biex jibda l-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju fl-istess Seminarju, li bdieh f’Settembru ta’ dik is-sena. Matul l-ewwel sena ta’ formazzjoni għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat, waqt li fit-tieni u fit-tielet sena għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra.
Bejn Settembru 2018 u Lulju 2019 għex l-esperjenza tas-sena intermedjarja f’komunità ta’ L’Arche f’Bologna, l-Italja, fejn bħala voluntier għex u ħadem ma’ persuni b’diżabbiltà fiżika u mentali u ma’ dawk li jassistuhom. Bejn Settembru 2019 u Ġunju 2020 għex esperjenza ta’ sena intermedjarja oħra fil-komunità terapewtika u riabilitattiva Casa del Giovane f’Pavia, l-Italja, li prinċipalment tilqa’ fiha persuni b’dipendenzi ta’ droga, alkoħol, u logħob tal-azzard, fost l-oħrajn.
Lura mis-sentejn intermedjarji, f’Settembru 2020 kompla l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex. Beda jagħmel esperjenza pastorali fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala, fejn għadu sal-ġurnata tal-lum. Irċieva l-ministeru tal-Lettorat minn idejn l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma nhar il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2021 fil-Knisja parrokkjali ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri. Ġie istitwit bħala Akkoltu mill-istess Isqof nhar il-Ħadd 12 ta’ Diċembru 2021 fil-Bażilika u Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. Nhar is-Sibt 30 ta’ April 2022 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.
