Migranti u Refuġjati: Inpoġġu l-vulnerabbli fiċ-ċentru

Print Friendly, PDF & Email

“Imma x’taħseb li jfisser li tpoġġi l-aktar vulnerabbli fiċ-ċentru?”

Il-Papa Franġisku poġġa din il-mistoqsija fil-filmat tas-sezzjoni tal-Migranti u Refuġjati, li ħareġ it-Tlieta 7 ta’ Ġunju, li jenfasizza l-qagħda tal-ħafna migranti u refuġjati, persuni li kellhom jitilqu minn djarhom u vittmi tat-traffikar

 “Fil-futur ħadd m’għandu jiġi eskluż,” saħaq il-Papa, li appella lil kulħadd biex “iġib fiċ-ċentru lil dawk kollha li jgħixu fil-periferiji” – kemm fiżiċi kif ukoll eżistenzjali.

Il-filmat fih diversi riflessjonijiet dwar xi jfisser li tpoġġi l-aktar vulnerabbli fiċ-ċentru. Ifisser “li npoġġu l-Evanġelju fiċ-ċentru u nifhmu wkoll li f’kull mument, kull wieħed minna jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ emarġinazzjoni, dgħjufija jew vulnerabbiltà”. Riflessjoni oħra tinnota li tinkludi “li nkunu magħqudin billi nagħtu l-istess opportunitajiet lil kulħadd”.

F’dan il-filmat tidher ukoll l-istorja ta’ Ana Alicia Semprún Faria, omm Venezwelana ta’ tlett itfal. Minħabba s-sitwazzjoni ta’ kriżi f’pajjiżha, Ana, flimkien ma’ żewġha, kellha taħrab lejn l-Ekwador, biex tfittex ħajja aħjar għal uliedha. Wara li stabbiliet ħajja ġdida fl-Ekwador, Ana waqqfet “Psicomamá”, servizz li toffri lill-komunità li jipprovdi stimulazzjoni bikrija, speech therapy u occupational therapy, kif ukoll stimulazzjoni konjittiva lin-nies fil-bżonn.

“L-istorja tal-familja tagħna reġgħet inbniet hawn. Uliedi kibru hawn. Jien għamilt memorji ġodda hawn. Hawnhekk, qed nibnu mill-ġdid l-istorja tagħna,” tgħid Ana.

Dan huwa wieħed minn sett ta’ vidjows qosra lis-sezzjoni tal-Migranti u r-Refuġjati fid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvillup Integrali tal-Bniedem qed tagħmel biex turi l-esperjenzi tal-migranti u r-refuġjati li jkunu mġiegħla jaħarbu minn sitwazzjonijiet diffiċli f’pajjiżhom, bi preparament għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati li din is-sena se jaħbat fil-25 ta’ Settembru.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-migrants-refugees-video-vulnerable.html

%d bloggers like this: