Sinjali oħra tal-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija fl-ewwel Millenju tal-Kristjaneżmu

Minn Manwel Cutajar KCHS

Il-Miraklu Ewkaristiku fi Trani, fl-Italja, madwar is-sena 1000

Mara, mhux Nisranija,għamlitha tabirruħha li kienet Nisranija,u marret titqarben fil-knisja ta’ San Indri. Wara li rċeviet l-Ewkaristija, neħħietha minn ħalqha u poġġitha f’maktur. Malli waslet id-dar riedet  tara, b’disprezz ukoll lejn Alla, jekk l-Ewkaristija hijiex tabilħaqq il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Poġġiet l-Ostja kkonsagrata f’taġen b’żejt jagħli. F’dak il-waqt l-Ostja b’mod mirakuluż saret Laħam li minnu beda ħiereġ ħafna Demm li beda jinxtered mad-dar kollha u barra mid-dar ukoll. Malli rat hekk hi beżgħet u bdiet tgħajjat,tant li xi ġirien ġrew lejn darha biex jaraw x’ġara. Minnufih,l-Arċisqof tal-post ġie infurmat bil-ġrajja u ordna li l-Ostja  tittieħed lura fil-knisja minn fejn kienet ġiet misruqa. Wara, l-Ostja Mirakuża tqiegħdet f’relikwarju tal-Fidda, u għadha meqjuma sal-lum fil-Katidral iddedikat lil Marija Santissma Assunta, fi Trani. Barra minnhekk id-dar li fiha seħħ dal-Miraklu nbidlet f’kappella.

San Piju ta’ Pietrelcina kkumenta hekk dwar dan il-Miraklu:“Trani hi belt fortunata, għax id-Demm ta’ Kristu ħasel artha.”

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Ivorra, Spanja, fl-1010

F’dan ir-raħal il-Kappillan Fr.Bernat Oliver waqt li kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa beda jiddubita mill-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.F’daqqa waħda seħħ dan il-Miraklu:L-Inbid ikkonsagrat  fil-kalċi ġie mibdul kollu kemm hu f’Demm ħaj, u nxtered fuq il-korporal u t-tvalja tal-artal u nieżel ukoll fl-art. L-Isqof ta’ Urgell Ermengol ġie nfurmat b’dak li ġara u  minnufih mar f’Ivorra biex jikkonferma personalment il-fatti. Huwa rrapporta dal-Miraklu direttament lill-Papa Sergius 1V f’Ruma. Wara stħarriġ intensifikat il-Papa ffirma Bolla Pontifikali  li fiha uffiċjalment ikkonferma dal-Miraklu.

Sa mill-1426 il-korporal tal-Artal imċappas bid-Demm ta’ Kristu  għadu meqjum sal-lum f’Relikwarju gotiku, mogħti mill-istess Papa.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ San Pietru Damjan, fl-Italja, fl-1050

San Pietru Damjan, Duttur tal-Knisja, jiddeskrivi dal-Miraklu fl-Opusculum XXX1V, Patrologia Latina vol.CXLV, col.573. b’dan il-mod:

“Fl-1050,mara żagħżugħa, imħegga minn saħħara, irnexxielha tisraq Ostja kkonsagrata u kienet se tieħu l-Ewkaristika fid-dar tagħha biex twettaq sagrileġġ. Madanakollu, qassis induna b’dak li kien qed jiġri, ġera warajha u rkupra l-Ostja li serqet iż-żagħżugħa. F’dak il-ħin, il-qassis meta fetaħ il-maktur abjad li fiha kienet imgeżwra l-Ostja Sagra, innota li l-Ostja kienet ġiet mibdula b’tali mod li nofs l-Ostja kienet saret il-Ġisem tal-Mulej b’mod viżibbli, filwaqt li n-nofs l-ieħor żamm id-dehra  tal-Ostja. B’xhieda ċara bħal din Alla ried jirbaħ fuq in-nuqqas tat-twemmin, tas-seħer, u tal-ereżija min-naħa ta’ dawk li jemmnux u jiċħdu l-eżistenza tal-Preżenza Reali ta’ Ġesù Kristu fil-Misteru tal-Ewkaristija.”

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Bettbrunn, fil-Ġermanja

Fis-sena 1125, fir-raħal ta’ Bettbrunn bidwi devot ħafna tal-Ewkaristija, iżda ma kienx jista’ imur il-quddies kemm xtaq peress  li l-knisja kienet ’il bogħod mir-razzett  tiegħu f’Viehbrunn, iddeċida li bil-moħbi jisraq  l-Ostja kkonsagrat u jeħodha miegħu d-dar. Huwa naqqax ħofra żgħira fit-tarf ta’ fuq tal-bastun li kien iġorr miegħu kuljum u qiegħed l-Ostja hemmhekk. Kuljum kien iwaħħal il-bastun fl-art u għarkubbtejh kien jadura l-Ewkaristija għal sigħat sħaħ. Għal diversi xhur, il-bidwi kompla jagħmel hekk sakemm jum wieħed, mingħajr ma ħasibha, tefa’ b’mod impulsiv il-bastun bl-Ewkaristija fih lejn il-merħla li kienet tbiegħdet wisq. L-Ostja waqgħet fl-art u l-bidwi imnikket inxteħet fl-art biex jiġbor l-Ewkaristija. Iżda bl-ebda mod ma seta’ jiġborha mill-art.Meta ma kienx jaf aktar x’kellu jagħmel bagħat għall-Kappillan ta’ Tholling. Iżda lanqas is-saċerdot ma seta’ jiġbor is-Sagrament u fl-aħħar talbu lill-Isqof Hartwich ta’ Regensburg, li minnufih mar fil-post tal-Miraklu mal-kleru tiegħu. Kien biss meta l-Isqof wiegħed li  jibni kappella f’dakil-post li rnexxielu jiġbor l-Ostja mill-art. Fl-1125, il-bini tal-kappella tlesta u l-Ostja Mqaddsa nżammet fil-kappella sal-1330 meta din il-kappella ġiet meqruda b’nar qawwi. Aktar tard il-kappella reġgħet inbniet mill-ġdid u  saret post ta’ ħafna pellegrinaġġi u devozzjoni tan-nies.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Ferrara, fl-Italja

Dan il-Miraklu seħħ fil-Bażilka ta’ Santa Marija In Vado, nhar il-Ħadd il-Għid, fit-28 ta’ Marzu 1171. Waqt li l-Pirjol tal-Kanonċi Regulari Portuensi. Patri Pietro da Verona kien qiegħed jiċċelebra l-Quddiesa tal-Għid flimkien ma’ tliet konfratelli oħra (Buno, Leonardo u Aimone),u meta wasal il-mument  biex jaqsam l-Ostja Kkonsagrata, id-Demm ħareġ mill-Ostja u tefa’ qtar kbir mas-saqaf tal-kripta żgħira ta’ fuq l-artal. 

L-Isqof Amato ta’ Ferrara u l-Arċisqof Gherardo ta’ Ravenna ġew infurmati minnufih bil-Miraklu. Huma raw b’għajnejhom stess il-miraklu, jigifieri “id-Demm li rajna jħammar is-saqaf tal-kripta.” Il-knisja mill-ewwel saret destinazzjoni  pellegrina, u aktar tard fis-sena 1495 inbniet mill-ġdid u akbar fuq ordni tad-Duka Ercole d’Este.

Hemm ħafna sorsi dwar dan il-Miraklu, fost l-aktar importanti hemm il-Bolla tal-Papa Ewġenju 1V ( tat-30 ta’ Marzu 1442) li fiha jsemmi dan il-Miraklu Ewkaristiku b’referenza għax-xhieda tal-fidili Nsara; u l-manuskritt ta’ Gerardo Cambrenes tal-1197 ikkonservat fil-librerija Lamberth ta’ Canterbury li hu kkonsidrat bħala l-eqdem dokument li jsemmi dal-Miraklu Ewkaristiku.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Augsburg, fil-Ġermanja

Fl-1194 mara minn Augsburg li kienet devota ħafna tal-Ewkaristija xtaqet li jkollha Ostja Kkonsagrat f’darha. Wara li resqet għat-Tqarbin, mingħajr ħadd ma raha,  poġġiet l-Ostja f’maktur, ħadet is-Santissimu Sagrament id-dar u poġġiet l-Ispeċi Ewkaristika f’kontenitur tax-xama’ ġewwa armarju. Għaddew ħames snin u fl-11 ta’ Mejju 1199, il-mara, itturmentata minn rimors spiritwali stqarret mas-Superjur tal-Kunvent tad-Dumnikani ta’ Heilig Kreuz (Is-Salib Imqaddes), Patri Berthold, li qalilha biex ġġib lura l-Ostja Imqaddsa. Is-saċerdot fetaħ il-kisja tax-xema’ li kienet tagħlaq l-Ostja u ra li l-Ewkaristija ġiet mibdula f’Laħam Imdemmi. L-Ostja dehret “maqsuma f’żewġ Partijiet magħqudin flimkien permezz tal-ħjut irqiq tal-Laħam inixxi d-Demm.” Patri Berthold mar minnufih għand l-Isqof tal-belt ta’ Udalskalk li dan ordna li l-Ostja Mirakuluża tiġi “ittrasferita mill-kleru u n-nies fil-Katidral u esebita f’ostensorju tal-kristall għall-qima pubblika.” Il-Miraklu kompla wkoll billi  L-Ostja bdiet tikber u tinfetaħ, u dan il-fenomenu dam quddiem għajnejn kulħadd minn Ħadd il-Għid sal-festa ta’ San Ġwann Battista. Wara dan L-Isqof ħa lura l-Ostja fil-Kunvent ta’ Heilig Kreuz u pproklama li “b’tifkira tal-ġrajja tant memorabbli u straordinarja,” għandu jkun hemm Kommemorazzjoni Speċjali kull sena b’tifkira ta’ dal-Miraklu. L-Ostja mirakuluża ilha miżmuma b’qima kbira fil-Knisja tas-Salib Imqaddes f’kundizzjoni perfetta għal aktar minn 780 sena. Minbarra dal-Miraklu seħħet ukoll id-dehra tal-Ostja b’Ġesu Bambin fiha liebes l-abjad b’wiċċu jiddi u rasu mdawra b’Kuruna tad-Deheb.