Kooperazzjoni internazzjonali essenzjali biex insalvaw l-oċeani u l-futur tagħna

Print Friendly, PDF & Email

It-8 ta’ Ġunju, huwa l-Jum Dinji tal-Oċeani, li għandu l-għan li jissensibilizza liċ-ċittadini minn madwar id-dinja fuq l-importanza li nisalvagwardjaw l-ibħra tad-dinja. F’din il-ġurnata, l-esperti nġabru fil-Vatikan għal konferenza ta’ ġurnata dwar is-saħħa tal-ibħra u l-oċeani u r-rwol tagħhom fil-preżent u l-futur tal-umanità.

Organizzata mill-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi, b’kollaborazzjoni mal-istitut tar-riċerka tal-Italja Zoologica Anton Dohrn, il-laqgħa kellha l-għan li taqsam l-ideat u s-soluzzjonijiet possibbli biex jiġu salvati l-oċeani tad-dinja, kif ukoll li tikkontribwixxi għad-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti tax-Xjenza tal-Oċean għall-Iżvilupp Sostenibbli (2021-2030).

L-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi twissi li qed ngħixu “f’perjodu bla preċedent fl-istorja tal-umanità għall-impatti potenzjali fuq il-kwalità ta’ ħajjitna”. L-impatt tal-bniedem fuq l-ibħra u l-oċeani tad-dinja, llum jinħass aktar minn qatt qabel, twissi l-Akkademja, u se jkompli jikber hekk kif il-popolazzjoni dinjija titla’ għal madwar 11-il biljun ruħ sal-aħħar tas-seklu.

Għal din ir-raġuni, pjanijiet u prattiċi sostenibbli għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr biex jiggarantixxu s-saħħa globali, n-nutrizzjoni tal-pjaneta, l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, u riżorsi minerali li jipprovdu l-oċeani tad-dinja.

Id-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għax-Xjenza tal-Oċean għas-Sostenibbiltà beda fl-2021 u għandu l-għan li jilħaq l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, ispirata mill-enċiklika ‘Laudato sí’, tal-Papa Franġisku u deskritta mill-mexxejja dinjija fil-ftehim li sar fis-Summit ta’ Pariġi dwar il-klima, li sar fl-2015.

F’din il-laqgħa li saret fil-Vatikan eżaminaw l-istat attwali tal-ibħra u l-oċeani tad-dinja, kif dawn isostnu l-umanità issa u kif jistgħu fil-futur, kif nipproteġu dan il-ġid komuni universali, iżda limitat, u kif il-komunità xjentifika u l-istituzzjonijiet globali jistgħu jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Fil-laqgħa tkellmu bijoloġisti tal-baħar, xjenzati tal-oċeani, ekonomisti, mexxejja kulturali u reliġjużi, kif ukoll rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet globali involuti fit-tħaddim jew fil-leġislazzjoni f’dawn l-oqsma.

Il-Professur Joachim von Braun, President tal-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi, wissa li l-oċeani tagħna jinsabu fi “nkwiet kbir”, minħabba t-tniġġis, l-isfruttament u t-tnaqqis tal-ħut, u l-ħsara liż-żoni kostali. Bħala espert globali fil-bidla ekonomika u teknoloġika u professur fl-Università ta’ Bonn, il-Ġermanja, l-Professur von Braun qal li huwa “assolutament essenzjali li l-pajjiżi jikkooperaw,” u jegħlbu l-operat b’mod indipendenti li jwassal biex inaqqsu u jagħmlu ħsara lill-oċeani b’modi li jpoġġu l-futur tagħhom u tagħna stess f’riskju. Jgħid li dan jinkludi l-istabbiliment ta’ regoli li jinżammu u li jirregolaw l-użu tal-ilmijiet tal-oċeani, s-sajd, l-artijiet tal-oċeani, u l-minjieri.

Il-Papa Franġisku qa li “mhux possibbli li tgħix b’saħħtek f’dinja marida”.

L-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi żżid li l-umanità kollha trid taħdem għat-tkabbir sostenibbli fl-użu tar-riżorsi tal-baħar, li huma taħt stress kbir minħabba l-impatt tal-bniedem fuq l-ambjent, speċjalment li jaffettwa lill-ifqar fid-dinja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-06/international-cooperation-key-to-saving-oceans-and-our-future.html

%d bloggers like this: