Dan il-ktieb iwassal messaġġ ċar u bi kliem li jifhmu kulħadd
Michael Caruana
Għadhu kemm ġie ppubblikat il-ktieb Kelmet ir-Ruħ ta’ Noel Cachia: ġabra ta’ 345 ħajku li fihom l-awtur jesprimi xbieha, ħsieb jew sentiment wieħed biss. Ir-ritmu ta’ kull ħajku jidwi x-xeħta tal-kontenut filosofiku, riflessiv, umoristiku, didattiku u ironiku tal-awtur. Il-konċiżjoni, is-suġġestjoni, l-implikazzjoni u s-sens moħbi bejn il-versi huma parti mit-tifsira ta’ din il-forma poetika Ġappuniża misjuba bħala ħajku.
Il-ħajku li fil-ktieb Kelmet ir-Ruħ jitrattaw ir-reliġjon u Noel Cachia kklassifikahom skont it-tema f’ordni alfabetiku. Ċerti ħajku, izda, jaqgħu taħt temi differenti u, bħalma għamel fil-kotba tan-novelli, fir-rumanzett u fl-ewwel ġabra ta’ ħajku, l-awtur uża kitba faċli u ħafifa biex il-qarrej jifhimha u jieħu gost jaqraha.

Id-daħla tal-ktieb saret minn Monsinjur Professur Hector Scerri li jikteb li hu u jaqra u jixtarr il-ħsibijiet tal-awtur seta’ jilmaħ il-vjaġġ ta’ bniedem ta’ fidi huwa u jissielet biex jgħix b’impenn akbar il-fidi Nisranija tiegħu. Fl-istess ħin hu qed iwassal messaġġ bi kliem li jifhmu kulħadd. “Dan, Noel Cachia jagħmlu bi stil ċar u dirett. Spiss stħajjilt kull ħajku daqslikieku arċier li b’sengħa kbira jiġbed il-qaws, jimmira u jolqot bi preċiżjoni kbira. Kull ħajku jwassal messaġġ ċar daqs il-ktistall”, isostni Monsinjur Scerri.
Hu jissokta li t-temi kollha li jirrifletti u jikteb dwarhom Noel Cachia huma spiritwali u tgħaxxaq jaqra l-ġabra li hi mexxejja u pjaċevoli. L-awtur jikteb b’sinċerità, jagħraf id-dgħufija tiegħu u kemm hu iebes għalih li jħobb skont l-amar tal-Mulej. Kemm hi sfida kbira li wieħed iħobb lil min jobgħodu.
Monsinjur Scerri jkompli li s-sinċerità tal-awtur tkompli tispikka meta jfakkar li spiss jista’ jiġri li t-talb tagħna jkun biss fomm li jitħarrek, iżda fatti ftit li xejn, jew anki xejn. Jikteb li Noel Cachia hu midħla sew tal-Kelma ta’ Alla tant li din toħroġ direttament jew indirettament b’bosta mill-vrus tiegħu.
Isostni li l-ġabra ta’ Noel Cachia fiha katekeżi soda u ċ-ċokon tal-awtur quddiem il-kobor ta’ Alla tispikka bix-xbihat li hu juża u jittrasmetti lill-qarrej. L-awtur jiddedika 39 ħajku għall-veru sens tal-misteru tal-Inkarnazzjoni u 49 ħajku oħra għall-misteru tat-tbatija, il-mewt u l-qawmien tal-fidwa tal-Mulej. Juża kliem mill-aktar evokattiv biex idaħħal lill-qarrej fl-ispirtu tassew tal-fidwa tagħna.
Monsinjur Scerri jtemm li Noel Cachia ma jonqosx minn ironija fina u milli jnissel tbissima fuq wiċċ il-qarrej. “Wara li qrajt dan il-ktieb, ħassejtni mhux biss aħjar, iżda wkoll ixxurtjat li doqt il-ġmiel tas-sempliċità u l-fond tar-riflessjoni tal-awtur”.
Il-ktieb Kelmet ir-Ruħ qed jinbiegħ għall-prezz ta’ €3 u d-dħul minnu Noel Cachia se jagħtih lill-Moviment Hospice. Dawk li jridu kopja jistgħu jikkuntattjaw lill-awtur fuq 7907 0927 jew jiktbulu fl-indirizz noel.cachia01@gmail.com