Delegati ġodda għall-Edukazzjoni Reliġjuża u għall-Katekeżi

Print Friendly, PDF & Email
Dun Carl-Mario Sultana

Delegat ġdid għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Il‑Konferenza Episkopali Maltija ħatret lil Dun Dr Carl‑Mario Sultana bħala Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża.

Dun Dr Carl‑Mario Sultana studja fl‑Università ta’ Malta u fl‑Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma fejn speċjaliżża fil‑Pastorali maż‑Żgħażagħ u l‑Kateketika. Huwa lettur anzjan fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fi ħdan l‑Università ta’ Malta u ilu jgħallem l‑Edukazzjoni Reliġjuża u l‑Kateketika mill‑2007. Fl‑2017 nħatar Kap tad‑Dipartiment tat‑Teoloġija Pastorali, Liturġija u Liġi Kanonika fl‑istess Fakultà.

Il‑missjoni tad‑Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża tkopri dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑Edukazzjoni Reliġjuża bħala suġġett li jiġi mgħallem fl‑iskejjel tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti. Flimkien mal‑Uffiċjali Edukattivi għat‑Tagħlim tar‑Reliġjon fi ħdan il‑Ministeru tal‑Edukazzjoni, id-Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża jfassal u jħejji programmi ta’ tagħlim u sillabi biex jiġu mgħallma fl‑iskejjel u jingħata taħriġ speċjalizzat lill‑għalliema tar‑Reliġjon biex dan it‑tagħlim jibqa’ jingħata bl‑aħjar mod possibbli.

Dun David Torpiano

Delegat ġdid għall-katekeżi

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Dr David Torpiano bħala Delegat għall‑Katekeżi.

Dun Dr David Torpiano rċieva l‑formazzjoni tiegħu għall‑ħajja saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù, u l‑formazzjoni akkademika tiegħu fil‑Fakultà tat‑Teoloġija, fl‑Università ta’ Malta fejn kiseb Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fit‑3 ta’ Lulju 2011. Aktar tard, kiseb Liċenzjat fil‑Kateketika mill‑Università Pontifiċja Salesjana u Dottorat fit‑Teoloġija Fundamentali mill‑Università Pontifiċja Gregorjana, it‑tnejn f’Ruma, l‑Italja. Huwa serva fil‑parroċċa ta’ Santa Katarina fiż‑Żurrieq u fil‑preżent qed jagħti s‑sehem tiegħu fil‑parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil‑Belt Valletta, u bħala Segretarju tal‑Kunsill Presbiterali.

Id‑Delegat għall‑Katekeżi għandu l‑missjoni li jikkordina u janima l‑ħidma kateketika, mit‑tfulija sa tul il‑ħajja kollha, li ssir fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, b’mod partikolari fil‑familja, fil‑parroċċi u fil‑komunitajiet Insara. 

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: