Il-film qasir li tnieda fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni ta’ Pauline Jaricot, inħadem mill-Fides f’isem l-Opri Missjunarji Pontifiċji u jġib l-isem ‘To Look From Above’. Il-film jirrakkonta l-istorja u l-esperjenza ta’ fidi ta’ Pauline Jaricot permezz tal-għajnejn u l-ħajja ta’ Claire, żagħżugħa tal-lum, u huwa maħsub bħala storja fi storja. L-enfasi hija fuq ix-xandir taċ-ċentralità ta’ Kristu fil-ħajja ta’ Pauline, biex it-telespettaturi, speċjalment iż-żgħażagħ, jinġibdu lejn il-messaġġ li emmnet fih, l-Evanġelju.
Matul ix-xahar ta’ Lulju tista’ taqra aktar fuq il-film dwar il-Beata Pauline Marie Jaricot, fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom naqra dwar il-Jum Dinji Għan-Nanniet u Għall-Anzjani tal-2022 li l-Papa ddedikah għall-importanza sabiex l-anzjani jiġu mistiedna jikkontribwixxu għall-bini ta’ dinja aħjar. Artiklu ieħor ilaqqana ma’ Dun Jai, missjunarju li ilu diversi snin iservi fil-komunità ta’ Kuditini fl-Indja.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.