Tgħidli: “Biex ġej? Mela inti tifhem fil-moda?” Forsi għax ommi, Alla jaħfrilha, kienet ħajjata brava li, mingħajr mudelli, ħietet min jaf kemm ilbiesi tat-tieġ lin-nies tal-Furjana, fejn konna noqogħdu. Niftakarni ta’ tifel inneħħi t-tixlil bil-labra. Qbadt dan is-suġġett għax imiss tradizzjoni interessanti marbuta maż-żjarat ta’ sovrani lill-Papiet fil-Vatikan.
Illum diffiċli jiġuna f’moħħna persuni li ma jagħmlux użu minn privileġġ li jkunu ngħataw. Imma hekk għamlet Charlène ta’ Monaco fl-udjenza privata li kellha mal-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa 20 ta’ Lulju. Il-prinċipessa Charlène, milqugħa mill-Papa flimkien mar-raġel tagħha, il-prinċep Alberto II, hi fost 7 sovrani li jgawdu minn dak li jsejħulu l-“privileġġ tal-abjad”, kodiċi ta’ lbies li hu riservat għal numru ristrett ta’ rġejjen, prinċipessi u dukessi Kattoliċi, li għandhom il-privileġġ li jilbsu lbies abjad meta jkollhom udjenza mal-Papa.
Sovrani oħrajn, fuq protokoll antik li issa l-Papa Franġisku wessa’ xi ftit, huma mitluba jilbsu l-iswed, il-lewn assoċjat ma’ turija ta’ umiltà u rispett. Charlène kienet l-ewwel prinċipessa ta’ Monaco li setgħet tgawdi minn dan il-privileġġ. Charlène, li twieldet fl-Afrika t’Isfel, kienet ta’ reliġjon Protestanta għal ħafna minn ħajjitha. Saret Kattolika fl-2011, tliet xhur qabel iż-żwieġ ma’ Alberto, kif mitlub mill-kostituzzjoni tal-Prinċipat ta’ Monaco, biex tkun tista’ titla’ fit-tron u tiġi mħarsa s-suċċessjoni.
F’ritratti aktar lura fiż-żmien naraw li l-prinċipessa Grace ta’ Monaco kienet marret liebsa skont il-protocol: libsa lewn iswed, twila sal-għonq u bil-kmiem twal u b’velu iswed li jgħatti r-ras u jinżel fuq parti mill-ispallejn.
Minkejja d-dritt tal-għażla, għat-tielet udjenza mal-Papa, Charlène marret b’rasha mgħottija u b’libsa minn Terrence Bray, l-istilista minn Monaco ħabib tal-familja, kollox fuq l-iswed. Spikkat il-kuruna tar-Rużarju, tal-perli. Hawn min jgħid li l-prinċipessa
kienet sabet ħafna konfort fil-fidi, li hi Kattolika ferventi, u devota speċjalment ta’ Sainte Devote, il-patruna ta’ Monaco.
Fiż-żewġ żjarat li għamlet lill-Papa, lil Benedittu fl-2013 u lill-Papa Franġisku fl-2016, Charlène kienet libset l-abjad.
Dwar iż-żjara lill-Papa Benedittu XVI, tgħid li: “F’Jannar tal-2013 il-prinċep ħadni l-Vatikan biex jintroduċini mal-Papa Benedettu XVI, l-istess kif kien għamel il-prinċep Ranier ma’ Grace Kelly, għand il-Papa Piju XII”. Il-prinċipessa stqarret li “dik l-esperjenza kienet tassew intensa u kommoventi”.
Minbarra Charlène, il-grupp ta’ ‘privileġġjati’, dawk li jistgħu jilbsu bl-abjad u li għadhom ħajjin, huma Letizia ta’ Spagna u l-kunjata tagħha r-reġina emerita Sofia, ir-reġina, ukoll emerita, Paola tal-Belgju u r-regina Matilde, il-mara ta’ binha, il-grandukessa tal-Lussemburgo Maria Teresa u, għadha mniżżla d-dukessa ta’ Savoia, li fis-seklu kienet Marina Doria, il-mara tar-re Vittorio Emanuele.
Fost is-sovrani l-oħra, dawk mhux kattoliċi imma li ddaħħlu mil-libertà li offra l-Papa Franġisku, hemm ir-reġina Elisabetta tal-Ingilterra. L-aħħar darba li żaret il-Vatican kien fl-2014 filwaqt li fl-udjenzi ta’ qabel kienet liebsa l-iswed. Meta Lady Camilla, mart id-Duka ta’ Edinburgh żaret lill-Papa Ġwanni Pawlu II, għażlet libsa tal-lewn krema.
Każ emblematiku hu dak ta’ Maxima, ir-regina tal-Olanda. Ma rrinunzjatx il-fidi Kattolika minkejja li żżewġet lil Protestant, Willem-Alexander, imma l-privileġġ ma japplikax għaliha. Maxima ma ħadithiex kontra dan u marret b’libsa twila sewda u b’velu.
Ir-reġina bl-abjad l-aktar filologica kienet Sofia, li minflok il-velu kellha mantilja, element tipiku fit-tradizzjoni Spanjola. Fl-2014 il-kunjata tagħha, ir-regina Letizia li tilbes skont id-disinjatur Felipe Varela, ukoll ippreferiet l-iswed.
Il-modernizzar tal-protokol kien ilu ġej. Biżżejjed tara kif kien l-ilbies qasir tat-dbielet ta’ rjali bħall -principessa Marija tad-Dannimarka, tar-regina Matilde tal-Belgju u wkoll ir-regina Silvia tal-Isvezia. Rania tal-Ġiordan, ta’ reliġjon Musulmana, iltaqgħet kemm mal-Papa Emeritu Benedetto XVI kif ukoll mal-Papa Franġisku. Libset l-iswed fiż-żewġ okkażjonijiet imma fit-tieni żjara tawha l-permess li tilbes velu abjad biex tnaqqas mis-sollennità tal-iswed. Fost l-irġejjen li ħarġu mir-regola nsibu lil Margerita tad-Danimarka li għall-udjenza mal-Papa Benedittu XVI fl-2006 għażlet li tilbes kollox fuq il-kulur griż.
Minkejja d-dritt tal-għażla, għat-tielet udjenza mal-Papa, f’dan il-każ mal-Papa Franġisku, Charlène marret b’libsa minn Terrence Bray, l-istilista minn Monaco ħabib tal-familja, u b’velu kollox fuq l-iswed. Spikkat il-kuruna tar-Rużarju, tal-perli. Hawn min jgħid li l-prinċipessa kienet sabet ħafna konfort fil-fidi, li hi Kattolika ferventi, u devota speċjalment ta’ Sainte Devote, il-patruna ta’ Monaco.
Joe Galea