Fit-tħejjija għat-tieġ, minbarra li nagħżlu l-knisja, is-sala, il-kuluri tal-ilbies u dak li jmur miegħu, kif ukoll l-ikel, ix-xorb u l-mużika, hu important għall-għarajjes li jibqgħu sodi fid-devozzjoni tagħhom lejn il-Familja Mqaddsa, l-aqwa fost il-familji. Mhemmx mudell aħjar minn hekk għaż-żwieġ. Ħafna koppji Kattoliċi jippreżentaw bukketti ta’ fjuri lill-Madonna dakinhar tat-tieġ b’sinjal ta’ fiduċja f’Marija. U hemm ħafna manjieri oħra biex nunuraw lil Marija waqt il-quddiesa tat-tieġ.
Mari u Trey Wagner
Għall-ewwel tliet snin ta’ ħajjitha, Mari Wagner għexet fil-Kolumbja, l-Amerka t’Isfel. Il-familja tagħha, bħal ħafna familji fl-Amerka Latina, kibru f’kultura Kattolika. Mari tiftakar lil nannitha tgħallimha u tkellimha dwar Marija, tiftakar fl-ikoni u l-istatwi mxerrda mad-dar tan-nanna u kif kienet tgħallimha s-‘Sliem Għalik Marija’ u tgħidilha kemm Ommna Marija tista’ tidħol għalina. Mari tgħid: “Naħseb li jiena kbirt bi ħbiberija ma’ Marija qabel ma kelli ħbiberija ma’ Ġesù. Marija kienet parti mill-istorja tiegħi u niftakar ħafna f’dan.”
Il-bridesmaids ngħataw kuruna speċjali tar-Rużarju
Meta omm Mari intebħet li, mingħajr ma stenniet, kienet tqila b’tarbija, ħafna minn ħbiebha ħajruha biex tagħmel abort. Minflok, hi fittxet il-faraġ u l-għajnuna ta’ Marija. Marret fil-ġnien fejn għandhom statwa tal-Madonna u talbet lil Marija għal warda b’lewn il-korall, il-kulur favorit tagħha. Stenniet sinjal ċar li kienet il-volontà ta’ Alla li żżomm it-tarbija u ma tagħmilx abort.
F’dak l-istaġun, ma kinux kibru ward fil-ġnien tal-familja, imma ġimgħa wara, jum qabel ma l-omm kellha tieħu d-deċiżjoni jekk iżżommx jew tneħħix it-tarbija, sabet warda miftuħa ħdejn l-istatwa tal-Madonna. Warda lewn il-korall!
It-tifla Mari kibret. ‘Il quddiem daħlet l-università. Iżżewġet fit-13 ta’ Marzu 2021. Fit-tieġ għażlet mod kif tunura lil Marija: li tqiegħed warda lewn il-korall fil-bukkett fjuri tagħha biex tiftakar fl-għażla li kienet għamlet ommha u b’radd il-ħajr tal-ħarsien kontinwu li tipprovdi Marija.
‘Mari stqarret hekk: “Rajt li l-istorja tal-warda fetħitli għajnejja biex tkun waħda mir-raġunijiet tar-relazzjoni hekk qrib tiegħi mal-Madonna. Marija kienet dejjem ommi, u dejjem ħarsitni, u baqgħat ħdejja sa minn twelidi.”
Kuruna fil-bukkett tal-bridesmaids
Illum Mari tmexxi negozju ta’ kuruni tar-Rużarju bil-marka “West Coast Catholic”. Ġiet imnebbħa għal dan meta hi u r-raġel tagħha Trey, kienu namrati jitħejjew għall-għerusija. Mari u Trey kienu fi grupp tal-“Istudenti Missjunarji Kattoliċi tal-Università” (FOCUS). Lura minn esperjenza f’kamp tas-sajf li kellu mal-grupp FOCUS, Trey għallem lil Mari kif tagħmel il-kuruni tar-Rużarju. B’ħajt u b’żibeġ differenti li Mari għażlet b’mod metikuluż, saret l-ewwel kuruna tal-“West Coast Catholic”.
L-ewwel kuruna kienet il-bidu tar-Rużarju msejjaħ tal-“Baħar tal-Galilea”. Mari tgħid: “Dik l-ewwel kuruna ġibditni biex nitlob ir-Rużarju aktar minn qatt qabel. “Qabel ma kontx akkanita ħafna għat-talba tar-Rużarju. Imma bil-ġmiel taż-żibeġ, il-ħajta mlewna u l-intenzjoni li għaliha dammejna l-kuruna, kont imħajra għat-talb mill-aspett tas-sbuħija.” Issa Mari toffri għażla wiesgħa ta’ kuruni li jinsabu għall-bejgħ fis-sit tagħha.
Fit-tieġ ta’ Mari u Trey, il-bukkett ta’ kull bridesmaid kien imdawwar mill-kuruna tal-“Qalb bla Tebgħa ta’ Marija”, kuruna b’żibeġ abjad ispirat minn dan it-titlu tal-Madonna. Bejn iż-żibeġ abjad kien hemm żibġiet żgħar lewn id-deheb li juru lil Marija bħala reġina.
Qabel il-quddiesa tat-tieġ, Mari u Trey talbu posta Rużarju flimkien. Din kienet prattika li kellhom meta kienu jiltaqgħu sa minn qabel l-għerusija. Kieu jsejħulhom “il-posta waħda tan-namur ta’ kuljum,” bil-ħsieb li jitolbu biex r-relazzjoni tagħhom tibqa’ għal ħajjithom kollha.
Waqt il-quddiesa tat-tieġ tagħhom, Mari u Trey ippreżentaw bukkett fjuri lil Marija waqt li tkantat is-Salve Regina.
Joe Galea