Ktieb bil-Malti fost mijiet ta’ kotba mill-Ewropa kollha

Print Friendly, PDF & Email

Diskussa l-possibbiltà ta’ pittura ta’ San Ġorġ Preca fil-bażilka San Piju X f’Lourdes

Michael Caruana, l-awtur tal-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi, għadu kemm ippreżenta kopji tal-ktieb tiegħu lill-Uffiċċju ta’ Turiżmu ta’ Lourdes u lis-Santwarju.

Il-kopja tal-ktieb lill-Uffiċċju tat-Turiżmu ġiet ippreżentata lil Corine Laussu, Uffiċjal Inkarigat mill-Promozzjoni u mill-Komunikazzjoni filwaqt li dawk lis-Santwarju ġew ippreżentati lil Don Jean-Xavier Salefran, il-Viċi Rettur u lil Joel Luzenko li kien Press Attachè fl-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju.

Ma’ dawn it-tliet personalitajiet Michael Caruana u martu Joan kellhom laqgħat kordjali ħafna u matulhom kienu diskussi, fost oħrajn, is-sitwazzjoni f’Lourdes wara l-pandemija, l-industrija tal-ospitalità u t-twaqqif tat-titjiriet chartered u wara scheduled tal-Air Malta għal Lourdes. L-Air Malta kienet iġġorr għal Lourdes u lura medja ta’ aktar minn 6,000 passiġġier f’xahrejn (bejn nofs Lulju u nofs Settembru) kull sena. Matul din is-sena hu mistenni li Lourdes jilqa’ biss nofs il-viżitaturi li kellu qabel il-pandemija u jaħsbu li jerġa’ jiġi għaċ-ċifra ta’ ħames miljun viżitatur fl-2025.

Kemm Corine Laussu kif ukoll Don Jean-Xavier Salefran kellhom kliem ta’ inkorraġġiment għax-xogħol ta’ Michael Caruana. L-Uffiċjal Inkarigat mill-Promozzjoni u mill-Komunikazzjoni tal-Uffiċċju tat-Turiżmu rringrazzjat lil Caruana għal dan ix-xoghol u għall-ħidma ma taqta’ xejn tiegħu li jippromovi lil din il-belt Marjana. Min-naħa tiegħu, il-Viċi Rettur tas-Santwarju faħħar ix-xogħol ta’ Caruana li qal li għandu jkun ta’ għajnuna għal min irid ikun jaf aktar dwar Lourdes u ta’ servizz għal dawk li jitħajru jżuruh.

Il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi fuq l-ixkafef tal-bookshop tas-Santwarju

Fil-laqgħa mal-Viċi Rettur tas-Santwarju, Michael Caruana qajjem il-possibbiltà li fil-bażilka San Piju X, fejn fost oħrajn nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd filgħodu ssir il-Quddiesa Internazzjonali, titqiegħed pittura ta’ San Ġorġ Preca ma’ tant pitturi ta’ qaddisin minn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja li hemm. Din il-possibbiltà Michael Caruana jizvela fil-ktieb tiegħu li kien iddiskutiha fil-perijodu bejn il-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca kemm mas-Santwarju ta’ Lourdes kif ukoll mal-Arċisqof u mas-Superjur Ġenerali tal-MUSEUM ta’ dak iż-żmien.

Dan l-aħħar Michael Caruana ddiskutiha din il-possibbiltà mal-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Sadattant, waqt li kienu Lourdes Michael Caruana u martu raw il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi jitqiegħed għal bejgħ fuq l-ixkafef tal-bookshop tas-Santwarju. Skont il-persuna inkarigata mill-bookshop illum, dan hu l-ewwel ktieb bil-Malti li jinsab fuq l-ixkafef ta’ din il-librerija ma’ għadd kbir ta’ kotba oħra mhux biss minn Franza iżda mill-Ewropa kollha u qed jinbiegħ minn hemmhekk bl-istess prezz li qed jinbiegħ hawn Malta.

Michael Caruanakkumenta li ma kienx faċli li l-ktieb tiegħu jsib postu fost tant u tant kotba b’tema reliġjuża u dwar Lourdes. “Għaddejt minn proċess li ħa l-ġimgħat u, billi l-pubblikazzjoni hi bil-Malti, l-affarijiet kienu ftit aktar diffiċli. Riedu, qabel jaċċettawh, ikunu jafu l-kontenut tiegħu, ir-rabta reliġjuża tal-pubblikazzjoni mad-dehriet tal-Madonna f’Lourdes u mas-Santwarju u ma’ elementi oħra”.

Il-Maltin li jkunu Lourdes u ma jirnexxilhomx jixtru kopja minn hawnhekk, issa jistgħu waqt li jkunu fis-Sanwarju jidħlu l-bookshop, imorru fis-sezzjoni tal-kotba/DVDs/Videos bl-Ingliż (għax l-Maltin naqgħu taħt dawk li jitkellmu b’din il-lingwa) u jaraw il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi hemmhekk.

“Dan hu unur mhux tant għalija bħala l-awtur tiegħu, għall-Progress Press li ħadet ħsieb il-layout u l-istampa jew għal tant oħrajn li għenuni fid-disinn, fir-ritratti u fil-proof reading iżda għal pajjiżna li qed jara ktieb bil-Malti espost għal bejgħ ma’ tant kotba b’lingwi oħra”, żied Caruana.

Waqt li kienu l-bookshop, huma assistew għall-bejgħ tal-ewwel żewġ kopji ta’ dan il-minn żewġ Għawdxin: Monsinjur Rużar Borg u s-Sur Carmelo Bajada, membri tal-Leġjun ta’ Marija, li ma’ oħrajn kienu qed jagħtu servizz volontarju fis-Santwarju.

%d bloggers like this: