Il-Papa lill-Kardinali: Jalla l-istagħġib, il-gratitudni tkun dejjem ħajja fi qlubna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku mexxa l-Quddiesa mal-Kardinali l-ġodda u l-Kulleġġ tal-Kardinali fil-Bażilika ta’ San Pietru kmieni t-Tlieta filgħaxija. Ċ-ċelebrazzjoni segwiet il-Konċistorju tas-Sibt għall-ħolqien ta’ Kardinali ġodda u jumejn ta’ laqgħat tal-Kardinali kollha biex jiddiskutu Prædicate Evangelium, il-Kostituzzjoni Appostolika l-ġdida tal-Kurja Rumana.

Fl-omelija tiegħu, l-Papa Franġisku rrifletta fuq it-tema tal-“għaġeb” kif deskritta fil-qari mħabbra waqt iċ-ċelebrazzjoni: il-meravilja ta’ San Pawl quddiem il-pjan salviviku ta’ Alla u l-meravilja tad-dixxipli li jiltaqgħu ma’ Ġesù Rxoxt li sejħilhom biex “jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”. L-Qdusija Tiegħu qal li hawnhekk nistgħu napprezzaw kif l-Ispirtu s-Santu jiggwida u jmexxina ‘l quddiem biex inxandru l-Evanġelju “lill-popli kollha u l-għeġubijiet tal-Mulej”. Il-Papa osserva li bħalma ħafna drabi nistgħaġbu bil-kobor tal-univers, hekk aħna wkoll “mimlijin bl-għaġeb meta nqisu l-istorja tas-salvazzjoni”, peress li “kollox isib l-oriġini, l-eżistenza, t-tmiem u l-iskop tiegħu fi Kristu”.

“Fi Kristu konna mbierka sa minn qabel ma nħolqot id-dinja; fih konna msejħin u mifdija; Fih il-ħolqien kollu jerġa’ lura għall-għaqda, u kollox, qrib u ‘l bogħod, l-ewwel u l-aħħar, huwa destinat, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, għat-tifħir tal-glorja ta’ Alla”.

Filwaqt li nistagħġbu bil-pjan ta’ salvazzjoni ta’ Alla, nistgħu nibqgħu mistagħġbin ukoll li “Alla jsejħilna biex nieħdu sehem f’dan il-pjan”, irrimarka l-Papa, kif naraw fil-missjoni mogħtija lill-appostli minn Kristu Rxoxt meta qallhom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28,19-20).

Il-Mulej serraħ ras id-dixxipli meta jgħidilhom: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20), u din il-wegħda “tispira t-tama u l-konsolazzjoni”, qal il-Papa. Dan il-kliem u dan il-mandat huma mogħtija lilna llum, żied jgħid, tferraħ lil qalbna anke wara elfejn sena li għaddew. Ejjew inkomplu nistagħġbu kif id-deċiżjoni divina li nevanġelizzaw id-dinja bdiet bi “grupp ta’ dixxipli mħawwda”, uħud minnhom għad kellhom d-dubji, iżda l-Papa qal li dan jagħti tama għalina nfusna wkoll.

“Din it-tip ta’ meravilja hija mod għas-salvazzjoni! Jalla Alla jżommha dejjem ħajja fi qlubna, għax jeħlisna mit-tentazzjoni li naħsbu li nistgħu “namministraw l-affarijiet”.”

Il-Papa Franġisku qal li rridu nevitaw sens falz ta’ sigurtà billi naħsbu li llum kollox huwa differenti u kollox stabbilit, jew nirriskjaw li naqgħu fil-“qerq, li bih il-Missier il-Gideb ifittex li jagħmel lis-segwaċi ta’ Kristu, l-ewwel jagħmilhom tad-dinja, imbagħad inutli”.

Is-sens ta’ stagħġib li nesperjenzaw permezz tal-Kelma ta’ Alla jqajjem fina wkoll “l-istagħġib li nkunu fil-Knisja, li nkunu Knisja”, żied jgħid il-Papa, li qal li l-għarfien li nkunu mbierka fi Kristu u li nagħtu xhieda tiegħu tgħin biex issaħħaħ il-komunità ta’ dawk li jemmnu u tagħmilhom attraenti għall-oħrajn.

Il-Papa qal li aħna nifirħu wkoll bi gratitudni għal dawn ir-rigali, l-imgħammdin kollha. Fakkar lil San Pawl VI li offra l-wirt tiegħu ta’ “mħabba għall-Knisja, mħabba li hija l-ewwel u qabel kollox gratitudni, stagħġib grat għall-misteru tagħha u għad-don li aħna mhux biss membri tal-Knisja, imma nvoluti f’ħajjitha, li naqsmu fiha u, tabilħaqq, responsabbli b’mod konġunt għaliha”.

Bħala konklużjoni, l-Papa offra l-bażi ta’ xi tfisser li tkun ministru tal-Knisja: “min jesperjenza l-istagħġib quddiem il-pjan ta’ Alla, u, f’dak l-ispirtu, li jħobb b’passjoni lill-Knisja u joqgħod għas-servizz tal-missjoni tagħha kull fejn u fejn l-Ispirtu s-Santu jista’ jagħżlu”.

“Jalla jkun ukoll il-każ magħna! Jalla jkun il-każ ta’ kull wieħed minnkom, għeżież ħuti Kardinali! Jalla l-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Knisja, tikseb din il-grazzja għal kull wieħed u kull waħda minna”.  

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-cardinals-wonder-gratitude-alive-our-hearts.html

%d bloggers like this: