Lejlet it-tluq tiegħu fid-39 Vjaġġ Appostoliku barra mill-Vatikan, il-Papa Franġisku għamel żjara fil-Bażilika Rumana ta’ Santa Maria Maggiore biex jafda ż-żjara tiegħu fir-Renju tal-Bahrain f’idejn il-Verġni Marija.
Skont stqarrija tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Qdusija Tiegħu qatta’ ftit tal-ħin fit-talb quddiem l-ikona ta’ Maria Salus Populi Romani. Din iż-żjara tal-Papa f’Santa Maria Maggiore li seħħet l-Erbgħa wara nofsinhar, mmarkat il-100 darba li l-Qdusija Tiegħu żar il-Bażilika mill-bidu tal-pontifikat tiegħu.
Il-Papa Franġisku telaq minn Ruma l-Ħamis filgħodu għal żjara Appostolika ta’ 4 ijiem (3-6 ta’ Novembru). Huwa skedat li jasal fil-belt ċentrali tal-Bahrain għall-ħabta tal-4.45pm ħin lokali.
Matul iż-żjara tiegħu fil-pajjiż, il-Qdusija Tiegħu se jindirizza l-Forum tal-Bahrain għad-Djalogu, konferenza li se tiffoka fuq it-tema “il-Lvant u l-Punent għall-Koeżistenza tal-Bniedem”.
Mal-wasla tiegħu fil-Bahrain, il-Papa se jagħmel żjara ta’ kortesija lir-Re Hamad fil-Palazz Irjali ta’ Sakhir u jiltaqa’ mal-awtoritajiet tal-Bahrain, is-soċjetà ċivili, u l-korp diplomatiku. L-Ġimgħa, l-Qdusija Tiegħu se jattendi għas-sessjoni tal-għeluq tal-Forum tal-Bahrain għad-Djalogu. Wara, se jiltaqa’ privatament mal-Gran Imam ta’ Al-Azhar, imbagħad ikollu udjenza mal-membri tal-Kunsill tal-Anzjani Musulmani. Aktar tard, se jattendi għall-laqgħa ekumenika u talb għall-paċi fil-Katidral tal-Madonna tal-Għarabja f’Awali.
Is-Sibt filgħodu, l-Papa se jippresiedi l-Quddiesa fl-Istadium Nazzjonali tal-Bahrain għall-Kattoliċi tal-pajjiż. Aktar tard matul il-ġurnata se jiltaqa’ wkoll maż-żgħażagħ fl-Iskola tal-Qalb ta’ Ġesù.
Iż-żjara Appostolika tal-Papa fil-Bahrain tintemm il-Ħadd filgħodu b’laqgħa ta’ talb mal-Isqfijiet lokali, saċerdoti, persuni kkonsagrati, seminaristi, u ħaddiema pastorali fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù f’Manama. Imbagħad il-Qdusija Tiegħu jirritorna Ruma abbord l-ajruplan papali li huwa skedat li jasal fl-Ajruport ta’ Fiumicino għall-ħabta tal-5pm.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-11/pope-francis-bahrain-apostolic-journey-our-lady-mary.html