Tifkiriet, esperjenzi u taqbiliet spirtu pront ta’ anzjan 94 sena ppubbikati fi ktieb
Ninu Mangion miż-Żurrieq, magħruf bħala Tal-Boy, għadhu kemm ra ħolma tiegħu – li wħud mit-taqbiliet spirtu pront li għal dawn l-aħħar snin għamel fil-programm Sbiħ il-Jum fuq Radju Santa Katarina taż-Żurrieq nhar ta’ Ħadd filgħodu – jinġabru u jiġu ppubblikati fi ktieb. Magħhom, fl-istess ktieb, ġew ippubblikati żewġ intervisti li sarulu fil-programm Inġeddu l-Memorji fuq l-istess stazzjon.
Michael Caruana, l-Editur ta’ dan il-ktieb, jgħid fil-Kelmtejn Qabel
li t-taqbiliet spirtu pront li jqabbel Ninu Mangion, anzjan ta’ 94 sena, jagħmilhom bi ħsieb, zgur li fil-ftit snin li attenda l-iskola primarja taż-Żurrieq ħadd qatt ma għallmu kif iqabbel, ir-rima, jew kif iħażżeż fuq pitazz jew biċċa karta dak li kien jgħaddi minnu biex ’il quddiem jirrakkuntah lin-neputijiet jew lill-proneputijiet, aħseb u ara kemm lis-semmiegħa ta’ xi radju u lill-qarrejja ta’ xi ktieb.
Fil-ktieb “Ninu tal-‘Boy’ – tifkiriet, esperjenzi u taqbiliet”, Michael Caruana jagħti lill-qarrej l-aħjar minn żewġ intervisti li saru lil Ninu minn Lorrie Collins, Ġorġ Sammut u Josephine Zammit fil-programm Inġeddu l-Memorji mxandra t-Tnejn 10 ta’ Settembru u l-1 t’Ottubru 2018 u wħud mit-taqbiliet li l-istess anzjan jagħmel fil-programm Sbiħ il-Jum nhar ta’ Ħadd filgħodu fuq Radju Santa Katarina.
Biex wasal għall-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb Michael Caruana sab ħafna għajnuna għax f’inkarigu bħal dan ma seta’ jibdel seta’, iżda żamm il-ħsieb li ried iwassal Ninu lis-semmiegħa ta’ dan l-istazzjon kommunitarju. Żamm quddiemu wkoll li dak kollu li wieħed jaqra f’dan il-ktieb ġej “minn anzjan ta’ 94 sena li mhux ta’ skola u la hu poeta u lanqas kittieb jew storiku, iżda jħobb iqabbel u jipprova jirrima l-kliem fejn jirnexxilu. Nies ta’ mparu u ta’ żmienu żgur li japprezzawh”, isostni l-Editur. Fost dawk li għenuh f’dan ix-xogħol, Michael Caruana jsemmi lill-Kavallier Joe M. Attard li ħa ħsieb it-taqbiliet u li fejn Ninu kien fidil u kellu jmiss xi kliem qgħad attent ħafna fejn jirtokkja biex dawn isiru tal-widna mhux ħażin.
Id-daħla ta’ dan il-ktieb hi ta’ Lorrie Collins, Preżentatur ta’ Radju Santa Katarina, li jgħid li wieħed mill-mistednin tal-programm li kien jippreżenta hu, Inġeddu l-Memorji, kien proprju Ninu Mangion. Matul dan il-programm hu u l-preżentaturi l-oħra Ġorġ Sammut u Josephine Zammit kienu jwasslu lis-semmiegħa tifkiriet tal-passat li, maż-żmien, kienu qed jintesew. Il-preżenza tal-mistednin fil-programm li jixxandar dirett kienet tinżel tajjeb mas-semmiegħa għax kienu jċemplu biex jitolbu aktar informazzjoni dwar dak li jkun qed jiġi rrakkuntat. Hu jżid li lil Ninu tal-‘Boy’ ma kienx jafu, iżda darba, fil-festa ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq, waqt li kienu qed nagħmlu xi intervisti fuq iz-zuntier tal-knisja għall-programm Mill-Misraħ xi ħadd qallu biex imur jintervista lil Ninu Mangion. Hu rasaq lejh, staqsieh jaċċettax li jagħmillu xi mistoqsijiet dwar il-festa fl-imgħoddi u Ninu ħatfu fil-kelma. Meta bdiet l-intervista minn fomm Ninu bdew ħerġin tifkiriet ta’ bosta snin li kienu akkumulati fil-moħħ tar-raġel li kellu quddiemu.
Wara din l-intervista staqsih jaċċettax li jmur fl-istudio ta’ Radju Santa Katarina waqt il-programm Inġeddu l-Memorji. Ninu aċċetta u tant mar tajjeb u tant kellu x’jirrakkonta li reġa’ stiednu għal intervista oħra.
Minn dakinhar, Ninu beda jċempel kull nhar ta’ Ħadd fil-programm Sbiħ il-Jum u jqabbel xi versi. Daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra. “Ma nafx fuq xiex ma qabbilx xi żewġ versi: fuq il-knisja, fuq il-festa, fuq il-qaddisin, fuq is-snajja’, fuq in-namur tiegħu ma’ martu Maria, fuq is-safar, fuq iż-żwiemel”, jgħid Lorrie Collins. Dawn it-telefonati ilhom għaddejjin is-snin u s-semmiegħa tal-programm ikunu qed jistennewh ħalli jaraw biex ikun ħiereġ.
Il-preżentatur jissokta li Ninu qed joqrob għal 95 sena u l-memorja tiegħu għadha perfetta. Mit-tifkiriet, l-esperjenzi u t-taqbiliet tiegħu joħorġu ħafna tagħlim u stejjer li jżommuh marbut mas-siġġu u hekk jittama li se jżomm lill-qarrejja l-ktieb “Ninu tal-‘Boy’ – tifkiriet, esperjenzi u taqbiliet”.
Id-dħul minn dan il-ktieb Ninu Mangion qed joffrih lid-Dar tal-Providenza. Dawk li jixtiequ jirċievu kopja ta’ dan il-ktieb bil-posta, id-dar, għandhom jibgħatu €5.80ċ b’Revolut lil Michael Caruana fuq 79 233 264. Qed jiġu aċċettati wkoll talbiet mill-Awstralja, il-Kanada, l-Amerka u r-Renju Unit.