Għandna bżonn is-solidarjetà u l-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-kardinal Parolin fl-ikla tal-Milied ta’ San Eġidju: “Għandna bżonn is-solidarjetà u l-imħabba”

Madwar 300 ruħ: foqra, bla dar, u anzjani ta’ Ruma, kif ukoll diversi refuġjati Ukreni, attendew għall-ikla tradizzjonali tal-Milied organizzata mill-Komunità ta’ Sant Eġidju fil-Knisja ta’ Santa Marija in Trastevere ta’ Ruma. L-avveniment iċċelebra l-40 anniversarju mit-tnedija tiegħu, li beda fil-25 ta’ Diċembru 1982. Matul is-snin, il-voluntiera u l-ħaddiema ta’ Sant Eġidju servew l-ikla lil aktar minn 80,000 foqra fl-Italja u 250,000 madwar id-dinja.

Il-mistieden tal-unur għall-ikla ta’ din is-sena kien il-Kardinal Pietro Parolin, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, li wassal “it-tislijiet u l-awguri tal-Papa Franġisku”. Waqt li kien qed jitkellem mal-mistednin, il-Kardinal fakkar fl-ewwel żjara tiegħu fl-ikla tal-Komunità fl-2015.

“Dejjem hija esperjenza sabiħa u kommoventi li nara lil dawn in-nies kollha flimkien jiċċelebraw il-Milied, xi ħaġa li tmiss il-qalb.”

Il-Kardinal Parolin esprima “x-xewqa li dawn l-esperjenzi jkunu jistgħu jiġu ripetuti u mmultiplikati,” għax “għandna tant bżonn ta’ solidarjetà u mħabba fid-dinja tagħna”. Spjega wkoll li “l-Milied isejħilna għal dan: l-unika soluzzjoni għall-problemi tagħna hija li nkunu attenti u qrib l-oħrajn, speċjalment dawk li qed ibatu u jinsabu f’diffikultà.” Huwa qal: “il-Papa jagħtina dan l-eżempju kuljum. Nippruvaw insegwuh b’ħafna modi, imma nippruvaw nagħmlu d-dinja tagħna ftit aħjar.”

Bilqiegħda ħdejn il-Kardinal kien hemm Anna u Pamela, omm u bint minn Aleppo, s-Sirja. Sabu kenn fl-Italja grazzi għall-kurituri umanitarji organizzati minn Sant Eġidju flimkien mal-Konferenza Episkopali Taljana u l-Knejjes Evanġeliċi.

“Il-gwerra hija ħaġa ħażina ħafna. Nittamaw li jispiċċaw dalwaqt. Sant Eġidju salvalna ħajjitna; il-ħolma tagħna kienet li ngħixu fil-paċi.”

Għal l-ikla, kien hemm ukoll preżenti l-president tal-Komunità, Marco Impagliazzo, li esprima l-ferħ tiegħu “li laqa’, fl-Italja u madwar id-dinja, eluf ta’ nies u li poġġa fuq il-mejda magħhom, għax dawn huma ikliet li fihom aħna ma nistgħux ngħidu min iservi u min hu moqdi.”

Wara tislijiet tal-Milied, il-mistednin ġew servuti b’porzjonijiet ġenerużi ta’ lasagna, meatloaf, għads, u deżerti tipiċi tal-Milied. Il-mistednin irċevew ukoll rigal personalizzat b’isimhom fuqu, bħallikieku f’familja.

“L-avveniment ta’ din is-sena għandu l-għan ukoll li jipproklama messaġġ ta’ tama fi żmien immarkat mill-kriżi u l-gwerra fl-Ukrajna”, spjegaw il-membri tal-Komunità. Ħafna mill-mistednin ta’ din is-sena kienu refuġjati Ukreni, li l-maġġoranza tagħhom kienu nisa bit-tfal tagħhom li ħarbu minn meta l-invażjoni tar-Russja intensifikat fl-24 ta’ Frar.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-12/cardinal-parolin-sant-egidio-christmas-lunch-solidarity.html

%d bloggers like this: