Quddiesa b’suffraġju tal-Papa emeritu Benedittu XVI fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

L-Insara tad-Djoċesi ta’ Għawdex huma mistiedna għal Quddiesa b’suffraġju tal-Papa emeritu Benedittu XVI li sa tinżamm fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar is-Sibt li ġej, 7 ta’ Jannar 2023, fis-6.30pm, immexxija mill-Kardinal Mario Grech flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.

Mal-mewt tal-Papa Benedittu nhar is-Sibt li għadda, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma kkummenta hekk dwaru: “Benedittu XVI, il-Papa li mmarka sew tliet pontifikati, għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Kien it-teologu ta’ Ġwanni Pawlu II. Kien il-Papa li bil-ġest tar-riżenja wera l-koerenza u l-kuraġġ tiegħu. Kien il-Papa emeritu li għadda l-bqija ta’ ħajtu f’talba għall-Knisja. Bħala poplu Malti u Għawdxi, aħna grati lejh mhux biss għax ġie jżurna fl-2010, imma wkoll għax tana żewġ Ragħajja għad-Djoċesijiet tagħna: l-Isqof Mario Grech, illum Kardinal, u l-Arċisqof Charles J. Scicluna”.

Fil-fatt kien il-Papa Benedittu li ħatar lil Mons. Mario Grech, illum Kardinal u Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, bħala Isqof ta’ Għawdex fis-26 ta’ Novembru 2005, wara li aċċetta r-riżenja minħabba l-età tal-Isqof ta’ qablu Nikol Ġ. Cauchi.

Għalkemm fil-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Gżejjer Maltin fis-17 u t-18 ta’ April 2010 ma żarx il-gżira ta’ Għawdex, fi tmiem il-Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana l-Papa Benedittu kien qiegħed Warda tad-Deheb f’riġlejn il-Kwadru mirakoluż u devot tal-Madonna Ta’ Pinu, li ttieħed hemm apposta għall-okkażjoni, u stieden lill-poplu Malti biex isejħilha “Sultana tal-Familja”.

Ta’ min ifakkar ukoll li bejn l-2007 u l-2013, is-sena li fiha rriżenja, il-Papa Benedittu XVI kellu bħala t-tieni Segretarju tiegħu saċerdot mid-Djoċesi ta’ Għawdex: Mons. Alfred Xuereb, li llum hu Nunzju Appostoliku fil-Korea u l-Mongolja.

Il-Poplu ta’ Alla f’dawn il-jiem hu mħeġġeġ ikompli jitlob għal ruħ il-Q.T. il-Papa emeritu Benedittu XVI, waqt li jrodd ħajr lil Alla għal tant grazzji mxerrda fuq il-Knisja permezz tal-għerf u l-qdusija tiegħu.

%d bloggers like this: