Il-Papa lill-Agostinjani: “Poġġu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom”

Print Friendly, PDF & Email

“Poġġu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom u fill-missjoni tagħkom, u kunu xhieda tal-imħabba ta’ Alla f’kull ma tagħmlu”. Din kienet ir-rakkomandazzjoni li nhar il-Ġimgħa filgħodu, l-Papa Franġisku ta lill-Kunsill Primarju tal-Konfederazzjoni tal-Kanonċi Regolari ta’ Santu Wistin, f’laqgħa li kellu magħhom fil-Vatikan. Il-Konfederazzjoni twaqqfet fl-1959 mill-Papa San Ġwann XXIII.

Fl-indirizz tiegħu, l-Papa fakkar li l-ħajja kkonsagrata hija bħall-ilma, “jekk ma tgħaddix, tistaġna,” u bħall-melħ, “jekk titlef it-togħma, issir inutli”. Huwa wissa wkoll kontra l-iżolament u l-awtoreferenzjalità, u ħeġġeġ lir-reliġjużi biex dejjem jaħdmu flimkien u jgħinu lil xulxin.

Filwaqt li ħeġġiġhom japprezzaw il-passat, sejħilhom “biex jgħixu l-preżent bis-sħiħ u mingħajr biża’, sabiex jinfetħu għall-futur b’tama mġedda”. L-Qdusija Tiegħu qal lill-Aġostinjani li għandhom storja kbira x’jibnu, u li l-Ispirtu s-Santu se jagħtihom is-setgħa li jagħmlu affarijiet kbar.

Ir-regola fundamentali tal-ħajja reliġjuża, qal il-Papa, hija li s-segwu lil Kristu propost mill-Evanġelju.

“Ħudu l-Evanġelju bħala r-regola tal-ħajja, sal-punt li ma’ San Pawl tkunu tistgħu tgħidu: ‘Mhux jien ngħix, imma Kristu li jgħix fija’.”

“Ħallu l-Evanġelju jkun il-vademecum tagħkom,” ħeġġiġhom il-Papa, “biex, filwaqt li toqgħodu ‘il bogħod mit-tentazzjoni li tnaqqsuha għall-ideoloġija, tibqa’ dejjem spirtu u ħajja għalikom”.

L-Evanġleju, kompla l-Papa, jfakkarna kontinwament biex inpoġġu lil Kristu fiċ-ċentru tal-ħajja u l-missjoni tagħna. “Li treġġgħana lura għall-‘ewwel imħabba’. U li tħobb lil Kristu tfisser li tħobb il-Knisja, ġismu.”

“Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx fik”

Għalhekk, ħeġġeġ lil Kanonċi Regolari, li l-“ħidma ewlenija” tagħhom għandha tkun “it-tfittxija kostanti u ta’ kuljum għall-Mulej.”

Il-Papa Franġisku kompla billi ssuġġerixxa diversi modi kif jistgħu jfittxu lill-Mulej, inkluż fil-ħajja komunitarja, u fil-qari tenaċi tal-Iskrittura Mqaddsa, “li fil-paġni tagħha jiddwu Kristu u l-Knisja”. Stieden ukoll lill-Agostinjani biex ifittxuh fil-liturġija, speċjalment fl-Ewkaristija, “l-quċċata tal-ħajja Nisranija”, kif ukoll fl-istudju, u fil-ħidma pastorali ordinarja. “Fittxu wkoll lill-Mulej fir-realtajiet ta’ żmienna, billi nkunu nafu li l-ebda uman ma’ jista’ jkun barrani għalina u li, ħielsa minn kull dinjità, nistgħu nmexxu lid-dinja bil-ħmira tas-Saltna ta’ Alla.”

Dawn huma d-diversi toroq għal tfittxija waħdanija, li tassumi t-triq interjuri, tal-għarfien u tal-imħabba tal-Mulej. Il-Papa ħeġġeġ biex jiftakru fi kliem Santu Wistin sabiex jidħlu fihom infushom u jiskopru l-verità li tinsab ġewwa fihom.

B’hekk, qal il-Qdusija Tiegħu, d-dawl interjuri tal-Imgħallem idawwal għalina realtajiet temporali. Huwa talab biex dan iż-żmien ta’ laqgħa bejniethom u mas-Suċċessur ta’ Pietru jgħin lill-Agostinjani jerġgħu jduru lejn il-kariżma tagħhom u jersqu iktar qrib xulxin fil-komunità tagħhom, u l-ewwel u qabel kollox, ma’ Alla.

Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku rringrazzjahom għax-xhieda u l-preżenza tagħhom fil-Knisja. “Jalla l-Madonna żżommkom u tinterċedi għalikom. Minn qalbi, nbierek lilkom u lill-komunitajiet tagħkom”.         

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-place-christ-our-first-love-at-the-center-of-your-life.html

%d bloggers like this: