Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara – 2023

Print Friendly, PDF & Email

Stampa l-verżjoni PDF minn hawn …

“Agħmlu t-tajjeb; fittxu s-sewwa”
(Isaija 1:17)

Materjal għall-użu pastorali u spiritwali
fil-Parroċċi, Komunitajiet reliġjużi,
Għaqdiet u Movimenti

Kummissjoni Ekumenika Djoċesana
Arċidjoċesi ta’ Malta
2023

Werrej
Daħla                                  
Talbiet ta’ Maħfra 
Ħsibijiet għal kuljum (18-25 ta’ Jannar 2023) 
Talbiet tal-Ġemgħa
Adorazzjoni Ewkaristika

Daħla: Il-Ġimgħa Ekumenika 2023
Agħmlu t-tajjeb, fittxu s-sewwa

Reġgħet waslet il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Din tibda nhar l-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2023, u tibqa’ sejra sal-Erbgħa ta’ wara, 25 tax-xahar. Matul din il-ġimgħa, Insara mxerrdin mad-dinja kollha se jkunu qed jitolbu għall-għaqda li l-Mulej Ġesù jrid fost dawk kollha li huma dixxipli tiegħu. Matul il-mixja tas-sekli, seħħew bosta firdiet kbar li filġu l-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja. L-akbar firdiet seħħew fis-seklu 11, meta nfirdu l-Ortodossi, u fis-seklu 16, meta seħħet ir-Riforma Protestanta.

Għal aktar minn mitt sena, il-Knejjes Insara ilhom jitħabtu biex jegħlbu firdiet antiki. Il-Knisja Kattolika wkoll ilha tagħti s-sehem tagħha f’dan il-kamp, u permezz tal-Konċilju Vatikan it-Tieni impenjat ruħha bis-sħiħ fl-ekumeniżmu. L-ekumeniżmu jinkludi l-isforzi kollha biex Knejjes mifrudin jersqu aktar lejn xulxin, jitkellmu bejniethom, jidħlu għal inizjattivi komuni u jitolbu għall-għaqda.

It-tema ta’ din is-sena hija silta mill-Profeta Isaija (1:17): “Agħmlu t-tajjeb, fittxu s-sewwa.” Tajjeb li biex wieħed jifhem aħjar din it-tema, imur għall-kuntest tas-silta, jiġifieri Isaija 1:12-18. Il-materjal ekumeniku li se jkun qed jintuża madwar id-dinja kollha matul din il-ġimgħa tħejja mill-Kunsill tal-Knejjes tal-Minnesota, wieħed mill-istati fi ħdan l-Istati Uniti tal-Amerika.

Il-Profeta Isaija jagħti l-parir lill-poplu tas-saltna ta’ Ġuda biex ifittxu l-ġustizzja, jiġifieri s-sewwa. Dan ifisser li kien hemm l-inġustizzji u l-oppressjoni fil-pajjiż. Huwa jitlob bis-sħiħ, kważi jinżel għarkobbtejh, biex in-nies ta’ Ġuda jegħlbu l-istatus quo li kienu fih. Li jfittxu l-ġustizzja kien ifisser li jaffaċċjaw lil dawk li jagħmlu l-ħażen lill-oħrajn. Din ma kenitx ħaġa faċli, u lanqas mhi faċli llum, imma Ġesù jassigurana li meta nfittxu l-ġustizzja dan iwassalna għas-Saltna t’Alla: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5:10).

Ħafna Knejjes madwar id-dinja – sa mill-ewwel sekli – sabu li kellhom jimpenjaw ruħhom f’din it-taqtigħa favur il-ġustizzja. Il-preġudizzji razzjali fl-Istati Uniti ġabu ħafna weġgħat, u għalkemm sar ħafna biex dawn jingħelbu, xorta għad fadal xi jsir. Il-Knejjes Insara fl-istat ta’ Minnesota għarfu l-inġustizzji kbar li jġibu ċerti ideoloġiji li jifirdu l-bojod minn dawk ta’ ġilda skura. Din it-tbatija kompliet tikber f’dak li jissejjaħ il-Global South fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Is-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja jinsabu madwar id-dinja kollha, inkluż f’tant ċirkustanzi fis-soċjetà tagħna.

Titnissel tama kbira meta l-mexxejja u r-rappreżentanti ta’ Knejjes differenti jingħaqdu flimkien biex il-preġudizzji, l-inġustizzji, il-qerda tal-ambjent naturali u l-korruzzjoni jingħelbu. Din mhix mogħdija faċli, imma kull triq twila tibda bl-ewwel ftit passi. Insara minn Knejjes differenti jqawwu qalb xulxin, u mnebbħin mill-eżempju ta’ Kristu, jafu jkunu profetiċi fit-taqbida paċifika kontra l-ħażen.

Ġewwa Malta u Għawdex se jsiru bosta inizjattivi matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Fil-media kollha, inklużi dawk soċjali, se jittellgħu diversi programmi jew interventi dwar l-ekumeniżmu.

F’dan il-messaġġ, nixtieq nesprimi s-soddisfazzjon kbir li ħafna minna għexu fix-xahar ta’ Diċembru, meta lqajna lil Patrijarka Bartilmew ta’ Kostantinopli “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28: 2). Iż-żjara storika mill-Patrijarka, bejn il-5 u s-7 ta’ Diċembru 2022, kienet waħda intensiva. Kien hemm il-waqtiet uffiċjali u formali, kif ukoll dawk liturġiċi, ekumeniċi u pastorali. Tlett esperjenzi qawwija kienu l-laqgħa tal-Patrijarka mar-refuġjati, mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva f’Kordin, u t-talb li sar fuq l-oqbra tal-Griegi Ortodossi fiċ-Ċimiterju ta’ Braxia.

Matul iż-żjara kollha, ħafna minna setgħu jinnutaw l-umanità qawwija tal-Patrijarka, l-umiltà tiegħu, kif ukoll l-attenzjoni partikulari lejn kull persuna li resqet lejh. Nittamaw u nitolbu li ż-żjara memorabbli tal-Patrijarka tkompli tħalli ħafna frott uman, spiritwali u pastorali, speċjalment fil-kuntest ekumeniku ġewwa pajjiżna.

Fl-aħħarnett, nixtieq li l-materjal ta’ dan il-ktejjeb jintuża, speċjalment fil-parroċċi, fil-komunitajiet reliġjużi u pastorali, u fost il-membri tal-għaqdiet u l-movimenti tal-lajċi fil-Knejjes lokali ta’ Malta u ta’ Għawdex.

Inselli għalikom.
Dun Hector Scerri
President, Kummissjoni Ekumenika Djoċesana,
Kurja tal-Arċisqof, Floriana

TALBIET TA’ MAĦFRA

Nissuġġerixxu li dawn it-talbiet, jew xi wħud minnhom, jintużaw waqt l-Att Penitenzjali tal-Quddiesa bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar. Dawn it-talbiet tħejjew minn Fr Aurelio Mulè Stagno SDB.

Int tħares lill-iltim u lill-armla u tħeġġiġna naqbżu għal min hu żvantaġġat (cf. Is 1:17). Agħder id-dgħufija tagħna, li mhux dejjem tajnik widen. Mulej, ħniena.

“Ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm” (Is 1:15). Agħdirna meta nagħlqu għajnejna għall-moħqrija li sseħħ illum u li seħħet fl-imgħoddi, l-aktar bejn insara ta’ knejjes differenti. Kristu, ħniena.

“Iġġibux iżjed offerti fiergħa… ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi” (Is 1:13). Agħdirna meta nagħżlu li nsebbħu u nżewqu l-knejjes tagħna iktar milli ndewwu l-ġrieħi tal-inġustizzja u tal-firda. Mulej, ħniena.

ĦSIBIJIET SPIRITWALI GĦAL KULJUM
waqt il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Ghaqda fost l-Insara

Nissuġġerixxu li dawn il-ħsibijiet jintużaw fil-bidu tal-Quddiesa, qabel l-Att Penitenzjali, jew waqt mumenti oħra ta’ talb, p.eż. fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat. Dawn il-ħsibijiet tħejjew minn Dr Patricia Micallef.

L-Erbgħa, 18 ta’ Jannar 2023
Fis-silta tallum mill-Evanġelju, naraw lil Ġesù jfejjaq raġel b’idu niexfa f’jum is-Sibt. Minkejja n-nasba tal-Fariżej, Ġesù, b’ħarsa qalila u mnikket għall-aħħar, jordna lir-raġel imidd idu u din tfiq. Hekk kif matul din il-ġimgħa li fiha qed nitolbu għall-għaqda fost l-Insara, bit-tema ispirata mill-ktieb tal-profeta Isaija: ‘Agħmlu t-tajjeb, fittxu l-ġustizzja’, ejjew nitolbu biex aħna ma nibżgħux nagħmlu t-tajjeb, anke meta dan se jpattuhulna bid-deni. Ejjew infittxu wkoll li nkunu nies sensittivi għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jgħixu b’dinjità.

Il-Ħamis, 19 ta’ Jannar 2023
Fit-tieni jum ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, naraw lil Ġesù, il-Qassis il-Kbir, b’kotra kbira ta’ nies minn diversi ibliet jiġru warajh. F’Ġesù, huma raw lil dak li kellu l-qawwa jeħlishom minn dak kollu li kien qed ixekkel lil ġisimhom u lil ruħhom. Saħansitra l-ispirti ħżiena bdew jgħajtu quddiemu: ‘Int l-Iben t’Alla!’ Illum nitolbu l-grazzja li nagħrfu tassew min huma dawk li lilna jridulna l-ġid, dawk li f’ħajjitna jridulna biss dak li hu tajjeb, dawk li bil-kelma u l-eżempju tagħhom isaħħuna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem minkejja t-toqol tal-ħajja.

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Jannar 2023
Fl-ittra lil-Lhud, illum se nisimgħu kif Alla, permezz ta’ Ġesù, għamel patt ġdid mal-poplu tiegħu. Wara diversi episodji fejn il-poplu ta’ Iżrael ma baqax fidil lejn Alla, fl-imħabba tiegħu, Alla jġedded il-wegħda tiegħu mal-bnedmin. Huwa jgħid: ‘Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’moħħhom, u f’qalbhom niktibhom.’ Illum ejjew nitolbu sabiex f’kulma naħsbu, ngħidu u nagħmlu, inkunu mmexxija minn dak li jixtieq hu. Ladarba qalbna u moħħna jkunu magħġuna b’dak li hu ta’ Alla, inkunu tassew appostli ta’ Kristu, bħat-tnax li llum se nisimgħuh jagħżel, u li nagħmlu t-tajjeb u li nfittxu l-ġustizzja, kif qegħdin nitolbu mal-Insara kollha tad-dinja matul din il-ġimgħa, issir għalina ħaġa naturali.

AVVIŻ biex jinqara l-Ġimgħa
Illum, il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar, se jsir Servizz Ekumeniku nazzjonali fis-6:30pm fil-Knisja ta’ San Nikola (magħrufa bħala L-Erwieħ), Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Din hija l-Knisja tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli. L-Arċisqof Charles Scicluna u rappreżentanti tal-Knisja Kattolika, u l-Knejjes Ortodossi u Protestanti se jkunu qed jieħdu sehem. Il-ħsieb bibliku se jsir mill-Pastor tal-Knisja Luterana f’Malta, Rev. Klaus-Peter Edinger. Kulħadd huwa mistieden jattendi. Is-Servizz idum madwar siegħa.

Is-Sibt, 21 ta’ Jannar, 2023
Fl-Evanġelju tallum, ir-raba’ jum ta’ talb matul il-ġimgħa għall-għaqda fost l-Insara, naraw lil Ġesù li jmur lura d-dar. Iżda lanqas hemm ma ħallewh bi kwietu għax il-kotra baqgħet tiġri warajh u ħarbtet lil kulħadd għax mank setgħu jieklu bil-kwiet. Quddiem dan kollu, Ġesù jisfa vittma ta’ qrabatu li ħarġu biex iżommuh għax għalihom, kien tilef moħħu. Min jaf kemm-il darba aħna wkoll sibna ruħna ġġudikati saħansitra minn dawk li huma l-iktar qrib tagħna. Ejjew nitolbu għal dawk li qed ibatu minħabba l-inġustizzja tal-ħsieb ta’ dawk ta’ madwarhom, għal dawk li biex mingħalihom jibqgħu jidhru sbieħ f’għajnejn in-nies, joħolqu ħafna tbatija fil-ħajja tal-oħrajn.

Il-Ħadd, 22 ta’ Jannar, 2023
‘Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;’ hekk nisimgħu illum fil-qari mill-profeta Iżaija, kliem li narawh iseħħ f’Ġesù. Huwa ma xtaqx li d-dawl jibqa’ limitat imma riedu jixtered ma kullimkien u għalhekk, jibda jsejjaħ l-ewwel appostli. Aħna wkoll li llum qed nimxu fuq it-tagħlim tiegħu imsejħin biex inkunu dawl, biex inkattru l-hena, inkabbru l-ferħ. Dan kollu jiġi jekk f’qalbna, aħna nħallu jikber fina biss dak li hu tajjeb. Ejjew ningħaqdu mal-Insara mxerrdin mad-dinja biex inwarrbu l-ħażin u nimxu fuq it-tjieba u l-ġustizzja.

It-Tnejn, 23 ta’ Jannar, 2023
Min jaf kemm-il darba nsibu ruħna fl-istess sitwazzjoni tal-kittieba li quddiem il-ħidma ta’ Ġesù, qalu: ‘Dan għandu fih xitan.’ Min jaf kemm-il darba nitħawdu quddiem xi ġrajja li ma nifhmux, li ma nkunux qed nistennewha mill-persuna involuta, li tant tmur kontra l-ħsieb tagħna li nibdew immeru s-sewwa magħruf. Dan huwa dak id-dnub li ma jinħafirx: li nagħlqu qalbna għall-ħidma tal-Ispirtu, li jaħdem f’min irid u kif irid. Fis-sitt jum ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, ejjew nitolbu l-grazzja li nibdlu l-mod kif naħsbuha, li nkunu kapaċi naċċettaw it-tajjeb, jagħmlu min jagħmlu.

It-Tlieta, 24 ta’ Jannar, 2023
Illum, fl-Evanġelju, naraw lil Ġesù jsejjaħ bħala ommu u ħutu lil dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Alla. Flimkien mal-Insara imxerrdin mad-dinja kollha, aħna li nemmnu f’Ġesù diġà nagħmlu parti mill-familja tiegħu. Imma nistgħu nissejħu tassew ħutu? Aħna li suppost nixbhuh, qegħdin nimxu fuq dak li jixtieq minna jew qed nagħmlu ta’ rasna? X’qed inxerrdu madwarna: dak li ġej minnu jew dak li jiftlilna? Ejjew nitolbu sabiex ladarba aħna nemmnu fih, infittxu b’rieda sħiħa li nagħmlu t-tajjeb u li nkunu ġusti f’dak kollu li nagħmlu.

L-Erbgħa, 25 ta’ Jannar, 2023
Illum, nhar il-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl u fl-aħħar jum ta’ talb madwar id-dinja għall-għaqda fost l-Insara, inroddu ħajr lil Alla, l-ewwel u qabel kollox, li għażel lil Pawlu biex is-salvazzjoni li kisbilna Ibnu Ġesù tinfirex sa truf l-art. Ejjew nitolbu biex il-ħeġġa għat-tajjeb li baqbqet f’qalb Pawlu timla wkoll lil ruħna sabiex kulmin jiltaqa’ magħna jara fina t-tjieba ta’ Alla nnifsu. Nitolbu wkoll biex fuq l-art issaltan il-ġustizzja u biex aħna, dixxipli ta’ Ġesù fi żmienna, ma nonqsu lil ħadd bi kliemna u b’għemilna.

TALBIET TAL-ĠEMGĦA NISRANIJA

Dawn it-talbiet jistgħu jew jissostwixxu dawk li soltu jinqraw waqt il-Quddiesa, jew xi wħud minnhom jiżdiedu ma’ dawk li f’kotba oħra. Jistgħu jintużaw waqt il-Preċi tal-Lawdi u/jew tal-Għasar waqt il-Liturġija tas-Sigħat. It-talbiet ta’ din il-paġna tħejjew minn Ms Anna Caruana Colombo.

1)  Nitolbuk, Mulej, f’din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Nsara, li nkunu disposti li nitgħallmu u nagħmlu it-tajjeb, infittxu dak li hu sewwa u ġust, flimkien ma’ ħutna nsara fil-Knejjes l-oħra, anki jekk huma mifrudin minna. Nitolbu.

2) Nitolbuk, Mulej li jkollna il-kuraġġ li nirrikonoxxu fejn żbaljajna, kif ukoll il-kuraġġ li nerġgħu naqbdu mill-ġdid it-triq tas-sewwa u  l-vera ġustizzja. Nitolbu.

3) Nitolbuk, Mulej, li nitgħallmu x’inhu is-Sewwa billi infittxu li ngħixu b’mod ġust, billi nilqgħu ir-rieda tiegħek. Nitolbu.

4) Nitolbuk, Mulej, f’din il-ġimgħa ta’ talb fost l-Nsara, li infittxu l-vera ġustizzja billi nagħtu l-attenjoni ewlenija tagħna lil dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà, il-fqar, dawk bla vuċi, dawk li qed ifittxu kenn mill-persekuzzjonijiet. Nitolbu.

5) Nitolbuk, Mulej, għall-grazzja li niftħu qalbna, moħħna, u idejna lejn dawk li qed ibatu, lejn min huwa ta’ razza jew twemmin differenti minn tagħna, lejn min huwa ta’ fehmiet u kulturi differenti. Nitolbu.

6) Nitolbuk, Mulej, li f’qalbna ikollna l-imħabba biex ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn iwasslu għal vera ġustizzja, għall-qsim tal-ġid bejn is-sinjur u il-fqir, u attenzjoni vera lejn kull persuna fis-sitwazzjoni konkreta li tinstab fiha. Nitolbu.

ADORAZZJONI EWKARISTIKA

Dan it-test qed tiġi proposta biex kollu kemm hu jew parti minnu jintuża waqt ħin ta’ adorazzjoni komunitarju jew personali matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Din l-iskema tħejjiet minn Mons. Hector Scerri.

Jitkanta innu waqt l-Espożizzjoni Ewkaristika.

Daħla: Mulej Ġesù, aħna nadurawk, aħna nħobbuk, aħna nirringrazzjawk li tinsab realment fostna. Inti tinsab fostna f’dan is-Sagrament tal-Għid tiegħek. Inti batejt għalina, mitt għalina u qomt minn bejn l-imwiet għas-salvazzjoni tagħna u biex tagħtina ħajja ġdida. Mulej Ġesù, illum nixtiequ li filwaqt li ngħaddu dan il-ħin miegħek, nitolbuk għall-għaqda fost l-Insara. Qegħdin waqt il-Ġimgħa Ekumenika fejn aħna l-Insara, imxerrda mad-dinja kollha, qed nitolbu għall-istess għan – li aħna lkoll li nemmnu fik, Mulej Ġesù, inkunu lkoll ħaġa waħda, kif għidt lill-appostli tiegħek ftit sigħat qabel il-passjoni tiegħek.

Mulej, aħna nħobbuk, aħna nirringrazzjawk, aħna nadurawk!

Ħin ta’ skiet.

Talbiet ta’ maħfra.

Mulej Ġesù, aħna nadurawk. Nagħtuk qalbna. Nagħtuk ruħna. Nagħtuk dak kollu li aħna. Aħna spiss nonqsuk għax aħna dgħajfin u spiss naqgħu. Nitolbuk tilqa’ l-indiema sinċiera tagħna. Għalkemm aħna m’għandna l-ebda ħtija għall-firdiet li seħħew sekli ilu bejn il-Knejjes Insara, xorta waħda nixtiequ nitolbuk maħfra għal xi atteġġjamenti negattivi tagħna llum.

Jistgħu jintużaw it-talbiet ta’ maħfra minn paġna 5. Wara kull talba, jingħad Mulej ħniena jew Kristu ħniena.

Jitkanta innu Ewkaristiku.

Silta mill-kelma t’Alla.
It-tema magħżula għal din is-sena għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara hi meħuda mill-ktieb tal-Profeta Isaija. It-tema hi: “Agħmlu t-tajjeb; fittxu s-sewwa” (Isaija 1:17). Ejjew nisimgħu s-silta sħiħa minn fejn hu meħud dan il-kliem.

Qari mill-ktieb tal-Profeta Isaija (1:12-18)
Meta tiġu taraw wiċċi,
min ifittex dawn mingħandkom,
biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?

Iġġibux iżjed offerti fiergħa;
sirt nitkerrhu l-bħur,
il-qamar ġdid, is-sibt, u l-laqgħat li ssejħu:
ma niflaħx għall-ħażen
flimkien mal-festi.

L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom,
jien nobgħodhom,
piż huma għalija, għejejt nerfgħu.

Meta intom tiftħu idejkom,
jien inwarrab għajnejja minnkom;
ukoll jekk tkattru t-talb,

jien ma nismagħkomx,
għax idejkom mimlija demm.

Inħaslu u tnaddfu,
neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja,
ieqfu mill-ħażen.

Tgħallmu agħmlu t-tajjeb,
fittxu s-sewwa,
sewwu l-inġustizzji,
iddefendu l-iltim,
aqbżu għall-armla.

Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien,
jgħid il-Mulej,
imqar jekk dnubietkom ikunu
ħomor bħall-iskarlatt,
isiru bojod bħas-silġ;
imqar jekk ikunu
ħomor bħall-kremżi,
isiru bojod bħas-suf.

Il-kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla.

Ħin ta’ skiet għar-riflessjoni personali.

Mulej Ġesù, preżenti għalina f’dan is-Sagrament tal-artal, aħna nadurawk u nħobbuk. Mulej, aħna nagħrfu kemm aħna l-bnedmin ġie li nġibu ruħna ħażin u nweġġgħu lil xulxin bl-imġieba u l-kliem tagħna. Għal ħafna seklu, il-firdiet fost il-Knejjes Insara kienu joħolqu mrar u mibegħda bejn l-imgħammdin. Suppost inkunu tiegħek u miegħek biex inħobbu lil xulxin, imma l-firdiet ta’ bejnietna wasslu għall-mibegħda. Aħna llum nirringrazzjawk għall-bidla f’dan matul l-aħħar mitt sena. Insara mifrudin minn xulxin resqu lejn xulxin biex jitolbu għall-għaqda u biex jiddjalogaw bejniethom, u anki biex jgħinu lil xulxin. Dan kollu jagħmlilna kuraġġ.

Salm Responsorjali:
Bejn vers u ieħor tas-Salm 133, nitolbu flimkien:
Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien.


Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa
li l-aħwa jgħammru flimkien!

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras,
li jinżel mal-leħja tiegħu,
li jinżel mal-leħja ta’ Aron,
sa fuq l-għonq ta’ ħwejġu.

R. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien.


Hu bħan-nida tal-Ħermon,
li tinżel fuq l-għoljiet ta’ Sijon;
għax hemm il-Mulej jagħti l-barka,
hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.

R. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien.

Ħin ta’ skiet għar-riflessjoni personali.

Lejlet il-Passjoni u l-Mewt tiegħu, Ġesù fetaħ qalbu beraħ mad-dixxipli tiegħu. Kellimhom fit-tul. Tahom it-testment tiegħu. Fost ħwejjeġ oħra sbieħ, hu kellimhom fuq l-għaqda ta’ bejniethom. Ejjew, filwaqt li nsammru ħarsitna fuq il-Mulej f’dan is-Sagrament, nisimgħu din is-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann (17:20-23):

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Ħdax: M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni. Il-glorja li inti tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda: jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, halli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili.

Il-kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.

Mulej Ġesù, inti tlabt bil-ħerqa lill-Missier biex aħna nkunu lkoll ħaġa waħda biex inkunu sinjal tal-imħabba tiegħek u d-dinja temmen bis-sħiħ fik. Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Jannar 2023, wara t-talba tal-Anġelus, Papa Franġisku qal dan: “Għeżież ħuti, mit-18 sal-25 ta’ Jannar se ssir il-Ġimgħa tradizzjonali ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. It-tema ta’ din is-sena hi meħuda mill-Profeta Isaija: ‘Agħmlu t-tajjeb; fittxu s-sewwa’ (1:17). Inroddu ħajr lill-Mulej li b’fedeltà u paċenzja jmexxi l-poplu tiegħu lejn l-għaqda sħiħa, u nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna u jqawwina bid-doni tiegħu. Il-mixja għall-għaqda fost l-Insara u l-mixja ta’ konverżjoni sinodali tal-Knisja huma marbutin flimkien.”

Imdawlin mill-kelma t’Alla u mħeġġin minn kliem il-Papa Franġisku, ejjew inressqu xi talbiet.

Jistgħu jintużaw xi talbiet tal-ġemgħa minn paġna 9.

Barka Sagramentali u innu tal-aħħar

SERVIZZ EKUMENIKU DJOĊESAN
Il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2023, fis-6:30pm
Knisja ta’ San Nikola, Triq il-Merkanti,
il-Belt Valletta

Bis-sehem tal-Arċisqof ta’ Malta
u mexxejja ta’ Knejjes oħrajn

Kulħadd huwa mistieden

%d bloggers like this: