Il-Papa jikkundana b’mod qawwi l-vjolenza fil-Myanmar, fil-Peru, u fl-Ukrajna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku għamel appell qawwi biex tintemm il-vjolenza fil-Myanmar, magħrufa wkoll bħala Burma, fejn inqerdet ukoll Knisja Kattolika.

Waqt l-indirizz tiegħu tal-Angelus tal-Ħadd lill-poplu ta’ Alla miġbura fi Pjazza San Pietru f’kesħa qawwija, l-Papa esprima s-sogħba tiegħu għall-ġrajjiet traġiċi li qed iseħħu fil-Myanmar, u fakkar speċifikament fl-attakki fuq il-postijiet ta’ qima, fosthom il-ħruq u l-qerda ta’ Knisja Kattolika, f’Chan Thar, iddedikata lil Assunta, li huwa wieħed mill-eqdem u l-aktar postijiet ta’ qima importanti fil-pajjiż.

Il-Papa qal li hu qrib il-poplu li f’ħafna bliet qed ibati ħafna, u talab biex il-kunflitt jintemm minnufih u jinfetaħ żmien ġdid immarkat mill-maħfra, l-imħabba u l-paċi. Imbagħad stieden lil dawk kollha preżenti fil-Pjazza biex jingħaqdu miegħu fit-talba tal-Ave Marija għall-Myanmar.

Fid-dawl tal-qerda riċenti tal-knisja mill-armata tal-Myanmar, u vjolenza oħra, l-mexxejja reliġjużi fil-Myanmar, inkluż il-Kardinal Charles Maung Bo ta’ Yangon, nedew “appell qawwi għall-paċi”, u ħeġġew li “lkol għandna bżonn li nagħmlu il-pellegrinaġġ ta’ paċi”. Mill-kolp ta’ stat militari tal-2021 li waqqa’ l-gvern elett demokratikament, in-nazzjon tal-Asja tax-Xlokk sofra serje ta’ kriżijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi, u li wassal għal diversi konflitti u vjolenza bejn l-istat militari u ċ-ċittadini. Sussegwentement, eluf ta’ nies ġew arrestati jew maqtula mingħajr raġuni.

Il-Qdusija Tiegħu kkundana wkoll il-vjolenza fl-Ukrajna u l-Perù, filwaqt li esprima t-tama tiegħu li l-passi lejn il-paċi jistgħu jkomplu joħorġu mill-Kamerun.

Il-Papa Franġisku qal li huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni kritika fil-Perù, u sejjaħ għal djalogu u soluzzjonijiet paċifiċi għall-kriżi. L-Papa ngħaqad mal-Isqfijiet Peruvjani kontra l-vjolenza: “Le għall-vjolenza ġejja minn fejn hi ġejja! Xejn aktar imwiet!”

Fil-Peru, d-dimostrazzjonijiet qed ikomplu jintensifikaw fil-kapitali tan-nazzjoni tal-Amerika ta’ Isfel, Lima, hekk kif qed jaslu aktar dimostranti mir-reġjun Andin, fejn qed jitolbu għar-riżenja tal-President u qed jitolbuh biex isejjaħ elezzjonijiet immedjati. L-Qdusija Tiegħu qal biex nitolbu għall-Perù.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika għamel ukoll appell ieħor mill-qalb għall-paċi fl-Ukrajna, fejn fakkar fl-uġigħ kbir li qed isofri l-poplu Ukren, hekk kif il-gwerra qed tkompli għaddejja. Huwa talab biex il-Mulej jagħtihom il-faraġ u l-appoġġ.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-Kamerun, fejn innota żviluppi pożittivi li qed iġibu tamiet għal riżoluzzjoni tal-kunflitt fir-reġjuni anglofoni. Huwa offra l-inkoraġġiment tiegħu lil dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ ftehimiet li jfittxu l-paċi biex jipperseveraw fil-mod ta’ djalogu u fehim reċiproku, għaliex biss meta jiltaqgħu flimkien il-futur jista’ jinbena flimkien.

Fil-Kamerun, il-gvern tan-nazzjoni u xi fazzjonijiet separatisti fir-reġjun tal-pajjiż li jitkellmu bl-Ingliż qablu li jidħlu fi proċess immirat biex isolvu l-kunflitt li qatel aktar minn sitt elef ruħ.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-decries-violence-in-myanmar-peru-and-ukraine.html

%d bloggers like this: