Ir-rivista ‘Knisja Elfejn’ dwar …
kitbiet u prietki li ħallew influwenza kbira fuq it-teoloġi li ġew warajh
Minn Michael Caruana – michaelcaruana566@gmail.com
L-aħħar ħarġa tar-rivista Knisja Elfejn, ippubblikata kull tliet xhur mill-patrijiet Dumnikani, titratta lil Dietrich Bonhoffer, Profeta u Martri. Jiktbu dwaru Robert Aloisio, Professur Simon Mercieca, Pastor Dr Klaus Peter-Edinger, Dun Dr Mark Sultana, Patri Justin Schembri OP, Monsinjur Professur Hector Scerri, l-Isqof Ġorġ Frendo OP, Dun Dr Carlo Calleja, Dun Dr Renè Camilleri u Patri Raymond Gatt OP.

L-editorjal dwar l-istess suġġett jibda bi kwotazzjoni ta’ Dietrich Bonhoeffer li “s-silenzju quddiem il-ħażen hu ħażen fih innifsu: Alla mhux se jqisna bla ħtija. Meta ma titkellimx tkun qed titkellem. Meta ma taġixxix tkun qed taġixxi” u jsostni li dan il-kliem hu mhux biss tennieh b’fommu u bil-kitba, iżda għexu fil-ħajja qasira tiegħu. Jikteb li Bonhoeffer hu wieħed mill-personaġġi l-kbar tal-Knisja Laterana u għex fiż-żminijiet diffiċli meta li l-Ġermanja għaddiet minnhom matul it-tieni gwerra dinjija taħt ir-reġim dittatorjali ta’ Adolf Hitler.
“Meta beda jara l-ħruxijiet tan-Naziżmu hu ma beżax isemma l-leħen ta’ reżistenza, anki jekk dan kien ifisser tbaitija u mewt. Il-leħen profetiku tiegħu wasslu biex isofri l-martirju fuq il-passi ta’ Kristu li dejjem żamm fiċ-ċentru tal-ħajja tiegħu. Hu stess jistqarr li ‘l-iktar ħaġa li l-ħin kollu qed tinkwetani hi l-mistoqsija min hu tassew Kristu għalina llum’.
“Kien bniedem kuraġġuż li għażel li jkun solidali ma’ niesu akkost tat-tbatija li kellu jiffaċċja. Kien bniedem umli li ntelaq kompletament f’idejn Alla li tiegħu kien ministru”, isemmi l-editorjal.
Bonhoeffer kellu mħabba kbira għall-Knisja Ġermaniża li kienet fi stat ta’ konfużjoni wara li wħud mill-mexxejja tagħha riedu jkunu f’paċi man-Nazi. Iżda hu kien jaf li dan kien se jwassal biex il-Knisja tkun parteċipi f’attroċitajiet li bdew isiru kontra l-Lhud. Hu kien konvint li l-Knisja li ma kentix solidali mal-Lhud ma setgħetx tissajjaħ Knisja ta’ Kristu. “Il-Knisja ma setgħetx tikkundanna l-ġenoċidju li kienu qed jagħmlu n-Nazisti kontra l-Lhud mxerrdin fl-Ewropa. Il-mijiet ta’ kampijiet ta’ konċentrament, il-kmamar tal-gass u l-krematorji dejjem idaħħnu, ix-xogħol iebes, il-loqom ta’ ikel servut u l-ħruxijiet fil-konfront tal-Lhud, ma setgħux jibqgħu jiġu tollerati mill-ebda Nisrani. Il-Knisja kienet fid-dmir taqbeż għall-vittmi tan-Nazisti”, isostni l-editorjal.
L-editorjal isemmi wkoll li Bonhoeffer fil-kitba tiegħu tkellem ħafna dwar Knisja profetika li tinvolvi ruħha f’sitwazzjonijiet li jkunu qed jagħmlu ħsara lill-umanità. L-Insara huma msejħa jgħixu l-Evanġelju u jkunu l-ewwel nies li jsemmgħu leħinhom quddiem l-inġustizzji li kienu qed iwettqu n-Nazi mal-Lhud u ma’ minoranzi oħra. Dan hu seta’ jagħmlu għax kien bniedem ta’ fidi: għex mingħajr riserva d-dmirijiet tiegħu; tqabad mal-problemi li xi wħud solviehom u oħrajn le; u għadda minn esperjenzi u ċirkostanzi iebsa bil-kuraġġ u t-telqien tiegħu f’Alla.
Bħala wieħed mill-ikbar teoloġi tas-selu 20, Bonhoeffer ħalla wirt kbir f’dawk li huma kitbiet teoloġiċi u prietki li jirriflettu l-profondità tal-ħsieb tiegħu. Dawn il-kitbiet, itemm l-editorjal, ħallew influwenza kbira fuq it-teoloġi li ġew warajh.