Kitba ta’ Dun Ġużepp Pace …
Ftit xhur qabel ma Dun Ġużepp Pace għadda għal għand il-Mulej, f’Lulju 2022, jiena kelli laqgħa miegħu fid-Dar tal-Kleru u dakinhar urejtu x’xewqa li għall-okkażjoni tas-60 sena mill-bidu ta’ Vatikan II, inpoġġu fuq il-Laikos, it-test kollu tal-ktieb tiegħu, X’Ma Qalx il-Konċilju.
Bl-entużjażmu u l-ferħ li Dun Ġużepp urieni dakinhar, spiċċajna li minflok raddejtlu ħajr jien tal-permess li tani, ma waqafx jgħidli grazzi hu għax dak li kien kiteb 20 sena qabel, kien ser jerġa jieħu d-dawl. Il-ħeġġa, li minkejja l-kundizzjoni fiżika tiegħu rajt tiddi fih fakkritni fil-ħeġġa kbira li kellna fil-Knisja matul Vatikan II u fis-snin ta’ wara.
Dan kien dak li Dun Ġużepp Pace kiteb fl-introduzzjoni tal-ktieb tiegħu, X’ma qalx il-Konċilju.
Il-Konċilju Vatikan II ma kienx Konċilju ta’ definizzjonijiet.
Ma ħareġ bl-ebda duttrina ġdida. Ma taniex lista ta’ liġijiet.
Ma kienx Konċilju ta’ dokumenti – għad li sebaq il-Konċilji kollha fil-għadd ta’ dokumenti.
Il-Konċilju Vatikan II kien proċess, moviment, li beda u għadu sejjer sal-lum.
Ġwanni XXIII sejjaħlu aġġornatment. Pawlu VI sejjaħlu rinnovament, tiġdid.
Il-Konċilju Vatikan II kien ġrajja, epika, marbuta mal-ġrajjiet tad-dinja ta’ żmienna; u marbuta ħaġa waħda mal-karattru u l-personalità tal-protagonisti li ħadu sehem fih, f’Ruma, f’Malta u barra minn Malta.
Kien avventura li wkoll bdiet u għadha sejra sal-lum.
F’dan il-ktieb, erbgħin sena mill-ftuħ tal-Konċilju, nistedinkom tgħixu mill-ġdid miegħi din il-ġrajja u tidħlu miegħi f’din l-avventura.
Minn dakinhar li Dun Ġużepp kiteb dak il-kliem sal-lum, għaddew għoxrin sena oħra, imma l-istedina tiegħu għadha hemm għalina anke illum … li ngħixu mill-ġdid il-ġrajja tal-Konċilju u li nidħlu aħna wkoll f’dik l-avventura.