F’April, il-Papa Franġisku se jagħmel Vjaġġ Appostoliku lejn l-Ungerija

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn, id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni, fi stqarrija, ħabbar: “Waqt li jaċċetta l-istedina tal-Awtoritajiet ċivili u ekkleżjali, mit-28 sat-30 ta’ April 2023, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku se jagħmel il-41 Vjaġġ Appostoliku lejn l-Ungerija, fejn se jkun qed iżur il-belt ta’ Budapest”.

Matul il-vjaġġ ta’ tlett ijiem, il-Papa se jiltaqa’ mar-refuġjati u nies foqra, kif ukoll mat-tfal tal-Istitut Beatu László Batthyány-Strattmann. Kif inhi d-drawwa, l-Qdusija Tiegħu se jindirizza lill-awtoritajiet, lis-soċjetà ċivili u lill-korp diplomatiku; liż-żgħażagħ; lill-Isqfijiet, saċerdoti, djakni, persuni kkonsagrati, seminaristi u ħaddiema pastorali; u rappreżentanti tad-dinja akkademika u kulturali.

Aktar minn nofs il-poplu Ungeriż huma Kristjani, u mill-inqas 37% tal-popolazzjoni huma Kattoliċi. Skont sorsi lokali, mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, kważi miljun ċittadin Ukren vvjaġġaw lejn l-Ungerija bħala refuġjati.

Fit-12 ta’ Settembru 2021, fi triqtu lejn is-Slovakkja, l-Papa Franġisku kien għamel waqfa qasira f’Budapest, il-belt kapitali tal-pajjiż, biex jiċċelebra Quddiesa għall-għeluq tat-52 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.

Il-Papa Franġisku kien wera wkoll il-qrubija tiegħu mal-fidili Ungeriżi waqt żjara li kien għamel fir-Rumanija, meta kien ċċelebra Quddiesa fis-sit popolari ta’ pellegrinaġġ Ungeriż ta’ Csíksomlyó (Şumuleu Ciuc) fir-reġjun tar-Rumanija Transilvanja. Transilvanja, darba kienet parti mill-Ungerija, iżda fl-1920 saret parti mit-territorju Rumen. L-Ungeriżi etniċi fir-Rumanija jammontaw għal aktar minn miljun ruħ. 

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/pope-francis-to-visit-hungary-in-april-apostolic-journey.html

%d bloggers like this: