Is-Sibt 18 ta’ Marzu 2023, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann
Nhar it-13 ta’ Marzu 2023 jaħbat l-għaxar anniversarju mill-elezzjoni tal-Papa Franġisku bħala Papa. Iċ-ċelebrazzjoni li tat bidu uffiċċjali għall-ministeru pastorali tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Universali kienet fid-19 ta’ Marzu 2013, Solennità ta’ San Ġużepp.
Huwa xieraq li nirringrazzjaw minn qalbna lil Alla ta’ dan id-don kbir li ta lill-Knisja tiegħu, u tal-ġid kbir li għamel il-Papa Franġisku tul dawn is-snin.
Ara bil-Malti d-diskors li kien għemel il-Papa Franġisku dakinhar …
Is-Sibt 18 ta’ Marzu 2023, Mons. Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi konċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fid-9.30 a.m. Kulħadd hu mistieden għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Is-saċerdoti li ma jkunux impenjati f’ħidma pastorali dak il-ħin huma mistiedna jikkonċelebraw f’din il-quddiesa. Il-kongregazzjonijiet reliġjużi u l-għaqdiet u l-movimenti huma mħeġġa wkoll biex jattendu. L-Arċisqof irid ukoll li minn kull parroċċa jkun hemm rappreżentanza ta’ ħamsa min-nies li jieħdu sehem ukoll f’din il-quddiesa.
Inħeġġu biex fil-komunitajiet tagħna kollha nitolbu għall-Papa Franġisku biex il-Mulej jagħtih il-qawwa u l-għajnuna ħalli jkompli jaqdi l-missjoni tiegħu b’dedikazzjoni u b’ġenerożità.
Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, il-Furjana, illum 6 ta’ Marzu 2023.