X’nixtieq għas-sena l-ġdida

Print Friendly, PDF & Email

Ninsabu jumejn biss ‘il bogħod mill-Ewwel Jum tas-Sena. Bħalissa kulħadd qed iħejji biex jibda’ din is-sena, l-2023, b’mod mill-isbaħ.

Personalment anki jien din is-sena qed nistennieha bil-ħerqa. Mhux l-għaliex għandi xi affarijiet imħejjija minn qiegħ nett tal-istiva tal-vapur tax-xewqat tafux. Xejn minn dan. X’jista’ miskin ikollu xi jħejji Patri li qatta’ l-aqwa żmien ta’ ħajtu ma’ ħutna l-morda u ħlief nies jibku, fil-maġġoranza, ma rax? Għalkemm din hi l-istorja ta’ ħajti, is-sejħa li l-Mulej, fi ħnientu għamilli, u t-triq li qed jurini li għandi nimxi, fl-ibgħad rokna ta’ qalbi indiema tassew li m’għandix! Jien dak li jien u xejn aktar!

Madankollu, għalkemm it-tazza tiegħi ħdejn dik ta’ ħaddieħor, li ħa li ried, hi vojta u nixfa qoxqox, xorta waħda qed inħares lejn din is-sena 2023 b’ħafna ferħ u paċi. Dan l-għaliex fil-ħajja hemm kelma tassew importanti u li Papa Franġisku aqta’ kemm jgħallimhieli: SORPRIŻA! U jekk hemm xi ħadd li s-sorpriżi jaf jivvintahom, għax hu BISS oriġinali u l-Oriġinali, hu l-Mulej! Hu jaf iħawwad il-borma kif jara li hu l-aħjar skond il-pjanijiet tiegħu. Għalhekk, qed nistenna tibda’ s-sena 2023 b’element qawwi ta’ sorpriża.

Ħaġa oħra li qed inħoss f’qalbi fil-bidu ta’ din is-sena hi l-kelma TIBDILIET. Issa, din il-kelma ġiet fuqi l-għaliex il-Mulej għallimhieli mill-ħabib kbir tiegħi San Leopoldu Mandić. Dan ħija l-għażiż u l-ħabib ta’ veru li nsibu kull darba li kulħadd idabbar rasu f’ħajti, anki b’xi skuża ‘spiritwali’, dan il-qaddis, ma’ Patri Piju, u, sintendi, ma’ Marija u Ġesù, insibu hemm ħa jagħtini dik il-palata ‘l quddiem. X’jgħallimni minn ħajtu San Leopoldu? Niftakar li meta kien mar Lourdes mal-magħruf kappillan ta’ Rovigo, Don Luigi Callegaro, Patri Leopoldu tgħallem ħaġa importanti: li meta kien sejjer lejn Padova kellu jibda’ kollox mill-ġdid. Għax f’ħajtu kellu bżonn bidla ta’ taħt fuq!

Għal min jaf lil Patri Leopoldu din ma kinitx biċċa taċ-ċajt tafux. Mhux ċajta li jkollok tibdel ir-rutina. Nafu x’kienet ir-rutina ta’ dan ħuna, ħija u ħabib Leopoldu: qrar, qrar, qrar u … dik il-quddiesa! M’għandniex xi ngħidu, bejn dak il-qrar kollu kien jiġi xi ħadd biex jiftaħ qalbu u kien hemm min kien jibgħatlu dik in-nota wkoll bil-posta. U, Patri Leopoldu, il-kbir għax dejjem qal IWA u obda kemm felaħ, baqa’ iwettaq ir-rieda tal-Mulej sal-aħħar nifs. Imma anki dan il-ġgant fil-qdusija wkoll ħass il-bżonn li fil-ħajja jkollu l-bidla.

Personalment ma nafx x’bidliet ħajti se jkollha f’din is-sena. Jaf ikun hemm bidliet li jiġu mitluba minni, oħrajn imposti fuqi filwaqt li oħrajn imsejjaħ nagħmilhom jien. Ħaġa naf: WAĦDI MINIX! U allura jiġri li jrid. Hemm is-sentenza ta’ Ġesù li aqta’ kemm qed tagħmilli kuraġġ f’dawn l-aħħar jiem tas-sena ħuti: Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha (Mk 8:35).

Għaliex għażilt proprju t-test ta’ San Mark biex inwassal dak li hemm f’qalbi? Għax hemm dik il-frażi tant u tant sabiħa, għall-imħabba … tal-Evanġelju. U x’inhi l-imħabba tal-Evanġelju? Fil-każ, fl-istorja, fin-novella, fil-poeżija u x’ma naf xiex li l-Mulej qed jikteb fil-ħajja tiegħi, Patri Mario, din hi li nkun viċin tiegħu fil-pazjenti tagħna taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Fil-fatt, kull darba li naqra din il-frażi mill-ewwel jitla’ quddiem għajnejja t-test mill-isbaħ ta’ Iżaija li jgħid hekk: L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej (Iż 61:1-2).

Il-vanġelu hu l-AĦBAR IT-TAJBA. Hu l-aħbar li tferraħ lill-fqajrin, iddewwi l-qalb miksura, tħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, toħroġ lill-imjassra mill-ħabs tagħhom u tagħti tama għal ħajja aħjar. X’irrid iżjed? Mhux din hi s-sejħa tiegħi? Li nkun ma’ ħutna l-morda, il-messaġġ ħaj li fih dan kollu? Għalhekk, għalija, din is-sena hi APPROFONDIMENT f’dan il-ministeru li għandi ma’ ħutna l-morda. Li, il-maġġoranza tiegħu hu f’pajjiżna. Għax għal hawn jien ġejt imsejjaħ biex inkun Kapuċċin u Patri tal-isptar. Dan ma jeskludiex il-fatt ta’ xi esperjenzi ftit ħoxnin f’xi imkejjen oħra bħala formazzjoni għalija ħalli naqdi l-ministeru li l-Mulej fdali f’idejja aħjar, hawn fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Naqra qtugħ jagħmel tajjeb. Imma NAQRA mhux B’MOD EŻAĠERAT. Ma ninsewx li jekk xi ħaġa tal-fridge nħalluha ħafna żmien barra minnha taqta’ u nistgħu narmuha. Mela, attenzjoni …

Imbagħad, xewqa oħra li tant nixtieq għas-sena d-dieħla hi li nħalli lill-Mulej ikabbarni fid-DIXXERNIMENT. Mhux biex nilgħabha tal-għaref jew tal-bravu. Lanqas biex inġiegħel lil dawk li jħokku miegħi li jien, daqskemm jien tajjeb, hu l-verżjoni ta’ kif bniedem għandu jkun filwaqt li lilhom inġagħlhom iħossuhom li huma tajbin biss għar-rimi. Kont biżżejjed viċin nies hekk. Ħafna minnhom jew mietu inkella issa, sforz ix-xjuħija u l-qassatat li għamlu f’ħajjithom, siktu jew siktuhom. Le ħi! Umiltà, umiltà, umiltà… U rispett, rispett, rispett … Biż-żmiem isir il-bajtar! U fl-aħħar tat-tiġrija għadu ma wasal qatt! Ejjew niftakru fil-parir li jagħtina l-Messala huwa hu jmut, meta quddiemu kellu lil Ġuda Ben Ħur, b’idejh imwaħħlin fil-libsa tiegħu, wara li ż-żwiemel għamluh pulpetta fil-korsa miskin: Ġuda, it-tiġrija għadha għaddejja! It-tiġrija għadha għaddejja! …

Wara dawn il-ħsibijiet inħoss li qed tinxtegħlli l-bozza l-ħamra tal-fuel. X’ngħid aktar ma baqalix! Madankollu, ħaġa nixtieqek li tagħmel din is-sena: Aħseb fil-konsegwenzi ta’ dak li tkun se tagħmel, qed tagħmel u li għamilt. B’hekk, il-konsegwenzi jgħinuk biex tkun aktar responsabbli f’għemilek. Bħalma, wara kollox, jgħinu lili wkoll. Ibqa’ iddefendi l-ħajja, mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. B’hekk tiġbed fuqek u fuq niesek barka mis-sema.

U b’dawn il-ħsibijiet f’qalbi nixtieqlek minn qalbi, … Is-Sena t-Tajba!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: