Iċ-ċirku ta’ madwar ħajti

Print Friendly, PDF & Email

He drew a circle that shut me out –
Heretic, rebel, a thing to  flout.
But Love and I had the wit to win:
We drew a circle that took him in!
(Edwin Markham 1885-1940.)

Ħafna nies jgħixu ġewwa ċirku, u jgħaddu l-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom ma jħallu lil ħadd jidħlilhom ġo dan iċ-ċirku: kmamar, djar, toroq u saħansitra bajjiet privati – u f’dawn dejjem insibu l-istess avviż: “Din mhux proprjeta’ tiegħek imma tiegħi. Keep out! Beware of the dog!”

F’ċertu sens, kulħadd f’xi ħin jew ieħor ikollu bżonn ċirku li jeskludi d-dinja ta’ madwaru, għal ftit kwiet u serħan tal-moħħ. Imma f’sens ieħor, il-kobor ta’ bniedem jista’ jiġi meqjus b’kemm mid-dinja se jinkludi fiċ-ċirku tiegħu.  Xi wħud almenu jinkludu l-familja, u daqshekk.  Oħrajn jagħmlu pass ieħor u jinkludu l-partit politiku tagħhom, ir-razza u l-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon u n-nazzjon.  Ftit huma dawk li jħossu interess biex tiġihom ħniena għal tant nies fil-bżonn biex ikunu kapaċi jpinġu ċirku kbir  biżżejjed biex jinkludi fih lil kulħadd.

Aktar ma ċ-ċirku jkun żgħir, aktar il-bniedem se jitqies żgħir u dgħajjef.  Bniedem b’saħħtu ma jibżax minn xi ħadd differenti minnu. Bniedem għaref jaċċetta ‘l kulħadd, għax jaf li kulħadd irid jgħix f’did-dinja, u jekk irridu mmutu flimkien,  jiħtieġ nitgħallmu ngħixu flimkien. L-għaref jaf ukoll li meta jeskludi lil xi ħadd minn ħajtu, jagħmel aktar ħsara lilu nnifsu  milli lil għajru. Ikun qed ipoġġi lilu nnifsu bħal f’ċella solitarja ta’ ħabs u jsakkar il-bieb minn ġewwa. Jiċħad lilu nnifsu r-rikkezza tal-esperjenzi tal-oħrajn, isajjem lil moħħu u jwebbes qalbu. Dan ifakkarni fis-song ta’ Simon and Garfunkel I am a rock, fejn insibu: “I am a rock, I am an island….. for a rock feels no pain, and an island never cries.”

Meta bniedem għaref jinkludi lill-għajru, ipinġi ċirku mhux akbar mill-ewwel ċirku li qatt kien hawn: “Fil-bidu Alla ħalaq id-dinja.  Id-dinja Alla għamilha tonda.”

Mela nista’ nqis dan iċ-ċirku li jdawwar ħajti fi tlett fażijiet:  (1)  L-ewwel fażi hu l-Ego, i.e. il-“jien” u dak kollu li jagħmel lili. Hawn iċ-ċentru hu jien. Inkun irrid kollox idur madwari, u nqis li l-ewwel jien. it-tieni jien u t-tielet jien ukoll. Din il-fażi hi komuni fl-ewwel snin ta’ ħajjitna. Imma hemm bżonn li, jien u nikber jiħtieġli nwessa’ dan iċ-ċirku.     (2) Ħafna huma dawk li jgħaddu għat-tieni fażi ( għalkemm jiġu mumenti ‘l hawn u ‘l hinn f’ħajjitna  meta nġibu ruħna ta’ vavi). Hawn fiċ-ċirku jibdew jinkludu l-familja, l-parroċċa, l-għaqda reliġjuża,  u d-djoċesi. Hawn irridu noqogħdu attenti li ma niskludu lil ħadd, għax meta membru tal-Knisja jsofri, il-Knisja kollha ssofri. (3) Fit-tielet fażi nkabbar iċ-ċirku b’tali mod li nqis lil kulħadd bħala xbieha t’Alla u  ulied tal-istess Missier. Hawn iċ-ċentru jsir Ġesu’ Kristu, għax jien nibda narah f’kull persuna li niltaqa’ magħha. Ma rridux ninsew l-ispirtu Ekumeniku, u nibdew  bl-Insara tad-dinja kollha.  Kif qal darba l-Papa Franġisku:  “Kien hemm żmien meta jekk kattolika jidħol ġo Knisja protestanta, ikun meqjuż li għamel dnub mejjet!  Meta Ġesu’ qal lil Pietru, ‘Fuq din il-blata nibni l-Knisja Tiegħi’, żgur  li ried jinkludi lil dawk kollha li jemmnu f’Ġesu’ Kristu. Għalhekk jiħtieġ dejjem nenfasizzaw aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna.  Kif jgħidilna San Pawl: ‘Pawlu …….lil  dawk kollha li tqaddsu fi Kristu Ġesu’, msejjħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull  pajjiż isejjħu  l-isem ta’ Ġesu’ Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna’” (1 Kor 1. 2-3).

Minn Edward Taqliaferro

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading