Minn Joe Galea
Meta nħares lura lejn ħajti, niftakar li ħafna mit-tfal kienu mdorrijin li jqerru kull nhar ta’ Sibt. Min-naħa tagħna, għal xi l-erbgħa ta’ filgħaxija konna konna mmorru l-knisja ta’ Sarrija, il-Furjana, nodfa u lebsin puliti wara ġurnata ta’ logħob u ġiri. Darba minnhom kien hemm tifel, li ma kienx soltu jiġi jqerr hemmhekk. Kif lesta, għadda minn ħdejna, għax konna noqogħdu fi kju’, u qalilna: “Kemm qed inħossni ferħan!”
Dan it-tifel esprima l-ferħ ta’ meta jkollna xi ħaġa ttaqqalna u neħilsu minnha. Dan kien tifel, jiġifieri ma kellux wisq toqol ta’ ħtija. Imma meta tikber, tħoss iktar kif l-istqarrija sinċiera fil-Qrar tħaffiflek qalbek. Għax il-Qrar fih l-element tal-ferħ mill-ġdid.
It-tliet parabboli li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Luqa, kapitlu 15, juruna biċ-ċar din il-veritaà. Huma l-parabboli (i) tal-Iben il-Ħali, (ii) tan-nagħġa l-mitlufa u (iii) tal-munita l-mitlufa. Jgħinuna nifhmu l-ferħ ta’ Alla meta jsib dak li kien mitluf. Bħar-ragħaj, bħall-mara u bħall-missier, Alla qatt ma jieqaf milli jinkwieta għall-kreaturi tiegħu. U, fil-każ tal-Iben il-Ħali, il-missier imur fuq ibnu hu stess biex jilqgħu meta ġie lura d-dan. Dak li nstab, fit-tliet parabboli, ġie mogħti ‘festa’.
Dawn huma l-espressjonijiet ta’ ferħ, li jissemmew sitt 6 darbiet f’dawn it-3 parabboli:
- “jerfagħha fuq spallejh ferħan”;
- “Ifirħu miegħi għax sibt in-nagħġa l-mitlufa”;
- “Ifirħu miegħi għax sibt id-drakma li kont tlift”;
- “Ikun hemm ferħ qalb l-anġli”;
- “Ġibu l għoġol ħa nieklu u nifirħu”;
- “Jeħtieġ li nifirħu u nithennew għax dak li kien mitluf, instab”.

Dan kollu għax inkunu tlifna l-ferħ ta’ qabel. Qabel ma Alla jitlifna u jsibna, diġà jkun daħħalna fl-imħabba tiegħu bil-Magħmudija. Il-ferħ ta’ meta ‘rġajna lura’ , li ‘sabuna’ hu sinjal li qabel ma ntlifna konna f’sitwazzjoni tajba: nagħġa mar-ragħaj, drakma merfugħa fil-kexxun u iben fil-kenn tad-dar taħt il-ħarsien ta’ missieru. Dawn ifissru l-istat tal-grazzja, li jintilfu bid-dnub sakemm jiddispjaċina li nkunu dħalna f’dak l-istat u jkollna fehma li ma nerġgħux.
U hawn jidħol il-Qrar, li f’dawn iċ-ċirkustanzi nkunu nixtiequ li minn żmien għal ieħor nieħdu l-maħfra mis-Saċerdot, mingħajr ma rridu mmorru ‘l bogħod jew inħallsu xi ħaġa. Il-Papa serrħilna moħħna li d-dnub tagħna jinħafer billi nagħmlu ndiema u nieħdu sehem mill-Qrar.
Santa Tereża ta’ Lisieux kienet tgħid: “Kollox hu grazzja.” Fi żmien il-Covid sibna ruħna mxennqa għal-ħafna affarijet li sa xahar qabel lanqas konna nagħtu każhom, jew ma konniex ngħożżuhom daqshekk, fosthom is-Sagramenti. Imma issa jista’ jkollna l-ferħ tagħhom mill-ġdid. Ġesù assigurana li se jagħtina l-veru ferħ: “Għidtilkom dan bix il-ferħ tiegħi jkun fikom, u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġw 15, 11)