Pubblikati mill-ġdid il-Memorji tal-Kardinal József Mindszenty

Print Friendly, PDF & Email

Minn Joe Galea

Ix-xhieda tal-Kardinal József Mindszenty, li kien dikjarat bħala ‘Venerabbli’ mill-Knisja fl-2018, tibqa’ mudell ta’ reżistenza u ta’ difiża tal-fidi Kattolika quddiem il-persekuzzjoni ateista tas-seklu 20 fl-Ungerija. Il-wirt spiritwali u intellettwali tal-Kardinal Mindszenty, kap tal-Knisja Kattolika fl-Ungerija bejn l-1945 u l-1973, ġie mogħti l-ħajja nhar l-Erbgħa 4 ta’ Ġunju bil-pubblikazzjoni bl-Ingliż tal-memorji tiegħu.

Figura spiritwali, xi ftit minsi fil-Punent fl-aħħar deċenni, jitqies ma’ eroj oħrajn ta’ żmien il-Gwerra Bierda, bħal Alexander Solzhenitsyn. Ġie arrestat darbtejn fl-1919 minħabba l-oppożizzjoni tiegħu kontra l-gvern soċjalista ta’ Mihály Károlyi u tar-Repubblika Sovjetika Untgeriża. Kien kien ordnat Isqof fl-1944 u magħżul Kardinal fl-1946. Għax kien opponent bla biża’ kontra l-moviment faxxista Ungeriż matul it-tieni Gwerra Dinjija, dan swielu żmien fil-ħabs minn Ottubru 1944 sa April 1945.

Il-Kardinal József Mindszenty (1892-1975)

Fil-ħabsijiet tar-reġim komunista

Bla dubju l-iktar kapitlu diffiċli kien it-tmien snin bejn l-1948 u l-1956, maqful fil-ħabsijiet tar-Repubblika tal-Poplu Ungeriż, parti mill-blokk tal-Unjoni Sovjetika wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Wara li sofra tortura fiżika u psikoloġika, , meqjus mir-reġim Komunista Ungeriż bħala r-“reazzjoni tal-kleru”, Mindszenty ġie kundannat għal għomru fil-ħabs, b’akkuża ta’ tradiment tal-istat, wara proċess li kien farsa. Fl-irvelli tal-Ungerija fl-1956, il-Kardinl inħeles mill-ħabs u nagħta kenn fl-Ambaxxata Amerikana ġo Budapest, fejn għadda 15-il sena, sal- 1971. Miet fi Vienna fl-1975. Fl-1994 beda l-proċess tal-kanonizzazzjoni tiegħu.

Fil-memorji tiegħu, il-Kardinal Mindszenty jżur il-ġrajjiet deċisivi fl-istorja tad-dinja tal-Punent u tal-Knisja kif jaraha mil-lenti tal-istess ħajtu. Jibda mit-tfulija bikrija tiegħu f’Mindszent, fil-punent tal-Ungerija, il-ħidma u t-tbatijia tiegħu, ikompli bl-eżilju taħt it-tmexxija Sovjetaka sal-1989. Hu figura li ma tistax tinfired mill-istorja mqallba tal-Ungerija f’dawk is-snin. Ismu jibqa minqux fl-identità tal-poplu Ungeriż u tal-Knisja Kattolika.

Ħares b’ħeġġa l-valuri Kristijani

Il-kontribut ta’ unifikazzjoni ta’ Mindszenti ġie mfakkar dan l-aħħar mill-Papa Franġisku fil-Bażilka ta’ San Stiefnu ġo Budapest, fl-okkażjoni tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa fit-28 sat-30 ta’ April. Il-Papa faħħar ir-reżistenza fil-fidi tal-poplu Ungeriż quddiem deċenni ta’ persekuzzjoni ateista, u kkwota l-frażi li saret proverbjali tal-Kardinal: “Jekk hemm miljun Ungeriżi jitolbu, ma nibżax minn għada!”

L-ewwel edizzjoni tal-ktieb Memorji ġiet pubblikata fl-1974. L-introduzzjoni għat-tieni edizzjoni saret minn Daniel Mahoney, professur tal-politika fil-Kulleġġ tal-Assunzjoni f’Massachusetts.

“Fi żmien l-aktar mudlam”, jikteb Mahoney, “Mindszenty joħroġ bħala difensur akkanit tal-libertà u tad-dinjità umana, gwardjan tal-valuri Nsara u tal-virtujiet u d-drittijiet tal-Knisja.”

Mindszenty ddefenda l-verità, il-libertà u dak li sejjaħ it-“tradizzjoni qaddisa’ tal-poplu tiegħu kontra kull forma ta’ gideb ideoloġiku”.

%d bloggers like this: