Seminar għall-mużiċisti u kantanti fil-knejjes

Print Friendly, PDF & Email

Fi sforz kontinwu lejn formazzjoni awtentika fil-mużika u l-kant liturġiku fil-Knisja lokali, il-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza Seminar bit-tema X’ħa nkantaw illum? indirizzat prinċipalment għall-mużiċisti u kantanti li janimaw il-liturġija fil-knejjes.

Is-seminar għandu l-għan li jesplora l-ħsieb tal-Knisja u l-ispirtu tat-tiġdid liturġiku li seħħ madwar 50-60 sena ilu, grazzi għall-Konċilju Vatikan II. Għalhekk, il-mistoqsija prinċipali indirizzata mill-kelliem mistieden, Fr Aurelio Mulè Stagno sdb,* ikkwalifikat fit-tagħlim tal-mużika sagra, hi: X’ħa nkantaw illum? L-għażla tal-kant liturġiku: uġigħ ta’ ras, jukebox, jew stedina biex nithennew fil-preżenza ta’ Ġesù Sidna biex inqimu lill-Missier? Liema prinċipji nisiltu mill-Kelma ta’ Alla u mill-maġisteru tal-Knisja biex l-għażliet tagħna fil-qasam tal-mużika liturġika mhux biss ikunu jagħmlu sens, imma jgħinu lill-ġemgħa liturġika u lill-komunità Nisranija kollha tinbena u tissaħħaħ fil-fidi? Se tingħata ħarsa partikolari lill-mużika fiż-żwiġijiet u l-funerali.

Dan is-seminar se jinżamm nhar is-Sibt 21 ta’ Ottubru 2023, bejn l-4.30pm u s-7.00pm, fis-Sala Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra, Għawdex. Ir-reġistrazzjoni b’xejn hi miftuħa għal kulħadd, u wieħed jista’ jirreġistra hawn, inkella billi jibgħat email lil liturgy@churchingozo.mt.

* Aurelio Mulè Stagno hu saċerdot Malti u Salesjan ta’ Don Bosco. Hu għandu Dottorat fit-Teoloġija Dommatika mill-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma u għal xi żmien għallem il-Liturġija u l-Mużika Liturġika f’Ruma, u fl-iStudium Theologicum Salesianum tal-Art Imqaddsa. Huwa beda l-istudji mużikali tiegħu (pjanu u teorija) f’Malta sa minn età ċkejkna, u kompla aktar tard fl-Università ta’ Maynooth fl-Irlanda, mnejn kiseb Baċellerat bl-Unuri fil-Mużika u l-Filosofija. Kompla wkoll l-istudji fl-orgni u kisep Diploma fil-pjanu (L.R.S.M.). F’Ruma, fejn kien qed jistudja t-teoloġija, hu kiseb Diploma Statali fil-kompożizzjoni. Lura Malta fl-2013, hu jgħix fil-komunità Salesjana ta’ San Filippu fl-Isla, u ilu sa mill-2017 joffri s-servizz ta’ surmast tal-kor u organista fil-Katidral tal-Imdina.

%d