Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ San Tumas d’Aquino, Ruma

QUDDIESA FIL-PARROĊĊA TA’ SAN TUMAS D’AQUINO TA’  RUMA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd 10 ta’ Mejju  1981

1. “Jiena r-Ragħaj it-tajjeb, jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili”  (Ġw 10,14).
Dan il-kliem ta’ Kristu jidwi llum fiċ-ċentru tal-liturġija tar-rabà Ħadd tal-Għid, fost il-kant tal-Alleluia. B’dan il-kliem irrid nonora flimkien magħkom, għeżież ħuti, lil Kristu Rxoxt. Hu, permezz tal-passjoni u l-mewt, irrivela ruħu bħala Ragħaj li joffri ħajtu għan-nagħaġ tiegħu – u fil-qawmien mill-imwiet tiegħu tana ċ-ċertezza li Hu jgħix għas-sekli, u jiggwida l-maqjel tan-nagħaġ għall-ħajja ta’ dejjem.

Hawn hu kif jikteb għal dan il-għan San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu: “Hu li ma kien għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab f’fommu, / meta għajruh ma weġibx għat-tgħajjir; / meta bata ma heddidx, imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust. / Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, / biex aħna nmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. / Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu, / …(infatti) intom issa erġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom” (1Pt 2,23-25).

2. Il-parroċċa ddedikata lil San Tumas d’Aquino hija partiċella tal-Knisja: parti minn dak il-“maqjel” il-kbir, li tħares bil-fidi u t-tama lejn ir-Ragħaj it-Tajjeb.

Illum ingħatali li nżur din il-parroċċa Rumana; bħala Isqof ta’ Ruma ingħatali li nwettaq fostkom servizz partikolari ta’ ragħaj f’isem Kristu rxoxt – f’isem ir-Ragħaj it-Tajjeb.

 Qabel kollox nestendi t-tislima l-iktar kordjali tiegħi lilkom ilkoll, għeżież parruċċani, li intom parti ħajja tal-Poplu ta’ Alla u speċjalment ta’ din il-Knisja Rumana Insellem lill-Kardinal Vigarju Ugo Poletti u lill-Isqof taż-Żona Giulio Salimei; u nindirizza tislima partikolari lill-kappillan u lill-kollaboraturi stretti tiegħu fil-ministeru parrokkjali li b’mod dehen organizzaw din iż-żjara. Irrid ukoll insellem lill-Familji kollha reliġjużi rrasppreżentati hawn u d-diversi movimenti kattoliċi. Għandi preżenti b’mod speċjali l-lajċi mpenjati fl-apostolat, li nminkuraġġixxi u biex ikomplu b’mod ġeneruż fl-attività ta’ min ifaħħarha tagħhom, lill-morda bit-teżor tat-tbatijiet tagħhom, iż-żgħażagħ bl-entużjażmu tagħhom u bix-xewqa tagħhom ta’ dinja aħjar. Ilkoll inġorrkom f’qalbi u f’talbi.

Din il-parroċċa hija ddedikata lill-qaddis kbir Tumas d’Aquino, li qattà ħajtu mhux biss fl-istudji filosofiċi, imma fuq kollox fl-approfondiment tal-fidi nisranija. Minħabba dan ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-għajnuna tiegħu, sabiex inkunu nistgħu nirrendu verament adulta, jiġifieri matura, stabbli, serena u fertili għall-ħajja l-adeżjoni tagħna lil Kristu Sidna.

Jiena tassew kuntent li ninsab fostkom u li nistà nagħraf l-attivitajiet tagħkom b’mod speċjali fil-qasam liturġiku u fil-katekeżi; imma hija għalija piena kbira li nara li għadkom s’issa mingħajr bini veru u propju tal-kult u li l-parroċċa tagħkom hija nieqsa minn kull struttura oħra materjali meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ istituzzjoni, li tistà taqdi x-xewqat tad-diversi kategoriji ta’ persuni. Il-ħajja nisranija ċertament ma tiddependix minn bini, bdanakollu n-nuqqas tiegħu joħloq tfixkil innegabbli, għaliex hija nieqsa d-“Dar Komuni”.

It-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni, li fi żmien qasir laħaq kważi t-tmint elef unità, u li għadu qiegħed jiżdied b’mod notevoli skont il-proġett ta’ reġġjun ġdid fil-parti agrikola tat-territorju jitlob li jsiru passi konkreti għall-attwazzjoni ta’ din il-kostruzzjoni tant mixtieqa u meħtieġa.

Nawguralkom minn qalbi li din tkun tistà titwettaq mill-iktar fis! Anzi inkun verament kuntent jekk dan il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, jekk din iż-żjara tal-Papa tagħti mpuls validu għas-soluzzjoni ta’ din l-hekk mixtieqa esiġenza.

Ma jonqosx l-impenn tagħkom u t-talb tagħkom ukoll f’dak li jirrigwarda l-kostruzzjoni tal-Knisja l-ġdida. Il-Providenza divina ma tħallix li tonqos l-għajnuna meħtieġa, bħal ma ġara wkoll f’tant komunitajiet oħra.

3. Huwa bla dubju familjari ħafna għalikom il-kliem tas-Salm 22 li fit-Testment il-Qadim jikkostitwixxi kważi tħejjija għall-allegorija evanġelika tar-Ragħaj it-Tajjeb.

Għadna kemm qrajnieh, f’forma responsorjali, wara l-ewwel qari Bibbliku. Dan huwa għani fix-xbihat li jappartienu lil żewġ oqsma differenti. Qabel kollox jitkellem dwar il-“mergħat”, li jfissru n-nutriment spiritwali sikur ipprovdut mill-Mulej; tal-“ilma” li jaqtà l-għatx ta’ kull nixfa tagħna; tal-“mixja”, li ġġiegħel naraw kif ħajjitna hija f’moviment lejn tragward; u tal-“wied mudlam”, li jirrapreżenta d-diversi diffikultajiet li niltaqgħu magħhom. Dawn ix-xbihat joħorġu mill-qasam tar-rapport bejn ir-ragħaj u l-merħla. Imma mbagħad hemm xbihat, li jsejħu sitwazzjoni ta’ ħbiberija ferreħija: ladarba jitkellmu dwar il-“mejda” mħejjija, li tfisser l-abbundanza offruta lilna mill-komunjoni mal-Mulej; dwar iż-“żejt”, b’riferenza għall-ospitalità akkoljenti tiegħu – u tal-“kalċi” mfawwar, ladarba il-Mulej magħna huwa dejjem grazzjuż u ġeneruż.

Is-Salm kollu u b’mod speċjali l-aħħar versett, “”Feliċità u grazzja se jkunuli kumpanija l-jiem kollha ta’ ħajti, u se ngħammar f’dar il-Mulej għal snin tassew twal”, juri l-feliċità bla limiti li jqanqal Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jiggwida lill-bniedem mit-toroq tal-“feliċità u l-grazzja” matul il-ħajja terrestri, biex iwasslu definittivament “f’dar il-Mulej”.

Kristu Rxoxt, wara l-passjoni tiegħu, qanqal tali fiduċja llimitata fl-Appostli u fid-dixxipli u f’dawk li lilhom, għall-opra tagħhom, waslitilhom ix-xhieda tal Vanġelu. Ukoll fiż-żminijiet diffiċli tallum, meta spiss jiġrilna li ngħaddu minn “wied mudlam” – u ferm iktar minn darba jistà wkoll li nħossu fina “il-biżà tal-ħażen”, ejjew nitolbu bl-istess fiduċja.

4. Kristu fil-liturġija tallum isejjaħ lilu nnifsu mhux “ir-ragħaj”, imma wkoll “il-bieb tan-nagħaġ” (Ġw 10,7).

B’dan il-mod, Ġesù jgħaqqad flimkien żewġ metafori differenti, partikolarment espessivi.

Ix-xbiha tar-“ragħaj” kija kkuntrastata ma’ dik tal-“merċenarju” u sservi biex tenfasizza l-interess profond kollu ta’ Ġesù għall-merħla tiegħu, li hija aħna, sal-punt li jaġhti għal kollox lilu nnifsu għas-salvazzjoni tagħna: “Ir-ragħaj it-tajjeb joffri ħajtu għan-nagħaġ” (Ġw 10,11).F’din il-linja tesprimi ruħha wkoll l-Ittra lill-Efesin: “Kristu ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha”  (Ef 5,25). Imiss lilna li nagħrfu Fih l-uniku Mulej tagħna u nsegwu “leħnu” (Ġw 10,4), billi nattribwixxu dawn il-karatteristiċi lill kwalunkwè merċenarju uman, li fl-aħħar minn l-aħħar “ma jimpurtah xejn min-nagħaġ” (Ġw 10,13), imma biss il-benefiċċju tiegħu. U din ir-riflessjoni tintroduċina biex nifhmu wkoll x-xbiha l-oħra tal-“bieb”. Ġesù jgħid: “Jekk xiħadd jidħol permezz tiegħi, ikun salv; jidħol u joħroġ u jsib mergħa” (Ġw 10,9). B’dan il-kliem Huwa jsostni dak li mbagħad iħabbru l-Appostli tiegħu: “Mhemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin… li bih nistgħu nkunu salvati” (At 4,12). Huwa hu l-uniku aċċess tagħna għal għand il-Missier (cf. Ef 2,18; 1Pt 3,18). U Fih ħajjitna kollha ssib il-libertà awtentika tal-moviment: “Dak kollu li tagħmlu fl-opri u fil-kliem, dan kollu jitwettaq fl-isem ta’ Sidna Ġesù” (Kol 3,17).

5. Dan il-kwadru hekk għani tal-verità paskwali jinsab mifrux quddiem għajnejna mil-Liturġija ta’ dan il-Ħadd. Imma biżżejjed li nħarsu biss lejn dan il-kwadru? U forsi nħallu lilna nfusna nitgħaxxqu bih? Hemm bżonn li nieħdu ferm iktar minnu dik is-sejħa ta’ Alla, li hija miktuba b’mod profond  f’dan il-kwadru bibbliku splendidu. Hemm bżonn inħossu din is-sejħa. Hemm bżonn nilqgħuha bħala ndirizzata lil kull wieħed u waħda minna. Naċċettawha bil-qalb u bil-ħajja.

Dan kollu għandu xi mplikazzjonijiet konkreti għall-eżistenza tagħna nisranija. Qabel kollox, hemm bżonn li nsaħħu kontinwament l-irbit tagħna ma’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, u dan nagħmluh f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitna: kemm meta nsibu ruħna ħdejn “ilmijiet trankwilli”, kif ukoll meta nsibu ruħna “f’wied mudlam”. Infatti Huwa hu dejjem ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna, u aħna għandna wkoll inkunu dejjem nagħag propjetà tiegħu.

Fit-tieni post, hemm bżonn nitolbu għal dawk li fil-Knisja jiżvolġu s-servizz pastorali: dan, infatti, huwa fl-istess ħin l-unur kbir tagħhom u l-piż tagħhom: tipparteċipa fil-ministeru tar-Ragħaj it-Tajjeb, dmir li għandu assolutament bżonn tal-kollaborazzjoni u tas-sosten tal-komunità ekkleżjali kollha.

Fit-tielet post, hemm bżonn li nitolbu b’mod partikolari għall-vokazzjonijiet għas-saċerdozju ministerjali, sabiex ma jonqsux r-Rgħajja tal-Knisja. “Il-ħsad huwa kbir” (Lq 10,2) u jinħtieġu l-ħaddiema fil-qasam tal-Mulej. Propju dalgħodu fetaħ f’San Pietru Kungress Internazzjonali fuq il-Vokazzjonijiet fil-Knejjes partikolari, u t-talb tagħkom jistà jikkontribwixxi għr-riżultati pożittivi tiegħu.

6. Madankollu, barra minn dawn il-konklużjonijiet prattiċi mportanti, għandna niġbdu mil-liturġija tallum iktar konklużjonijiet important oħra li jirrigwardaw lil kull nisrani. Infatti kull wieħed u waħda b’mod nieħdu sehem fil-missjoni u fl-interess ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb.

Kull imgħammed, infatti, għandu l-parti tiegħu ta’ responsabiltà fil-Knisja, li tiġi iktar magħrufa u eżerċitata iktar ma jkollna għarfien tal-propja konfermazzjoni għal Kristu u ngħixuha. Bħal ma jikteb San Pawl, “lil kull wieħed hija mogħtija manifestazzjoni speċjali tal-Ispirtu għall-utilità komuni… Issa intom il-ġisem ta’ Kristu u kull wieħed minnkom biċċa minnu” (1Kor 12,7.27). U huwa possibbli nwettqu din il-funzjoni f’livell tassew prattiku. Per eżempju, il-ġenituri għandhom missjoni pastorali fil-konfront tal-ulied, ladarba huma responsabbli għall-edukazzjoni tagħhom mhux biss umana imma wkoll nisranija; min-naħa l-oħra, l-ulied ukoll għandu jkollhom interess speċjali lejn il-ġenituri, speċjalment meta dawn ikunu anzjani u għandhom jieħdu ħsiebhom amorevolment, imma wkoll b’mod normali biex ipattu għall-ħsieb u l-imħabba li bihom kienu mdawrin. Barra minn dan, ukoll bejn il-mara u żewġha hija meħtieġa attenzjoni reċiproka, li dak li jkun ma jesprimihiex biss permezz tal-imħabba sponsali, imma wkoll b’atteġjamenti ta’ sosten fid-diffikultajiet, ta’ tkabbir komuni fil-fidi ta’ eżortazzjoni reċiproka fil-ħajja nisranija. Interess għal kollox partikolari għandu jikkaraterizza d-dinja tal-morda; hawn qabel kollox, huma dawk b’saħħithom, jiġifieri t-tobba u l-infermieri, barra mill-qraba, li għandhom jieħdu ħsieb dawk li qegħdin ibatu b’mod mhux biss professjonali imma wkoll uman. Imma l-iktar, l-istess morda tmiss funzjoni ministerjali oriġinali fil-konfront tal-komunità nisranija, bħal ma jikteb San Pawl: “Meta jiena dgħajjef, huwa hemm li nkun b’saħħti” (2Kor 12,10), jiġifieri li nistà nagħmel it-tbatijiet tiegħi jaqdu għall-ġid ta’ kulħadd. U rrid ngħid li jien stess bosta drabi sperimentajt l-effetti tajbin ta’ dan l-“interess”  eżerċitat lejja minn tant persuni differenti, b’mod partikolari mill-batuti u mill-morda. U ta’ dan niżżi ħajr lill-Mulej

7.U huwa f’dan is-sens, bħala għeluq tal-omelija, nindirizza l-awgurju ħaj tiegħi lill-parroċċa tagħkom bil-kliem ta’ San Pietru.

Għeżież: “X’mertu jkollkom li tieħdu bis-sabar is-swat meta tkunu għamiltu l-ħażin? Imma jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar din tkun grazzja quddiem Alla. Għal dan infatti intom imsejħa. Ladarba wkoll Kristu bata għalikom, billi ħallilkom eżempju, sabiex issegwu l-passi tiegħu” (1Pt 2,20-21).

Parroċċa ta’ San  Tumas d’Aquino!

Nawguralek li l-Ispirtu ta’ Kristu, Ir-Ragħaj it-Tajjeb, jippenetrak dejjem b’mod iktar profond! Nawguralek li inti tgħix il-“kuntentizza u l-grazzja” tiegħu!

Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb