Vatikan II. Seħħ u għad irid iseħħ

Fil-11 ta’ Ottubru 2022 jaħbat is-60 anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Illum, aħna x’suppost nagħmlu? Infakkru ġrajja? Niċċelebraw anniversarju? Jew forsi li nerġgħu niksbu l-ħeġġa li għixet il-Knisja f’dawk is-snin?

Il-memorja ta’ ġrajjiet imgħoddija hija meħtieġa. Daqstant ieħor huwa sabiħ li niċċelebraw mumenti kbar fl-istorja tagħna. Imma li nerġgħu niksbu n-nar li niżel fuq il-Knisja f’dawk il-jiem u li ngħixu l-esperjenza qawwija ta’ Pentecoste ġdid li konna għaddejna minnha, dan ifisser l-għixien tagħna.

Ruma. Il-11 ta’ Ottubru 1962: It-tħejjijiet kienu ilhom għaddejjin kważi tliet snin, imma fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan kienu għadhom qed isiru l-aħħar irtokki. Matul dawk il-jiem, mal-elfejn u ħames mitt isqof inġabru minn madwar id-dinja kollha biex flimkien jagħtu bidu għal ġrajja li la l-Knisja u lanqas id-dinja moderna kienu għadhom qatt ma raw waħda tal-kobor tagħha. Dak li beda jseħħ dakinhar, madwar il-qabar tal-Appostlu Pietru, għad għandu messaġġ qawwi u ħaj għalina llum.

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Seħħ u għad irid iseħħ – Sensiela ta’ kitbiet dwar dik il-ġrajja, dwar il-Knisja u d-dinja f’dawk il-jiem, dwar id-dokument tal-Konċilju, u tant aktar …

Aktar dwar il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II …