Fil-katekeżi għat-tfal se nibqgħu kif konna?

Uħud mill-ewwel katekisti lajċi ta’ żmien San Ġorġ PrecaM’ilux wisq, il-Knisja f’Malta, ħadet id-deċiżjoni li tgħolli l-età tal-għoti tas-Sagrament tal-Konfirmazzjoni (Il-Griżma tal-Isqof) għal tnax-il sena.  Ċert li l-għan wara dan kien wieħed tajjeb madankollu, meta titkellem ma’ kappillani, katekisti u ġenituri tintebah kemm dan il-pass ħoloq problemi loġistiċi.

Minkejja li l-ħsieb kien ilu jberren f’moħħ il-Knisja għal bosta snin, u dan il-kappillani kienu jafuh, madankollu forsi mhux kollha ħejjew tajjeb għal din  il-bidla. Ir-riżultat kien li meta waslet, xi parroċċi kellhom jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet, kemm fir-rigward ta’ postijiet biżżejjed fejn jiltaqgħu t-tfal, kif ukoll fin-numru ta’ katekisti mħejjija tajjeb biex jaqdu dan il-ministeru importanti.

Għal bosta snin, fil-biċċa l-kbira tal-parroċċi ta’ Malta u Għawdex, dak li konna nsejħulu “tagħlim tad-duttrina” kien fdat f’idejn is-Soċjetà tal-MUSEUM.  Iżda llum anke hawn qed jinħass sewwa n-nuqqas ta’ soċji u nafu li sfortunatament numru ta’ oqsma kellhom jiġu magħluqa.  Sintendi l-problema waqgħet f’riġlejn il-kappillan.

Iżda anke l-istess ġenituri, li uliedhom waslu għall-età ta’ l-Ewwel Tqarbina jew tal-Griżma qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ numru ta’ diffikultajiet.  Il-ħtiġijiet tal-familji llum m’għadhomx dawk li kienu għoxrin jew tletin sena ilu.  Għandna numru sewwa minnhom fejn iż-żewġ ġenituri għandhom impieg u aktarx li sakemm jaslu l-omm jew il-missier lura d-dar, ulied ikunu għand xi nanna, li aktarx tkun toqgħod f’raħal ieħor.

Barra minn hekk, it-tfal infushom, wara l-ħin tal-iskola, illum spiss issibhom impenjati f’attivitajiet diversi, bħal sports, drama, etc.  U dan huwa tajjeb.  Għalhekk id-diffikultajiet li juru l-ġenituri biex jieħdu lill-uliedhom għall-katekiżmu huma ġenwini.  Mhux minnu li l-maġgoranza l-kbira tal-ġenituri ma jimpurthomx mill-formazzjoni reliġjuża tat-tfal tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Knisja trid tfittex strateġiji u metodi ġodda.  Naf li xi parroċċi qed jaħsbu biex jibdew joffru lill-ġenituri l-possibiltà tas-Sunday School, dejjem jħallulhom l-għażla li jibqgħu kif inhuma.  Ċert li fil-bidu, anke din toffri diffikultajiet, imma jekk tkun mħaddma tajjeb taf tħalli ħafna frott, mhux fit-tfal biss, iżda anke fil-ġenituri u l-familji tagħhom.  Per eżempju, ma’ laqgħat ta’ Katekiżmu, nhar ta’ Ħadd tista’ tkun inkorporata anke l-Quddiesa, li fiha jkunu mistiedna jieħdu sehem anke l-ġenituri u membri oħra tal-familja.

Wasal iż-żmien li l-Knisja tinvesti bis-sħiħ fil-formazzjoni tajba tat-tfal, u dan kemm f’riżorsi umani kif ukoll riżorsi pastorali moderni oħra.  Irid ikollna edukaturi professjonali mgħammra b’mezzi moderni u b’ħafna ħeġġa.  Ma nistgħux nibqgħu kuntenti li r-rota għadha qed iddur.  Jista’ jkun li l-magna waqfet  jew waslet biex tieqaf u li llum għadna mexjin biss minħabba r-rankatura li ksibna bosta snin ilu.

L-eżempju tal-familji nsara huwa aktar urġenti llum minn qatt qabel.

“Fis-socjetà tagħna llum, il-preżenza ta’ familji Nsara eżemplari huwa ferm aktar urġenti minn qatt qabel.”  Dan stqarru l-Q.T.  Benedittu XVI  waqt l-omelija fil-quddiesa  f’Żagreb, fil-Kroatia nhar il-Ħadd, 5 ta’ Ġunju 2011.

Il-Papa, li kien fit-tieni jum tal- Vjaġġ Appostoliku f’dan il-pajjiż appella sabiex kulħadd jirrikonoxxi il-ġmiel, l-hena u x-xhieda taż-żwieġ nisrani u l-ħajja tal-familja; kif ukoll jiċħad is-sekulariżmu, il-kontraċezzjoni artifiċjali u l-koabitazzjoni bejn koppji mhux miżżewġa, għaliex dawn kollha jmorru kontra l-imħabba vera.  Huwa fakkar kif il-familja nisranija hija sinjal speċjali tal-preżenza u l-imħabba ta’ Kristu u kif hija għandha kontribut speċifiku u uniku x’tagħti fl-evanġeliżazzjoni.

F’diversi mumenti matul id-diskors tiegħu quddiem folla ta’ madwar 400,000 persuna, il-Papa deher emozjonat u dan ifakkar ukoll f’diskors li huwa kien għamel  ftit aktar minn sena qabel f’Malta, li fih kien qal li bħala poplu aħna għandna nkunu kburin li pajjiżna jiddefendi t-trabi mhux imwiedla u jħeġġeġ ħajja familjari stabbli billi jgħid “le” għall-abort u d-divorzju.

Id-diskors ta’ Benedittu XVI f’Żagreb sar eżattament ġimgħa wara r-riżultat tar-referendum Malti, u meta wieħed jiftakar li wieħed mis-segretarji privati tal-Papa huwa s-saċerdot Għawdxi, Monsinjur Alfred Xuereb, huwa diffiċċli timmaġina li l-Mexxej tal-Knisja Kattolika ma kienx infurmat bil-verdett tal-poplu Malti dwar id-divorzju. U għalhekk, jista’ jagħti l-każ li filwaqt li l-Papa kien qiegħed ikellem lill-poplu Kroat, f’xi ħin minnhom huwa ġab ukoll quddiem għajnejh lil dak Malti?

Iċ-Ċensiment tal-Quddies, hemm bżonnu?

Ritratt Fotoforce

Ritratt: Fotoforce, Tarxien.

Għadu kif tħabbar illi f’Novembru li ġej ser isir iċ-ċensiment tal-popolazzjoni Maltija.  Soltu, fl-istess żmien, il-Knisja f’Malta tagħmel ukoll ċensiment tal-quddies ta’Ħadd. L-aħħar li sar kien f’Novembru 2005.

Minnu rriżulta illi sa dakinhar, 52% tal-poplu Malti u Għawdex kien għadu jiċċelebra l-Ewkaristija fi tmiem il-ġimgħa, fatt li meta tqabbel ma’ l-esperjenza li qed ikollha l-Knisja fl-Ewropa, kien meqjus bħala wieħed pożittiv. Mill-banda l-oħra l-isqfijiet xorta wrew it-tħassib tagħhom li matul l-għaxar snin li kienu għaddew miċ-ċensiment ta’ qabel, l-attendenza għall-quddies kienet naqset bi 11%.

Iċ-ċensiment tal-quddies huwa aktar minn sempliċi headcount u mir-riżultat tiegħu l-Knisja tista’ tfassal aħjar il-ħidma pastorali tagħha. Iżda fiċ-ċirkustanzi f’pajjiżna llum, l-aktar wara r-referendum dwar id-divorzju, għandu mnejn ikun hemm min iqajjem ċerti domandi.

Fit-tfassil ta’ pjan pastorali, liema riżultat jista’ jitkellem aktar ċar minn dak ta’ l-aħħar referendum?  Jew forsi huwa propju fid-dawl ta’ dak ir-riżultat li l-figuri li joħorġu miċ-ċensiment tal-quddies jistgħu jkunu nterpretati aħjar?

Iżda anke f’cirkustanzi oħra, ċensiment tal-quddies tal-Ħadd jista’ jitqies bħala termometru tajjeb li jkejjel is-saħħa reliġjuża u spiritwali ta’ poplu?

Liema strateġija pastorali tista’ titfassal mill-Knisja f’Malta, li ma tkunx possibli jekk iċ-ċensiment nibqgħu ma nagħmluhx?

Min-numri u mill-persentaġgi li joħorġu b’riżultat taċ-ċensiment, nistgħu nisiltu r-raġunijiet għaliex in-nies jattendu jew ma jattendux?  Nistgħu noħorġu konklużjonijiet dwar il-kwalità tas-sehem li qed jieħdu fl-Ewkaristija dawk li għadhom jattendu?

Ċert li minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm bosta oħrajn, uħud favur li jsir ċensiment u oħrajn kontra.  Izda inti x’taħseb?  Taqbel li għandu jerġa jsir iċ-ċensiment tal-quddies, jew le?  U għaliex?

Ħallilna kumment.  Napprezzawh.

Wasal il-waqt li l-Knisja f’Malta jkollha d-Djakni Permanenti?

Minkejja li l-ministeru tad-djakonu fil-Knisja kien fost l-ewwel li kien stabilit, madonkollu fil-punent dan il-ministeru kien baqa’  biss bħala l-aħħar tarġa qabel ma wieħed ikun ordnat saċerdot.  Fis-sena 1964, permezz tal-Kostituzzjoni  Dommatika “Lumen  Gentium”, li titratta dwar il-Knisja, il-Konċilju Vatikan II irrestawra  d-djakonat bħala grad propju u permanenti tal-ġerarkija, iżda ħalla f’idejn  il-Konferenzi Episkopali territorjali li jiddeċiedu jekk id-djakni permanenti għanhomx  ikunu istitwiti fid-djoċesijiet tagħhom. (par. 29)

Fid-dokument, “Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni”, ippublikat  fl-2003, is-Sinodu Djoċesan ta’ Malta fakkar illi d-djakonat permanenti kien ġie  restawrat mill-konċilju mhux minħabba nuqqas ta’ saċerdoti u reliġjużi, imma għaliex  huwa kariżma oħra fil-Knisja u għaliex dan ikompli jagħni l-pastorali  tal-Knisja speċjalment fl-oqsma tal-karità u l-assistenza.   Għalhekk is-Sinodu talab li jkun studjat  it-tifsir u s-siwi tad-djakonat permanenti u li tkun studjata wkoll bis-serjetà  l-possibilta li jiġi introdott dal-ministeru fil-komunità ekkleżjali Maltija.  (par. 25)

Huwa uffiċċju tad-djaknu, skond ma jingħata lilu  mill-awtorità kompetenti, li jamministra b’mod solenni l-magħmudija, izomm u  jqassam l-Ewkaristija, jassisti f’isem il-Knisja għaż-żwieġ u jbierku, jieħu  l-Vjatku lill-moribondi, jaqra l-Iskrittura lill-fidili, igħallem u jħeġġeġ  lill-poplu, jippresjedi għall-kult u għat-talb tal-fidili, jamministra  s-sagramentali, u jippresjedi għar-rit tal-funerali u d-dfin.  Barra minn hekk id-djakni għandhom ikunu mogħtija  għall-uffiċċju tal-karità u l-qagħdi.

Mid-dokument tal-konċilju għaddew 47 sena u minn dak  tas-sinodu djoċesan għaddew 8 snin, imma sallum il-Konferenza Episkopali Maltija  għadha ma ħassitx il-bżonn li terġa tistitwixxi dan il-ministeru bħala wieħed  permanenti.  Madankollu matul dawn l-aħħar  xhur saru diskussjonijiet dwar dan is-suġġett f’uħud mill-organi djoċesana  tal-Knisja f’pajjiżna.

Nemmnu li diskussjoni miftuħa tista’ tħalli ħafna frott u għalhekk nilqgħu l-kummenti u suġġerimenti  dwar dan is-suġġett li żgur se jkun jolqgħot lill-insara kollha fi ħdan  il-Knisja Kattolika f’pajjiżna.

Ara d-dokument tas-Santa Sede:-  “Basic Norms for the Formation of Permanent Deacons” u “Directory for the Ministry and Life of Permanent Deacons” … Ikklikkja … >

Ara wkoll:- “Id-Djakni Permanenti – Se nibdew il-proċess.”