Evanġelizzazzjoni Ġdida – X’inhi?

F’Ottubru 2012, fil-Vatikan se jiltaqgħu isqfijiet minn madwar id-dinja sabiex flimkien jiddiskutu t-tema tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija.  Bħal ma ġara fl-Assembleji tas-Sinodu tal-Isqfijiet passati, din id-darba wkoll, il-Konferenza Episkopali Maltija se tkun rappreżentata minn wieħed mill-Isqfijiet Maltin. Peress li fl-aħħar Sinodu dak tal-2008 dwar il-Kelma ta’ Alla kien ħa sehem l-Arċisqof Pawlu Cremona, allura huwa probabli li din id-darba jkun l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech li jirrapreżenta liż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex.

Sena ilu,  eżattament fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Papa Benedittu XVI ippublika Motu Propju; dokument uffiċċjali li bih waqqaf Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida.

Fit-2 ta’ Frar ta’ din is-sena, is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, l-Arċisqof Nikola Eterović, ippublika l-linji-gwida, magħrufa uffiċċjalment bħala Lineamenta, li fuqhom se titmexxa d-diskussjni ta’ l-Isqfijiet f’dan is-Sinodu. F’dawn il-linji-gwida, insibu numru ta’ mistoqsijiet, imqassma wara kull kapitlu, li kif naqraw fl-istess dokument huma maħsuba biex iqajjmu diskussjoni f’kull livell tal-Knisja.

Naħseb li l-maġġoranza kbira ta’ Kattoliċi Maltin, il-frażi, “Evanġelizzazzjoni Ġdida” ma semgħuha qatt.  Fost oħrajn illum donnu li din qed issir bħal, buzz word, li bħal ma jiġri f’bosta oqsma oħra tal-moda, tibda tintuża biex wieħed forsi juri kemm huwa aġġornat. Imma kemm nafu tassew x’riedu jfissru l-aħħar Papiet, (Pawlu VI, Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI) b’din il-frażi, għandi dubji serji.  Niddubita wkoll jekk ir-riflessjoni u diskussjoni dwar din it-tema, bdietx bis-serjetà fil-parroċċi, fl-għaqdiet jew  movimenti u f’livelli oħra tal-Knisja f’pajjiżna.

Is-Segretarjat għal-Lajċi u l-Forum ta’ Għaqdiet u Moviment, ħadu numru ta’ inizjattivi biex iħajjru  tibda jew tikber din id-diskussjoni f’kull livell tal-Knisja, imma b’mod partikolari fostna il-lajci nsara.

  1. Slitna d-domandi preżentati fil-Lineamenta tal-Vatikan u qed nippreżentawhom bil-Malti, ħalli b’hekk niffaċilitaw id-diskussjoni fl-organi kollha parrokkjali u fl-għaqdiet.  Dawn tista’ ssibhom billi tmur fuq dan is-sit provdut hawnhekk… > http://www.laikos.org/Domandi_Lineamenta_Evangelizazzjoni.htm
  2. Ġbarna u se nkomplu niġbru lista ta’ dokument uffiċċajli u kitbiet oħra li jistgħu jgħinu biex nikbru fl-għarfien sewwa ta’ x’inhi tassew l-Evanġeliżazzjoni Ġdida u liema huma l-prijoritajiet tagħha b’mod partikolari f’pajjiżna.  Dawn tista ssibhom minn hawn… > http://www.laikos.org/Evangelizazzjoni_Gdida.htm
  3. Qegħdin ukoll nipprovdu din il-paġna fil-blog tal-Laikos biex kull min huwa tassew interessat, iħalli l-kummenti u s-suġgerimenti tiegħu.  Dawn aħna nkunu nistgħu ukoll ngħadduhom lill-Isqfijiet Maltin ħalli lilhom ukoll jistgħu jgħinuhom fit-tmexxija pastorali tal-Knisja f’pajjiżna.

Bl-għajnuna ta’ Alla, hemm maħsuba numru ta’ inizjattivi oħra.  Imma sa dakinhar li dawn jiġu finalizzati u nkunu nistgħu nħabbruhom, nixtiequ nistednuk tiktbilna l-kummenti u s-suġgerimenti tiegħek dwar din it-tema tant importanti għall-Knisja fiż-żminijietna llum.

Għidilna  x’tfisser għalik l-Evanġelizzazzjoni Ġdida u x’taħseb li għandhom ikunu il-prijoritajiet tagħha fil-kuntest lokali.

“Grazzi kbira għall-merħba tal-għaġeb li tajtuni.” Benedittu XVI

ĊEREMONJA TA’ MERĦBA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-BIDU TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI 

Plaza de Cibeles, Madrid, il-Ħamis, 18 t’Awwissu 2011

Għeżież Ħbieb Żgħażagħ,

Hu ta’ ferħ kbir għalija li niltaqa’ magħkom hawn fil-qalba tal-belt sabiħa ta’ Madrid, li ċ-ċwievet tagħha ġew ġentilment ippreżentati lili mis-Sindku.  Illum Madrid hi wkoll il-belt kapitali taż-żgħażagħ tad-dinja, u l-ħarsa tal-Knisja kollha hi mdawra fuqha.  Il-Mulej ġabarna flimkien hawnhekk biex matul dawn il-jiem li ġejjin nistgħu ngħixu l-ġmiel tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Bis-saħħa tal-preżenza u s-sehem tagħkom f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, l-isem ta’ Kristu se jidwi madwar din il-Belt kbira.  Ejjew nitolbu biex il-messaġġ ta’ tama u mħabba jidwi wkoll fil-qalb ta’ dawk li ma jemmnux jew li tbegħdu mill-Knisja.  Grazzi kbira għall-merħba tal-għaġeb li tajtuni kif dħalt fil-Belt, bħala sinjal tal-imħabba u l-qrubija tagħkom lejn is-Suċċessur ta’ Pietru.

Insellem lill-Kardinal Stanisław Ryłko, President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, u lill-ħaddiema ta’ dak il-Kunsill, b’radd il-ħajr għall-ħidma kollha li wettqu.  Irrodd ħajr ukoll lill-Kardinal Antonio María Rouco Varela, l-Arċisqof ta’ Madrid, għall-kliem ġentili tiegħu u għall-isforzi mwettqa mill-Arċidjoċesi tiegħu flimkien mad-Djoċesijiet ta’ Spanja, fit-tħejjija għal dan Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ; ir-radd il-ħajr tiegħi jmur ukoll lejn il-ħafna Knejjes Lokali madwar id-dinja li b’qalb kbira taw sehemhom fit-tħejjija għalih.  Nesprimi apprezzament lejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-preżenza u l-għajnuna bil-qalb tagħhom biex jiżguraw l-organizzazzjoni tajba ta’ dan l-avveniment.  Radd il-ħajr kbir ukoll imur għal ħuti l-Isqfijiet, saċerdoti u seminaristi, l-irġiel u n-nisa kkonsagrati u l-fidili kollha hawn preżenti llum, li lkoll għenu billi ħejjew liż-żgħażagħ biex jgħixu dawn il-jiem qawwija ta’ mixja lejn laqgħa ma’ Kristu.  Lilkom ilkoll noffri tislima mill-qalb fil-Mulej, u ntenni li hi barka kbira għalija li nkun hawn magħkom.  Jalla l-fjamma tal-imħabba ta’ Kristu tibqa’ tħeġġeġ f’qalbkom.

[Franċiż] – Għeżież żgħażagħ ta’ lsien Franċiż, weġibtu għas-sejħa tal-Mulej li tiġu u tiltaqgħu miegħu f’Madrid f’numru kbir.  Nifirħilkom għal dan!  Merħba għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ! Ġibtu magħkom mistoqsijiet profondi, u qed tfittxu tweġibiet.  Dejjem hi ħaġa tajba li tibqgħu tfittxu.  Fuq kollox, fittxu l-Verità, li mhix idea jew ideoloġija jew kliem popolari, imma persuna: Kristu, Alla nnifsu, li ġie fostna!  Bir-raġun intom tixtiequ tħawlu l-fidi tagħkom fih, li ssejsu ħajjitkom fuq Kristu. Hu dejjem ħabbkom u jafkom aktar minn kull ħadd ieħor.  Jalla dawn il-jiem hekk għonja fit-talb, tagħlim u laqgħat jgħinukom tagħrfuh mill-ġdid, biex tħobbuh dejjem iżjed.  Jalla Kristu jimxi magħkom matul dan iż-żmien speċjali li fih, ilkoll flimkien, ngħannu t-tifħir tiegħu u
noffrulu t-talb tagħna!

[Ingliż]  – Inwassal tislima ta’ mħabba lill-ħafna żgħażagħ ta’ lsien Ingliż li ġew Madrid.  Jalla dawn il-jiem ta’ talb, ħbiberija u ċelebrazzjoni jressquna eqreb lejn xulxin u lejn il-Mulej Ġesù.  Agħmlu t-tama tagħkom fil-kelma ta’ Kristu s-sisien ta’ ħajjitkom!  Imħawla u mibnija fih, sodi fil-fidi u miftuħa għall-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, intom issibu postkom fil-pjan t’Alla u tagħnu lill-Knisja bid-doni tagħkom.  Ejjew nitolbu għal xulxin, biex inkunu xhieda ferrieħa ta’ Kristu, illum u dejjem. Alla jberikkom ilkoll!

[Ġermaniż] – Għeżież ħbieb ta’ lsien Ġermaniż!  Insellmilkom ilkoll bi mħabba kbira.  Jien kuntent li ġejtu f’numru hekk kbir. Matul dawn il-jiem irridu flimkien nistqarru l-fidi tagħna f’Ġesù  Kristu, inkattru dik il-fidi u nxerrduha.  Ejjew nagħrfu dejjem mill-ġdid li Ġesù hu dak li jagħti l-veru tifsira lil ħajjitna.  Ejjew niftħu qalbna għal Kristu.  Jalla jagħtina lkoll żmien ta’ hena u barka hawn f’Madrid.

[Taljan] – Għeżież żgħażagħ Taljani!  Insellmilkom bi mħabba kbira u jien kuntent li tant minnkom ġejtu hawn, mimlijin bl-hena tal-fidi.  Għixu dawn il-jiem fi spirtu ta’ talb u fraternità qawwija, biex tixhdu għall-vitalità tal-Knisja fl-Italja, il-parroċċi, l-gruppi u l-movimenti tagħha.  Aqsmu dan l-għana ma’ kulħadd. Grazzi!

[Portugiż] – Għeżież żgħażagħ tal-pajjiżi differenti li għandhom il-Portugiż bħala l-ilsien uffiċjali tagħhom, u dawk kollha li ġew magħkom, merħba f’Madrid!  Insellmilkom ilkoll bi ħbiberija u mħabba u nistedinnkom toqorbu lejn l-għajn eterna taż-żgħożija tagħkom u tagħrfu lill-protagonist assolut ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u – nittama – ta’ ħajjitkom: Kristu l-Mulej.  F’dawn il-jiem intom personalment se tisimgħu kelmtu tidwi.  Ħallu din il-kelma tidħol f’qalbkom, ħalluha xxenxel għeruqha fikom, u agħmluha s-sisien ta’ ħajjitkom.  Sodi fil-fidi, intom tkunu ħolqa fil-katina ta’ nies ta’ twemmin.  Ħadd ma jista’ jemmen bla ma jkun mgħejjun bil-fidi tal-oħrajn, u bil-fidi tiegħi jien ukoll ngħin il-fidi tal-oħrajn.  Il-Knisja teħtieġkom, u intom teħtieġu lill-Knisja.

[Pollakk] –  Insellem liż-żgħażagħ li ġejjin mill-Polonja, ġens il-Beatu Ġwanni Pawlu II, il-fundatur tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Jien ferħan ħafna bil-preżenza tagħkom hawn f’Madrid!  Nitlob li dawn ikunu jiem sbieħ, jiem ta’ talb, li matulhom issaħħu r-relazzjoni tagħkom ma’ Ġesù.  Jalla l-Ispirtu tal-Mulej imexxikom.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

Id-Diskors tal-Papa fl-ajruport ta’ Madrid.

ĊEREMONJA TA’ MERĦBA

DISKORS TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Ajruport Internazzjonali ta’ Madrid Barajas, Il-Ħamis, 18 t’Awwissu 2011

Majestà, Eminenza Arċisqof ta’ Madrid,  Eminenzi,
Għeżież Ħuti fl-Episkopat u s-Saċerdozju
Awtoritajiet Distinti Nazzjonali, tar-Reġjuni Awtonomi u Lokali,
Għeżież Ħuti Rġiel u Nisa ta’ Madrid u ta’ Spanja kollha,

Jien grat lejn il-Majestà Tiegħek għall-preżenza tiegħek flimkien mar-Reġina martek, għall-kliem ġentili u mimlijin rispett li bihom ilqajtuni, u li qajmu fija tifkiriet li ma jintesew qatt tal-ġentilezza  li rċevejt waqt il-Vjaġġi Appostoliċi li għamilt fi Spanja, u l-aktar waqt iż-żjara riċenti li għamilt f’Santiago de Compostela u f’Barċelona.  Insellem minn qalbi lilkom ilkoll miġburin hawn f’Barajas u dawk minnkom li qed issegwu dan l-avveniment minn fuq ir-radju u t-televiżjoni.  Tislima ta’ radd il-ħajr tmur lil dawk, kemm mill-kamp ekkleżjastiku u kemm dak ċivili, li b’impenn qawwi u b’dedikazzjoni taw sehemhom bl-isforzi u l-ħidma tagħħhom biex dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid jimxi sew u jagħti ħafna frott.

B’qalbi kollha nixtieq ukoll nuri apprezzament għall-ospitalità li qed juru tant familji, parroċċi, skejjel u istituzzjonijiet oħra li qed jilqgħu żgħażagħ minn madwar id-dinja, l-ewwel fir-reġjuni u bliet diversi ta’ Spanja, u issa fil-belt kbira kosmopolitana ta’ Madrid li tant tilqgħek.

Jien ġejt hawn biex niltaqa’ ma’ eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja, Kattoliċi impenjati għal Kristu li qed ifittxu l-verità li trid tagħtihom it-tifsira tassew tal-eżistenza tagħhom.  Qiegħed hawn bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, ħalli insaħħaħhom ilkoll fil-fidi, waqt jiem ta’ attività pastorali qawwija, filwaqt li nxandrilhom li Ġesù Kristu hu t-triq, il-verità u l-ħajja; ħalli nqanqal l-impenn għall-bini tas-Saltna t’Alla fid-dinja; ħalli nħeġġeġ liż-żgħażagħ li jsiru jafu lil Kristu personalment bħala ħabib u hekk, filwaqt li jniżżlu għeruqhom fil-persuna tiegħu, isiru segwaċi fidili u xhieda kuraġġużi tiegħu.

Għaliex ġew f’Madrid dawn in-numru hekk kbir ta’ żgħażagħ?  Filwaqt li huma stess għandhom jagħtu t-tweġiba, ta’ min jissopponi li huma jixtiequ jisimgħu l-kelma t’Alla,  hekk kif il-motto ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ poġġilhom quddiemhom, b’tali mod li, imħawla u mibnija fi Kristu, ikunu jistgħu juru l-kobor tal-fidi tagħhom.

Ħafna minnhom semgħu l-leħen t’Alla, forsi biss minntaħt l-ilsien, li wassalhom biex ifittxuh b’aktar qawwa u jaqsmu ma’ ħaddieħor l-esperjenza tal-forza li għandu f’ħajjithom.  L-għarfien ta’ Alla ħaj inebbaħ liż-żgħażagħ u jiftħilhom għajnejhom għall-isfidi tad-dinja li qed jgħixu fiha, b’dak kollu li tista’ toffrilhom u bil-limitazzjonijiet tagħha.  Jinfetħulhom għajnejhom għas-superfiċjalità li qed taħkem, il-konsumeriżmu u t-telfa fil-pjaċiri, il-mod kif ma’ kullimkien qed jintilef il-valur tas-sesswalità, in-nuqqas ta’ solidarjetà, il-korruzzjoni.  Jafu li mingħajr Alla, se jkun iebes għalihom li jiffaċċjaw dawn l-isfidi u li jkunu hienja tabilħaqq, u għalhekk iferrgħu l-entużjażmu tagħhom fuq il-mixja lejn l-akkwist ta’ ħajja verament bis-sens.  Iżda b’Alla magħhom, huma jiksbu d-dawl biex
ikomplu mexjin, u r-rġuni biex ikomplu jittamaw, bla ħadd ma jżommhom, quddiem l-ogħla ideali tagħhom, li jqanqlu l-impenn ġeneruż tagħhom li jibnu soċjetà fejn id-dinjità umana u l-fraternità tassew ikunu rrispettati.  Hawn f’dan il-Jum għandhom l-opportunità li jgħaqqdu flimkien il-ħolm tagħhom, jaqsmu l-għana tal-kulturi u l-esperjenzi tagħhom, jimbuttaw lil xulxin matul it-triq tal-fidi u l-ħajja, li matula hemm uħud li jaħsbu li huma weħidhom jew imwarrbin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Iżda mhumiex weħidhom.  Ħafna nies tal-istess età għandhom l-istess ħolm, u filwaqt li jintelqu għal kollox fi Kristu, jafu li għandhom tabilħaqq ġejjieni li qed jinfirex quddiemhom u ma jibżgħux mill-impennji deċiżivi li jimlewlhom il-ħajja sħiħa tagħhom.  Hu għalhekk li nitgħaxxaq nismagħhom, nitlob magħhom, u niċċelebra l-Ewkaristija magħhom. Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ iwasslilna aħbar ta’ tama bħal żiffa żagħżugħa bla mittiefsa, bi fwieħa li tagħti ħajja ġdida li timliena bit-tama fil-ġejjieni tal-Knisja u tad-dinja.

Bla dubju, id-diffikultajiet ma jonqsux.  Hemm taqtigħ il-qalb u konflitti bla waqfien mad-dinja kollha, saħansitra tixrid ta’ demm. Il-ġustizzja u l-valur ewlieni tal-persuna umana huma faċilment imjassra mill-interessi egoisti, materjalisti u ideoloġici.  In-natura u l-ambjent, maħluqa minn Alla b’tant imħabba, mhumiex rispettati.  Aktar minn hekk, ħafna żgħażagħ iħarsu lejn il-ġejjieni b’taqtigħ il-qalb jew għax qed ifittxu x-xogħol, jew għax tilfu x-xogħol, jew għax ix-xogħol li għandhom hu perikoluż jew inċert.  Hemm oħrajn li jeħtieġu l-għajnuna jew biex jaħarbu mid-droga jew biex ifiequ minnha. Saħansitra hemm uħud li, minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu, qed ibatu diskriminazzjoni li twassal għal stmerrija u persekuzzjoni, fid-dieher jew fil-moħbi, f’diversi reġjuni u pajjiżi.  Qed jiġu mġegħla jgħaddu mingħajru billi jiġu mċaħħda minn xbihat li juru l-preżenza tiegħu fil-ħajja pubblika, u ma jitħallewx ilissnu l-isem qaddis tiegħu.  Imma, b’qalbi kollha, għal darba oħra, ngħid lilkom iż-żgħażagħ: tħallu xejn u lil ħadd jisirqilkom is-sliem; tistħux turu li intom tal-Mulej.  Hu ma ħelishiex lilu nnifsu milli jsir wieħed bħalna u milli jgħix it-taqtigħ ta’ qalb tagħna biex jerfgħu lejn Alla, u b’dan il-mod jifdina.

F’dan ir-rigward, is-segwaċi żgħażagħ ta’ Ġesù għandhom isibu l-għajnuna biex jibqgħu sħaħ fil-fidi u jħaddnu l-avventura sabiħa li jxandruha u jkunu xhieda tagħha fil-beraħ b’ħajjithom.  Xhieda qalbiena u mimlija mħabba għal ħuthom, determinati u fl-istess waqt prudenti, u bla ma jaħbu l-identità Nisranija tagħhom, jgħixu flimkien ma’ nies ta’ għażliet leġittimi oħra fi spirtu ta’ rispett filwaqt li jitolbu li l-għażliet personali tagħhom ikunu rispettati kif jixraq.

Majestà, filwaqt li ntenni r-radd il-ħajr tiegħi għall-merħba ġentili li tajtuni, min-naħa tiegħi nixtieq nesprimi l-istima u l-qrubija tiegħi lejn il-popli kollha ta’ Spanja, kif ukoll l-ammirazzjoni tiegħi għal art tant għanja fl-istorja u l-kultura permezz tal-qawwa tal-fidi tagħha, li wriet ruħha f’numru hekk kbir ta’ qaddisin matul is-sekli, f’numru hekk kbir ta’ rġiel u nisa li, waqt li ħallew xtuthom, wasslu l-Evanġelju f’kull rokna tad-dinja, u f’nies imxerrda mal-pajjiż kollu li jgħixu l-moralità, is-solidarjetà u s-sewwa.  Hu teżor kbir li għandu jiġi mħares b’mod konkret għall-ġid komuni ta’ llum u biex joffri orizzont imdawwal għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.  Għalkemm bħalissa hemm raġunijiet għal tħassib, l-akbar wieħed fosthom hu x-xewqa għat-titjib tal-qagħda tal-Ispanjoli kollha, b’dak l-istess dinamiżmu li jikkaratterizzahom u li fih l-għeruq Insara fondi u tant għammiela tagħhom taw sehem hekk qawwi matul is-sekli.

Minn dan il-lok jien inwassal it-tislima tiegħi lilkom ilkoll, ħbieb fi Spanja u f’Madrid, u lilkom ilkoll minn ġnus oħra.  Matul dawn il-jiem li ġejjin se nkun magħkom, filwaqt li nżomm f’moħħi liż-żgħażagħ kollha tad-dinja, l-aktar dawk li għaddejjin minn xi forma ta’ nkwiet.  Waqt li nafda din il-Laqgħa fil-qalb tal-Verġni Marija u tal-qaddisin patruni ta’ dan il-Jum, nitlob lil Alla li jbierek u jħares lil ulied Spanja.
Grazzi ħafna.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

Merħba fil-Jum Dinji għaż-Żgħażagħ Quddiesa tal-Ftuħ.

“Wara triq twila ta’ tħejjija, fl-aħħar  qegħdin hawn f’Madrid”

Cardinal Stanislaw Rylko

16 t’Awwissu 2011

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni tad-diskors l-ftuħ

Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011 ġewwa Madrid

Għeżież żgħażagħ,

Il-jum li lkoll ilna nistennew wasal: il-ftuħ tas-26 Jum Dinji għaż-Żgħażagħ. Wara triq twila ta’ tħejjija fl-aħħar qegħdin hawn f’Madrid, belt sabiħa u moderna li se tkun il-belt kapitali dinjija taż-żgħażagħ Kattoliċi fil-jiem li ġejjin…

“Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!” (Salm 118: 26). Bil-kliem tas-Salmista, inwassal il-merħba mill-qalb u mimlija mħabba f’isem il-Kunsill Pontifiċju għall-Lajċi, id-dipartment tas-Santa Sede li f’idejh il-Papa għażel li jafda l-organizzazzjoni tal-laqgħat dinjija għaż-żgħażagħ.  Insellem ukoll lill-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi li ġew magħkom hawnhekk u mexxewkom fil-vjaġġ tat-tħejjija spiritwali tagħkom għal din l-avventura ta’ fidi li se ngħixu flimkien għall-ftit ġranet li ġejjin.

Ġejtu għal din il-laqgħa mal-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI u ġibtu magħkom il-pjani u t-tamiet kollha tagħkom, flimkien mat-tħassib u l-biżgħat tagħkom dwar l-għażliet li għandkom quddiemkom.  Dawn se jkunu jiem li ma tinsewhom qatt, jiem ta’ għarfien u deċiżjonijiet importanti li se jkunu deċiżivi għall-futur tagħkom.

Ir-riflessjonijiet u t-talb tagħna matul dawn il-ftit jiem se jitmexxew mill-kliem ta’ San Pawl li intom tafu sew: “niżżlu għeruqkom  fi Kristu, u ibnu l-ħajja tagħkom fi Kristu, u ssaħħu fil-fidi” (ara Kol 2,7).  Dan hu impenn qawwi għax jiġbor fih pjan ta’ ħajja definit għal kull wieħed u waħda minna.   Il-fidi se tkun iċ-ċentru tar-riflessjoni tagħna tul dawn il-jiem.  Il-fidi hi fattur deċiżiv fil-ħajja ta’ kull persuna.  Kollox jinbena fuq jekk Alla jeżistix jew le.  Il-fidi hi bħall-għerq li jsib l-għajn tal-ħajja fil-kelma t’Alla u s-sagramenti.  Hi s-sies, il-blata li fuqha tinbena l-ħajja, il-boxxla ta’ min jorbot fuqha li tmexxi l-għażliet tagħna u tagħtina direzzjoni ċara għal ħajjitna.

Ħafna minna jistgħu jitħassbu: fid-dinja tagħna ta’ llum fejn Alla hu sikwit imwarrab u n-nies jgħixu bħallikieku Alla ma jeżestix, jista’ wieħed ikollu l-fidi?

Għeżież żgħażagħ!  Intom miġburin hawn f’Madrid wara li ġejtu mill-ibgħad irkejjen tad-dinja.  Ġejtu biex twasslu l-għajta qawwija tagħkom lid-dinja —u b’mod partikolari lill-Ewropa li qed turi sinjali li hi tabilħaqq mitlufa — tal-”iva” soda tagħkom li ma terġgħux lura minnha!  Iva, il-fidi hi possibbli.  Hi fil-fatt avventura tal-għaġeb li tħallina nagħrfu l-kobor u s-sbuħija ta’ ħajjitna.  Dan għaliex Alla, muri lilna fil-wicc ta’ Kristu, ma jiċħadx lill-bniedem.  Alla jerfagħna ‘l fuq minn kull qies u lil hinn mill-ogħla ħolm tagħna!  Għall-ftit jiem li ġejjin, flimkien mal-appostli, ilkoll irridu ngħajtu bi ħġarna lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!” (Lq. 17,5). Bħal Sant Anselmu aħna wkoll irridu nitolbu: “Għallini nfittxek, u għarrafni lilek innifsek jien u nfittex, għaliex la nista’ nfittxek jekk ma
tgħallimnix kif, u lanqas nista’ nsibek jekk ma tgħarrafnix lilek innifsek” (Proslogion 1:1).

Aħna u nistennew il-wasla tal-Papa Benedittu XVI, illejla tajna merħba lil mistieden speċjali għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid.  Il-Beatu Ġwanni Pawlu II reġa’ ġie lura għandkom, iż-żgħażagħ li tant ħabb, u li tant kien maħbub minnkom.  Ġie lura bħala l-patrun imqaddes tagħkom u l-protettur li intom tistgħu tafdaw.  Ġie lura bħala ħabib — ħabib li jitlob ħafna minnkom, kif kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu.  Ġie biex għal darba oħra jerġa’ jgħidilkom bi mħabba kbira: La tibżgħux!  Agħżlu li jkollkom lil Kristu f’ħajjitkom u li tagħmlu tagħkom il-gawhra prezzjuża tal-Evanġelju li għaliha tkunu lesti li tagħtu kollox!

Għeżież żgħażagħ!

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011 f’Madrid issa beda!  Għal darba oħra ngħidilkom: merħba lilkom ilkoll f’Madrid!

Il-Pjan il-Pastorali il-ġdid bdejna naħdmu fuqu?

29 Lulju 2011: Fil-jiem sħan tas-sajf f’pajjiżna donnu li mhux it-tfal tal-iskola u l-għalliema tagħhom jieħdu vakanza twila.  Mill-avviżi li jaqraw il-kappillani
fil-quddies ta’ tmiem il-ġimgħa, malajr tintebaħ li bosta laqgħat u attivitajiet oħra li jsiru matul is-sena, f’dawn il-jiem ma jsirux.  Dan sintendi ma jgħoddx għall-festi tal-qaddisin, li f’dawn il-jiem ikunu fl-aqwa tagħhom.  Imma dwar dawn, forsi nikteb xi darb’ oħra.

Ma nafx jekk f’ċirkustanzi, ta’ sħana, baħar, festi u vakanzi, hemmx min fil-parroċċi tagħna jimpurtah jaqra u jikkumenta dwar il-Pjan Pastorali, imma  nemmen li ta’ min wieħed ifakkar li l-pjan li sar tliet snn ilu, illum qed joqrob lejn tmiemu biex fi ftit xhur oħra, kemm id-djoċesi kif ukoll il-parroċċi jkunu qed iwettqu l-ħidma tagħhom fuq pjan ġdid; dak għas-snin 2012-2014.

Pjan pastorali mfassal tajjeb mhuwiex kalendarju jew lista ta’ attivitajiet li jkunu se jsiru matul is-sena. Din faċli wieħed jagħmilha għax aktarx bosta drabi hija l-istess lista ta’ attivitajiet li saru fis-snin li għaddew għal dawn l-aħħar ma nafx kemm-il sena.  Iżda l-pjan tal-parroċċa għandu jkun ir-risposta tal-komunità nisranija f’kull belt jew raħal ta’ pajjiżna, għall-bżonnijiet pastorali u ċ-ċirkustanzi partikolari f’dik il-lokalità.

Ikun żball li wieħed jiġġeneralizza, imma spiss iqumu dubji serji dwar il-mod kif jitfasslu u jinkitbu uħud minn dawn id-dokumenti, li fuqhom suppost titmexxa kull ħidma pastorali matul it-tliet snin tal-pjan.

Mhux darba jew tnejn staqsejt persuni, anke fost dawk involuti ħafna f’ħidma fil-parroċċa jew fl-għaqdiet, dwar jekk jafux x’fih il-pjan pastorali tagħhom.  Inkun kawt ħafna jekk ngħid li uħud lanqas biss jafu li jeżisti. Jiena ċert li jekk nistaqsi fost il-kattoliċi Maltin, bosta aktar ikunu jafu jweġbuni dwar il-kontenut tal-budget tal-Gvern, milli dwar il-Pjan Pastorali tal-Knisja.

Biex isir pjan tajjeb, qabel xejn trid issir evalwazzjoni tajba tas-sitwazzjoni pastorali fil-parroċċa, b’mod partikolari dwar dak li sar mill-pjan pastorali ta’ qabel; dejjem jekk kien hemm wieħed.

Fit-tfassil ta’ pjan pastorali jridu jkunu nvoluti dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma tal-parroċċa.  Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali flimkien
mal-Kummissjonijiet, l-Għaqdiet u gruppi reliġjużi għandhom ikunu konsultati bis-serjetà.  Iżda minbarra dawn, ikun tajjeb li wieħed jisma’ l-ħsibijiet ta’ persuni oħra, li minkejja li mhumiex involuti direttament fil-ħidma pastorali fil-parroċċa, madankollu huma wkoll jagħmlu parti mill-poplu ta’ Alla u huma wkoll jista’ jkollhom kontribut siewi x’joffru.

F’xi parroċci dan diġà sar, u f’xi oħrajn qiegħed isir ukoll. Imma ninsab ċert li numru sewwa ta’ parroċċi għadhom lanqas biss ħolmu li jibdew. Forsi bejn festi, vakanzi u sħanat, l-aħħar ħaġa li tiġi f’moħħom huwa l-pjan pastorali. Għandu mnejna għalihom il-pjan huwa toqol ieħor mal-ħafna li diġà għandhom.

Minn Ottubru li ġej jibdew isiru l-Assembleji Parrokkjali li fiha jrid ikun preżentat u diskuss l-abbozz tal-pjan.  Wara dan jiġi finalizzat u jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali. Dawk li għadhom ma bdewx iħejju għal dan, ma jistgħux iħallu s-sajf jgħaddi qabel jagħmlu xi ħaġa għax f’dak il-każ ikun aħjar ma jibqgħu ma jagħmlu xejn milli jkomplu jilludu lilhom infushom lil ta’ madwarhom li huma wkoll għandhom pjan u li għalhekk jafu fejn sejrin.

Fil-katekeżi għat-tfal se nibqgħu kif konna?

Uħud mill-ewwel katekisti lajċi ta’ żmien San Ġorġ PrecaM’ilux wisq, il-Knisja f’Malta, ħadet id-deċiżjoni li tgħolli l-età tal-għoti tas-Sagrament tal-Konfirmazzjoni (Il-Griżma tal-Isqof) għal tnax-il sena.  Ċert li l-għan wara dan kien wieħed tajjeb madankollu, meta titkellem ma’ kappillani, katekisti u ġenituri tintebah kemm dan il-pass ħoloq problemi loġistiċi.

Minkejja li l-ħsieb kien ilu jberren f’moħħ il-Knisja għal bosta snin, u dan il-kappillani kienu jafuh, madankollu forsi mhux kollha ħejjew tajjeb għal din  il-bidla. Ir-riżultat kien li meta waslet, xi parroċċi kellhom jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet, kemm fir-rigward ta’ postijiet biżżejjed fejn jiltaqgħu t-tfal, kif ukoll fin-numru ta’ katekisti mħejjija tajjeb biex jaqdu dan il-ministeru importanti.

Għal bosta snin, fil-biċċa l-kbira tal-parroċċi ta’ Malta u Għawdex, dak li konna nsejħulu “tagħlim tad-duttrina” kien fdat f’idejn is-Soċjetà tal-MUSEUM.  Iżda llum anke hawn qed jinħass sewwa n-nuqqas ta’ soċji u nafu li sfortunatament numru ta’ oqsma kellhom jiġu magħluqa.  Sintendi l-problema waqgħet f’riġlejn il-kappillan.

Iżda anke l-istess ġenituri, li uliedhom waslu għall-età ta’ l-Ewwel Tqarbina jew tal-Griżma qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ numru ta’ diffikultajiet.  Il-ħtiġijiet tal-familji llum m’għadhomx dawk li kienu għoxrin jew tletin sena ilu.  Għandna numru sewwa minnhom fejn iż-żewġ ġenituri għandhom impieg u aktarx li sakemm jaslu l-omm jew il-missier lura d-dar, ulied ikunu għand xi nanna, li aktarx tkun toqgħod f’raħal ieħor.

Barra minn hekk, it-tfal infushom, wara l-ħin tal-iskola, illum spiss issibhom impenjati f’attivitajiet diversi, bħal sports, drama, etc.  U dan huwa tajjeb.  Għalhekk id-diffikultajiet li juru l-ġenituri biex jieħdu lill-uliedhom għall-katekiżmu huma ġenwini.  Mhux minnu li l-maġgoranza l-kbira tal-ġenituri ma jimpurthomx mill-formazzjoni reliġjuża tat-tfal tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Knisja trid tfittex strateġiji u metodi ġodda.  Naf li xi parroċċi qed jaħsbu biex jibdew joffru lill-ġenituri l-possibiltà tas-Sunday School, dejjem jħallulhom l-għażla li jibqgħu kif inhuma.  Ċert li fil-bidu, anke din toffri diffikultajiet, imma jekk tkun mħaddma tajjeb taf tħalli ħafna frott, mhux fit-tfal biss, iżda anke fil-ġenituri u l-familji tagħhom.  Per eżempju, ma’ laqgħat ta’ Katekiżmu, nhar ta’ Ħadd tista’ tkun inkorporata anke l-Quddiesa, li fiha jkunu mistiedna jieħdu sehem anke l-ġenituri u membri oħra tal-familja.

Wasal iż-żmien li l-Knisja tinvesti bis-sħiħ fil-formazzjoni tajba tat-tfal, u dan kemm f’riżorsi umani kif ukoll riżorsi pastorali moderni oħra.  Irid ikollna edukaturi professjonali mgħammra b’mezzi moderni u b’ħafna ħeġġa.  Ma nistgħux nibqgħu kuntenti li r-rota għadha qed iddur.  Jista’ jkun li l-magna waqfet  jew waslet biex tieqaf u li llum għadna mexjin biss minħabba r-rankatura li ksibna bosta snin ilu.