Ittra Pastorali – Il-Kwalita’ tal-Ħajja Nisranija.

ITTRA PASTORALI – IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA NISRANIJA

Ħutna,

Qegħdin niktbu din l-ittra tagħna wara mumenti ta’ skiet u riflessjoni. Xtaqna li dan il-kliem ngħiduh f’mument ta’ kalma, bit-tama li jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Inħossu li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-kwalità tal-ħajja nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna. Dawn id-deċiżjonijiet jgħinuna biex ikollna Knisja li tkun ħmira għas-soċjetà ta’ llum. Qegħdin ngħaqqdu din l-Ittra Pastorali max-xahar ta’ Ottubru, biex ngħaqqduha max-xahar tar-Rużarju, ħalli tkun imsaħħa minn din it-talba lil Marija Santissima.

Ir-Realtà tallum

Dawn id-deċiżjonijiet irridu neħduhom fil-kuntest ta’ tliet realtajiet kbar li jagħmlu aktar diffiċli l-għażla tagħna għal iktar twemmin fil-Mulej u għal iktar impenn biex nibnu l-Knisja fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.

L-ewwel realtà hi l-bidla qawwija u mgħaġġla tas-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna. Għan-nisrani huwa diffiċli jidentifika lilu nnifsu f’kollox ma’ din il-kultura. Hija kultura li għenitna ngħixu aħjar xi valuri bħall-ambjent, l-aċċettazzjoni tal-persuni bi sfond kulturali differenti, il-ftuħ għar-realtà globali bl-opportunitajiet u r-riskji tagħha. Iżda min-naħa l-oħra saret iktar diffiċli li tgħix il-valuri nsara bħalma huma: r-rispett tal-individwu mit-tnissil sal-aħħar mument tal-ħajja, taż-żwieġ dejjiemi u ta’ familja stabbli fejn it-tfal jistgħu jitrabbew f’sigurtà, tal-esperjenza ta’ Alla li permezz tat-talb twassal għal impenn fil-Knisja u impenn kristjan fis-soċjetà.

It-tieni realtà hi li minħabba d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna soċjetà li iktar faċli tindarab fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Dawn għandhom parti importanti ħafna fil-qafas tas-soċjetà u tal-Knisja. Għax id-dħul tad-divorzju jferi kull żwieġ, kemm dak ċivili, kif ukoll iż-żwieġ sagrament.

It-tielet realtà hija l-każ ta’ abbużi ta’ minorenni minn xi saċerdoti. Kull tip ta’ abbuż iġib tbatija enormi. Inħossuna umiljati quddiem il-vittmi tal-abbuż, kif ukoll quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà li għaliha ġejna mibgħuta biex inkunu xhieda.

Deċiżjonijiet

Quddiem dan kollu, kull wieħed u waħda minna f’dawn il-ġranet irid jieħu deċiżjoni importanti: li jgħix ta’ nisrani f’dawn iċ-ċirkustanzi. U din mhijiex deċiżjoni faċli. Tista’ tittieħed biss jekk il-fidi tagħna fi Kristu, u l-imħabba tagħna għalih u għall-Knisja jkunu iktar qawwija minn dawn il-ġrajjiet għax huma bbażati fuq il-wegħda ta’ Kristu li jibqa’ mal-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Nafu li dan huwa possibbli għaliex għexuha l-ewwel dixxipli tal-Mulej – li naqraw fuqhom fl-Atti tal-Appostli – f’ċirkustanzi ibsin u rnexxilhom jgħaddu it-tagħlim ta’ Ġesù lil ta’ warajhom.

Il-Knisja bdiet madwar Kristu mejjet fuq is-Salib u l-biża’ li dan il-fatt ġab fuq id-dixxipli għaxħasbu li kien intemm kollox; l-eperjenza tad-dgħufija tal-membri – Ġuda li ttradih, Pietru li ċaħdu tliet darbiet, l-appostli l-oħra, ħlief  Ġwanni, li telquh waħdu fuq is-Salib. Ma’ din kien hemm ukoll il-persekuzzjoni minn parti kbira tal-Komunità Lhudija li Ġesù kien tant iħobb u mill-Imperu Ruman. Bil-qawmien tiegħu Kristu ta lill-Knisja il-qawwa li tegħleb id-djufija fi ħdanha u tibdel kull  persekuzzjoni f’opportunità ta’ mħabba akbar.

Se jkun hemm min jieħu d-deċiżjoni li jibqa’ bogħod jew joħroġ mill-Knisja. Aħna lil dawn l-aħwa m’għandniex niġġudikawhom. L-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn kull persuna, hi min hi, ma tħalliniex niġġudikaw, iżda biss inħobbu, u nħobbu kif ħabb Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex jurina l-Verità fl-Imħabba li hija l-qofol tal-Fidi tagħna.

L-Istorja tal-Knisja f’pajjiżna

Il-Knisja, anki dik f’Malta, irnexxielha tgħix f’kull ċirkustanza. Fl-istorja tagħha hija għaddiet mill-ewwel żminijiet, meta San Pawl ħalla l-ewwel komunità kristjana f’Malta. Il-ġrajjiet ta’ dik il-komunità huma mistura fl-istorja, iżda ma nistgħux ma ngħaqqduhomx mal-persekuzzjoni li għaddiet minnha l-Knisja fl-Imperu Ruman. Anki fil-mument tal-ħakma mill-Għarab, mill-istudji li saru jirriżulta li kien hemm ‘ġemgħa żgħira’ li rnexxielha żżomm il-fidi.

Kien hemm sekli meta l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna kienet imdawra minn appoġġ kulturali u numeriku tal-membri tagħha. Dawn iż-żminijiet taw lil pajjiżna wirt kulturali u reliġjuż li għadu qawwi sa llum, u dan issarraf f’ħafna ġid. Iżda nagħmlu żball jekk naħsbu li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ importanza ċentrali. Meta naħsbu hekk, jista’ jiġrilna li meta jitneħħew jew jinbidlu dawn il-kundizzjonijiet, jaqa’ kollox.

Infatti, meta nagħrfu li l-appoġġ kulturali u politiku hu biss il-qoxra tal-Knisja u tal-Fidi tagħna, allura għandna nfittxu li nintrabtu ma’ dak li hu ċentrali fil-fidi tagħna, Sidna Ġesù Kristu, u nibnu realtà ġdida fiċ-ċirkustanzi ta’ llum. Hija l-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida li l-Knisja qed tfittex illum. Din tista’ sseħħ biss jekk mal-bini tal-Knisja bħala komunità fl-aspetti esterni tagħha ikun hemm ukoll il-bini minn ġewwa tar-rabta ta’ kull wieħed u waħda minna mal-Mulej Ġesù. Fuq kollox il-Knisja tagħmel ‘suċċess’ biss jekk hi tkun mezz ta’ salvazzjoni għall-bnedmin kollha.

Il-Knisja tista’ tgħaddi mingħajr appoġġ kulturali u politiku għax għandha l-qawwa spiritwali ġewwa fiha. Il-Knisja kontinwament tfittex tisfija minn dak li hu appoġġ estern għal dik li hija s-saħħa tal-konvinzjoni tal-Fidi u tal-Ispirtu s-Santu. Huma mumenti qawwijin ta’ qawmien meta min jagħti s-sehem tiegħu fil-Knisja ma jkollux l-appoġġ ta’  privileġġi soċjali, u allura jħoss il-ħtieġa li jintelaq f’idejn il-qawwa ta’ Alla.

Għażliet

L-Għażla li rridu nagħmlu hija ħafna iktar profonda minn dik li xi drabi t-tradizzjoni u l-kultura jimbuttawna biex nibqgħu marbutin mal-Knisja. L-għażla trid tkun jekk nagħżlux li nkun parti mill-Knisja li trid twassal lil Kristu. L-għażla tiegħi personali, l-għażla tal-familja tiegħi, trid tibda minn ġewwa u tiġi msaħħa bit-talb u bis-solidarjetà tal-Komunità tal-Fidili. Inkella wieħed ma jsibx saħħa biżżejjed biex jgħixha fiċ-ċirkustanzi ta’ llum. Hija din l-esperjenza li aħna qegħdin nipproponu lilkom illum.

Irridu nirraġunaw bħal San Pawl meta kien imtaqqal minn ‘xewka’: li jrid jiddependi iktar fuq is-saħħa tal-Mulej milli fuq il-qawwa tiegħu biss. Dawn kienu l-kliem li qallu l-Mulej: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” u l-konklużjoni ta’ Pawlu: “għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor 12, 9.10).

Is-sejħa tal-Papa Benedittu XVI

Nixtiequ nagħlqu din l-ittra billi ningħaqdu mal-Papa Benedittu XVI li jgħidilna fuq ir-realtà tal-Knisja llum:

“Fil-klima l-kbira kulturali ta’ ħafna pajjiżi tal-Punent, l-għeruq tal-Kristjaneżmu għandhom posthom hemm. Imma qegħdin dejjem aktar nersqu lejn Kristjaneżmu ta’ deċiżjoni personali… Ikolli ngħid, min-naħa l-waħda llum jeħtieġ li nissodaw dan il-Kristjaneżmu tal-konvinzjoni, nerġgħu nagħtuh ħajja mill-ġdid u nferrxuh, biex aktar bnedmin jerġgħu jagħrfu jgħixu l-fidi tagħhom. Min-naħa l-oħra rridu nagħrfu li aħna sempliċement m’aħniex identiċi mal-kultura u man-nazzjon – imma li għandna s-saħħa li nagħtu lill-pajjiż valuri li taċċetta li tieħu u nsaħħuhom, ukoll jekk il-maġġoranza mhumiex Insara li jemmnu” (Dawl id-Dinja, 2011, 169).

Huwa fid-dawl ta’ din kollu li l-Knisja f’pajjiżna trid terġa’ tifli u tara l-missjoni li ħallielna il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu qabel ma ħalla Malta:

“Ħalluni nħeġġiġkom għal darb’oħra biex trawmu għarfien profond tal-identità tagħkom u tħaddnu r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha, l-aktar billi tmexxu ‘l quddiem il-valuri tal-Evanġelju li jagħtikom viżjoni ċara tad-dinjità umana u tal-oriġini u d-destin komuni tal-umanità. Kunu ta’ eżempju f’artkom u barra minn artkom ta’ ħajja nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom.”

Ommna Marija li kienet f’nofs l-appostli titlob lil Alla l-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, takkumpanjana fit-talb tagħna fix-xewqa ta’ qawwa ġdida fil-Missjoni tagħna li nagħmlu lil Binha ħaj u preżenti fostna permezz tal-Komunità tal-Knisja. Nitolbukom li din l-intenzjoni tagħmluha ukoll fir-Rużarju li nħeġġukom tgħidu kuljum.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

+  PAWLU CREMONA O.P.                                                         +  MARIO GRECH

     Arċisqof ta’ Malta                                                                           Isqof ta’ Għawdex

Komunitajiet Żgħar fil-Parroċċa.

Komunitajiet żgħar mill-bażi tal-parroċċa.

Joe Farrugia

Niftakarni preżenti għall-Assemblea Parrokkjali li fiha Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona temm l-ewwel Viżta Pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ H’Attard.

Dakinhar laqgħatni suġġeriment li kien għamel lill-dawk preżenti sabiex fil-ħidma pastorali tagħha, il-parroċċa ssib insara li lesti jidħlu għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni. Qalilhom li dan setgħu jagħmluh billi jinqasmu fi gruppi żgħar skont territorji stabiliti.  Imbagħad il-membri ta’ kull grupp għandhom jinbnew bejniethom fuq il-Kelma ta’ Alla u jmorru jistiednu lil persuni oħra mill-istess teritorju biex jissieħbu magħhom f’ din l-esperjenza nisranija.

Għalkemm wara dakinhar, l-Arċisqof tenna din l-istedina f’diversi okkażżjonijiet u f’diversi parroċċi oħra, madankollu għandi dubju serju dwar kemm parroċċi bdew jaħdmu bis-serjetà fuq dan il-proġett ambizjuż. Naf li uħud minn dawk li semgħu din il-proposta ma fehmuhiex. Kien hemm min ħaseb li dawn se jkunu xi għaqdiet reliġjużi ġodda, l-istess bħal dawk li diġà għandna. Oħrajn, fehmu sewwa dak li qal l-Arċisqof, imma fehmu wkoll li proġett bħal dan jitlob impenn serju u ħafna sagrifiċċju.  Forsi kien għalhekk li uħud qatgħu qalbhom u pposponew id-deċiżjoni tagħhom sine die.

Dan l-aħħar jiem erġajt kont qed naqra l-enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Redemptoris Missio.  Kienet publikata 21 sena ilu, imma minħabba li tidħol sewwa fil-fond dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida, ħassejt li hija tassew attwali fiż-żmienna u għalhekk sibt ħin biex nerġa naqrha.  Fiha il-Papa kien tkellem propju dwar dak li Monsinjur Arċisqof insista dwaru għal dawn l-aħħar snin. Il-Papa kien sejħilhom, “komunitajiet ekkleżjali di base”, imma dawn huma spiss magħrufin ukoll b’ismijiet oħra.

Ġwanni Pawlu II kiteb li f’bosta Knejjes kienu qed jinbtu b’ħeffa kbira komunitajiet ekkleżjali di base, u li huma meqjus bħala impenn ewlieni tal-ħidma pastorali. Qal li dawn huma gruppi żgħar ta’ nsara f’livell ta’ familja jew ta’ ambjent ċkejken, li jiltaqgħu flimkien għat-talb u l-qari tal-Kotba Mqaddsa, għall-katekeżi, għall-istudju flimkien ta’ problemi li jolqtu kemm il-bniedem u kemm il-Knisja.

Il-Papa kompla li dawn il-komunitajiet qegħdin juru ruħhom bħala ċentri mill-aqwa ta’ formazzjoni nisranija u għalhekk jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom għall-ġid ta’ kulħadd. Huma tassew sinjal tal-qawwa tal-Knisja u strument ta’ formazzjoni u evanġelizzazzjoni.  Huma bidu tajjeb għal soċjetà mibnija fuq iċ-ċiviltà tal-imħabba.

Fl-enċiklika tiegħu, Ġwanni Pawlu II jgħid li dawn il-gruppi jridu jkunu parti mill-parroċċa u b’hekk jgħinuha ma tibqgħax ċentralizzata, imma jorganizzawha. Huma jridu jxettli għeruqhom f’ambjenti emarġinati u rurali, u b’hekk isiru l-ħmira ta’ ħajja nisranija, ta’ kura għall-foqra u l-imwarrbin, u ta’ mpenn għall-bidla fis-soċjetà.

F’dawn il-komunitajiet kull nisrani jġarrab esperjenza komunitarja, u hekk iħossu li hu membru attiv tal-Knisja u li huwa lest biex jagħti sehmu fl-impenn ta’ kulħadd. B’dan il-mod, dawn il- komunitajiet ikunu strumenti ta’ evanġelizzazzjoni. (Redemptoris Missio 51)

Is-soċjetà li qed ngħixu fiha u li aħna parti minnha għaddejja minn tibdil kbir u mgħaġġel u għalhekk il-parroċċi tagħna jridu jaffrontaw l-isfidi ta’ żmienna bi strutturi u għodod mġedda wkoll.  Il-Knisja trid tagħraf is-sinjali ta’ żminijietna u tfittex tifhem il-messaġġ li Alla jrid iwasslilha permezz tagħhom.

L-evanġelizzazzjoni tallum trid titlaq qabel xejn minn ħeġġa ġdida f’qalb dawk kollha li jqisu lilhom infushom parti minn din il-Knisja.  Spiċċa ż-żmien ta’ nsara passivi li posthom fil-Knisja huwa biss li fi tmiem il-ġimgħa “jisemgħu” il-quddies u xħin tasal il-qoffina maġenbhom idaħħlu idejhom fil-but biex jitfgħu xi ħaġa. Il-lajċi nsara jista’ jkollhom ħafna aktar x’joffru fil-komunità.

Jeħtieġ li l-parroċċa tfittex metodi u espressjonijiet ġodda kif twassal lil Kristu f’kull triq u f’kull dar.  Li f’din il-missjoni hija timpenja ħafna aktar minn uliedha u li lil dawn tagħtihom l-aħjar  formazzjoni possibbli. Mhix sfida faċli u ħafna għadhom qed jagħmlu d-domanda, “Imma kif?”

Nemmen li jekk nagħrblu sewwa l-proposta tal-Arċisqof tagħna u niflu dak li kiteb il-Papa Ġwanni Pawlu II fir-Redemptoris Missio, aktarx niskopru li dawn l-komunitajiet żgħar ta’ nsara fil-bażi ta’ kull parroċca jistgħu jkunu t-tweġiba għad-domanda tagħna.

Il-Kelb fis-Saqaf tal-Katidral.

Il-Kelb fis-Saqaf tal-Katidral

Minn Joseph Galea

Hu kollu ħtija ta’ kelb li ma nkunx attent għal-liturġija li tkun għaddejja fil-katidral ta’ San Ġwann. Ili ħafna narah dan il-kelb, dejjem żvelt għalkemm qiegħed f’pittura mal-ħajt fil-għoli, minn Mattia Preti, u restawrat maż-żmien bħall-bqija tas-saqaf. Tarah fuq ix-xellug, fl-ewwel arkata min-naħa tat-titular.

Il-membri tal-Museum tal-Belt u tal-Furjana kellhom id-drawwa li fil-Ħdud tal-festi liturġiċi maġġuri jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi prinċipali li jsiru f’San Ġwann, u jieħdu magħhom il-membri żgħar u żgħażagħ. Dawn ta’ l-aħħar ma kellhomx entużjażmu għal din l-għamla ta’ festi, imma normalment ma kinux ifallu. F’mixja mill-Furjana għall-Belt, lejn okkażjoni xejn interessanti, wieħed jifimha li konna nkaxkru xi ftit riġlejna sakemm naslu. L-għodwa ma kinitx tawgura għat-tfal: il-Quddiesa kienet tkun twila, b’kant bil-Latin b’ilħna ta’ rġiel biss, għax kienu jkantaw is-seminaristi. Għat-tfal il-funzjoni donnha li ma kienet se tispiċċa qatt. Iċ-ċerimonji tal-monsinjuri, purċissjoni ta’ serbut twil, l-inċens bil-pawsa, ukoll kienu jikkontribwixxu għan-nuqqas ta’ stennija bil-ħerqa ta’ dawn il-festi.

Għalhekk li l-kelb tas-saqaf rajtu għal ħafna u ħafna sigħat, u l-lum, kull meta mmur il-katidral, nagħtih titwila u narah għadu fl-istess tarġa, tiela lejn l-Għammiedi fil-pittura. Imma issa ma nirraġunax l-istess! Jiġuni tifkiriet sbieh li jistidnuni nrodd ħajr lil dawk l-irġiel li kienu jeħduna San Ġwann, u ngħid talba għal dawk fostħom li lill-qaddis qed jarawħ fil-ġenna. Kienu huma li nisslu fija mħabba lejn dak li hu tassew sabiħ. Il-pittura tas-saqaf m’għadnix naraha qisha film biex ninsa d-dwejjaq ta’ ċerimonja twila. Illum, il-persuni li kienu jeħduna l-Belt inħossħom ħdejja. Kbirt magħhom, mal-lealta’ tagħhom, mal-entużjażmu tagħhom  mal-imħabba tagħhom lejn il-Knisja. Dawn iċ-ċerimonji, li lilhom ma jidhrux li kienu jdejquhom, kienu biss sinjal tar-rabta tagħhom ma’ dak li hu sagru.

Illum ngħid li ma kienx biss sagru, imma wkoll il-kultura sagra. Il-katidral ta San Ġwann jiġbor fih kultura ta’ Knisja li tul is-sekli iċċelebrat is-sabiħ fil-liturġija tagħha u ħabbritu b’mod li jibqa’ għal ġenerazzjoni wara l-oħra, fl-iskultura u fil-pittura bħal ma hu l-każ ta’ San Ġwann. Mhux ta’ b’xejn li meta jidħlu fil-katidral u jagħtu l-ewwel daqqa t’għajn madwarhom, l-aktar kif jerfgħu rashom ‘il fuq lejn is-saqaf grandjuż, dawk li jżuru San Ġwann għall-ewwel darba, jesprimu l-istagħġib tagħhom quddiem sbuħija ħekk rari. Min għandu ċertu gosti, jidħol f’iktar dettalji.

Taf li hekk kienu jagħmlu l-membri tal-Museum li kienu jeħduna l-Belt? Kienu jispjegawlna l-pitturi u  jgħadduna minn tapizzerija fjamminga għal oħra, li f’dak iż-żmien kienu jdendlu bejn l-arkati fil-festi l-kbar. Min jaf kemm-il darba wieħed minnhomi kien jeħodna ħdejn il-monument favorit tiegħu, f’kappellun fin-naħa tal-lemin tal-Knisja, fl-auberge ta’ l-Ispanjoli. Ħemm żewġ Torok, b’idejhom marbutin wara. Kien jinnutalna li jidhru l-vini f’dirgħajn it-Tork tan-nokkli.

  • It-tifkiriet li jġibli l-kelb fil-pittura tal-katidral iġiegħluni nirrifletti. Hi ħasra li għal ħafna, l-arti sagra mhix ħobż għal snienħom u għalhekk jgħixu ħajja ta’ medjokrita’ kulturali.
  • Mhemmx għalfejn tkun artist jew li tkun taqra l-kotba dwar l-arti biex tiggosta l-wirt li ħallew ta’ qabilna. Biżżejjed dispożizzjoni li tgħinek tapprezza dak li maż-żmien ħareġ mill-ħsieb u minn idejn nies ta’ ħiliet mhux komuni. Trid tkun konvint li l-arti sagra hi element importanti fir-reliġjon nisranija. Dan il-mezz ta’ komunikazzjoni qatt ma tilef l-aspett edukattiv tiegħu.
  • Tajjeb li titħallat ma’ nies li jħobbu l-kultura u li kull diskussjoni magħhom tħallik b’togħma tajba. Min-naħa l-oħra, hu l-arti sagra bħala djalogu bejnek u bejnha; ara pittura, skultura, eċċ u waqt li qed tikkunsidraha aħseb x’qed iwassallek biha l-Mulej.
  • Ma niskantawx li hawn Maltin li qatt ma daħlu f’San Ġwann. Jafu biss il-knisja tar-raħal u dak kollu li jsebbaħha. Lil dawk ta’ madwarna ngħidulħom b’arti ta’ knejjes oħra, u nħajruħom (la qed insemmu lil San Ġwann) biex meta jinzertaw il-Belt jgħaddu sal-katidral u jduruh bl-attenzjoni.
  • L-arti sagra għandha storja twila, li mxiet maż-żmien. L-istil hu l-prodott tal-istorja li jkun għaddej minnha l-pajjiż kif ukoll tal-karatteristika tal-pitturi, l-iskulturi, li jkunu ħolqu l-opra ta l-arti. Ħuwa fatt li hemm pitturi klassiċi, bi xbihat li jifhimhom kulħadd, u ħemm pitturi moderni, li xogħolhom trid tifhimhom il-qalb. Irridu nrabbu fina kultura li nagħmlu distinzjoni, u hekk napprezzaw kemm dak li jolqotna direttament u kemm dak li nsofru biex naċċettawh.

Il-kelb tal-pittura fetaħli tieqa f’ħajti ħekk li ftakart f’dawk li kienu ta’ ġid għalija fi tfuliti u għalhekk għaddejt dawn is-suġġerimenti lejn rikonoxximent għall-arti sagra. Anke llum, tibqagħli t-tentazzjoni li nħares lejħ iktar milli nsegwi l-funzjoni li tkun għaddejja fil-katidral!

L-Evanġelizzazzjoni Ġdida! … Kif?

L-Evanġelizzazzjoni Ġdida!… Kif ?
Kwalitajiet u Karatteristiċi  tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida.
Joe Farrugia

Wara l-artiklu ara wkoll il-kummenti u suġġerimenti aktar ‘l isfel, fosthom dawk ta’ saċerdot li għamel 40 sena fil-Brażil …↴

Sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, saħaq fuq il-bżonn ta’ Evanġelizzazzjoni Ġdida, iżda kien fl-enċiklika tiegħu Redemptoris Missio (RM) li fiha huwa mhux biss spjega x’inhija din l-evanġelizzazzjoni iżda wkoll daħal f’dettal dwar x’għandhom ikunu l-kwalitajiet tagħha. Id-dokument kien pubblikat fis-7 ta’ Diċembru 1990, propju għeluq il-25 sena mid-digriet tal-Konċilju Vatikan II, Ad Gentes. Fih il-Papa juri kif id-differenzi fil-ħidma tal-missjoni waħdanija tal-Knisja, ma jiġux mill-missjoni nfisha, imma miċ-ċirkostanzi li fiha trid isseħħ.

L-ewwel tip ta’ ħidma missjunarja tal-Knisja hi dik li ssir ma’ popli jew gruppi li ma jafux bi Kristu. Hemm imbagħad dik il-ħidma pastorali li ssir ma’ komunitajiet insara fejn il-fidi hija waħda ħajja, fejn l-insara jagħtu xhieda tal-evanġelju f’pajjiżhom u jħossu li huma fid-dmir li jagħtu sehemhom fil-missjoni universali tal-Knisja.  It-tielet ħidma ssir ma’ dawk in-nazzjonijiet fejn gruppi sħaħ ta’ nsara tilfu s-sens ħaj tal-fidi, forsi wkoll iqisu ruħhom li m’għadhomx membri tal-Knisja, jew qegħdin jgħixu ħajja ‘l bogħod minn Kristu u mill-evanġelju tiegħu. F’dan il-każ hi meħtieġa “evanġelizzazzjoni ġdida”, biex dawn il-komunitajiet jerġgħu jiġu evanġelizzati. (RM 33)

Minkejja li kienet pubblikata 21 sena ilu, madankollu din l-enċiklika forsi saret aktar attwali llum minn meta nkitbet. F’pajjiżna qiegħed dejjem jikber u jinħass aktar il-bżonn ta’ ħidma pastorali serja li tindirizza b’mod ġdid il-ħtiġijiet ta’ kultura, tradizzjonalment nisranija, imma li tant hija ‘l bogħod milli tifhem u tħaddan bis-serjetà l-messaġġ tal-evanġelju. U dan minkejja li certi attivitajiet jew ċelebrazzjonijiet, hekk immsejħa “reliġjużi” bħal donnhom kibru u żdiedu.
Għalhekk biex din l-evanġelizzazzjoni ġdida titwettaq sewwa u b’mod li tħalli l-frott, ikun tajjeb li niflu sewwa dawk il-kwalitajiet, li skont l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, hija għandu jkollha.

Kristoċentrika.
L-evanġelizzazzjoni ġdida trid qabel xejn tkun iċċentrata kompletament fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Knisja mhux biss trid ixxandar il-kelma ta’ Alla, mwassla lilha mill-Imgħallem tagħha, iżda trid qabel xejn twassal lilu stess għaliex kif naqraw fl-istess prologu tal-evanġelju skont San Ġwann, Kristu nnifsu huwa l-Kelma nfisha.

Fir-Redemptoris Missio, il-Papa Ġwanni Pawlu II juri li l-Knisja, sa mill-ewwel predikazzjoni tagħha wasslet lil Ġesù bħala l-uniku Feddej tal-bniedem. Huwa jinsisti li min jipprova jifred il-kelma mill-persuna ta’ Ġesù Kristu jkun qed imur kontra l-istess fidi nisranija (RM 5 u 6)

Illum huwa mportanti ħafna li kontinwament infakkru dwar il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni Kristoċentrika għaliex huwa faċli ħafna li naqgħu għat-tentazzjoni li nwasslu evanġelju mingħajr Kristu. Mhux darba jew tnejn nisemgħu priedki sħaħ u korsijiet ta’ eżerċizzi, suppost spiritwali, fejn nippruvaw inwasslu valuri f’kuntest purament soċjali, iżda li fih donnu Kristu ma għandu ebda post. Inkella nistgħu nitfgħu l-attenzjoni tagħna aktar fuq dawk is-sinjali tal-Knisja, li jidħru minn barra, milli fuq Kristu, li dawn is-sinjali suppost jkunu kollha jippuntaw lejH.

Korresponsabiltà.
L-evanġelizzazzjoni ġdida hija r-responsabiltà tal-poplu ta’ Alla kollu. Din saħaq dwarha il-Konċilju Vatikan II, l-aktar fid-dokument Lumen Gentium, iżda minnkejja li għaddew kważi ħamsin sena, bosta nsara għadhom iħossu lilhom infushom esklużi jew eżentati minn dan id-dmir li huwa mogħti lil kull persuna dakinhar tal-magħmudija.

Ħasra li llum bosta għadhom jaħsbu li dmirhom fil-Knisja huwa biss li joqgħodu bilqegħda u fedelment jirċievu dak li huwa mgħoddi lilhom mis-saċerdoti. Jaħsbu li fil-Knisja huma biss il-ftit li xogħolhom huwa biex jagħtu u jamministraw, waqt li l-maġġoranza, qegħdin hemm biss biex jirċievu.  Mill-banda l-oħra, anke fost l-istess lajċi mpenjati fil-ħidma tal-Knisja, għad hemm bosta li jħarsu lejn din il-ħidma tagħhom bħala għajnuna f’xogħol li huwa tas-saċerdot u għalhekk huma qegħdin biex jgħinu minnħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti.

Tul l-eżortazzjoni appostolika, Christifideles Laici, il-Papa Ġwanni Pawlu II jinsisti dwar ir-responsabiltà tal-lajċi fil-ħidma tal-Knisja. Imma wkoll fir-Redemptoris Missio huwa jsemmi r-responsabbiltà tal-lajċi f’din il-missjoni, li hija mpenn tal-poplu t’Alla kollu. Huwa jikteb dwar dawk il-lajċi li jsiru evanġelizzaturi, l-aktar bħala katekisti, imma jinsisti li biex jgħixu aħjar il-fidi tagħhom, huma l-insara lajċi kollha li għandhom joffru xi ftit mill-ħin tagħhom lill-Knisja. (RM 71-74)

Kulturali.
L-enċiklika Redemptoris Missio titkellem dwar dak li ssejjaħlu l-inkarnazzjoni tal-evanġelju fil-kulturi tal-popli. Dan ifisser li l-evanġelizzazzjoni ma tridx tkun biss immirata lejn individwi iżda lejn kulturi sħaħ. (RM 52)

Dan ma jgħoddx biss għal dawk il-popli li qatt ma ħaddnu l-evanġelju, iżda wkoll għal dawk li għalkemm huma tradizzjonalment insara, madankollu, bl-influwenza tal-sekulariżmu, anke l-istess drawwiet insara tagħhom, illum ġew paganizzati. Fejn seħħ dan, jew qiegħed iseħħ issa, huwa dmir ta’ dawk l-insara li għadhom iħaddnu t-twemmin tagħhom b’kunvinzjoni, li bil-kelma u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom jinfluwenzaw il-kulturi ta’ madwarhom biex fihom jinkarna mill-ġdid l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Katekeżi.
Barra minn hekk irridu nifhmu li l-evangelizzazzjoni ġdida ma tinkludix biss it-tħabbir mill-ġdid tal-kelma, iżda hija proċess sħiħ ta’ kristjanizzazzjoni u għalhekk trid tkun imsieħba minn katekeżi kontinwa. Jgħidilna Ġwanni Pawlu II li t-tħabbira tal-evanġelju, biex tkun sħiħa, irid ikollha wkoll katekeżi ekklesjali u sagramentali. (RM 23)

Sfortunatament, f’pajjiżna din il-katekeżi hija spiss limitata għall-klassijiet tad-duttrina li jattendu t-tfal qabel jersqu għall-ewwel tqarbina jew għall-konfirmazzjoni. Xi għaqdiet reliġjużi joffru wkoll katekeżi limitata għall-membri tagħhom u f’ċerti każi din hija miftuħa wkoll għal oħrajn li m’humiex. Iżda l-obbligu ta’ programm tajjeb ta’ katekeżi huwa tal-parroċċa. U dan irid ikun maħsub biex jilħaq lil kulħadd, mit-tfal sal-anzjani. Naħseb li llum fil-parroċċi kollha ssib il-Kummissjoni Kateketika, iżda ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li bosta minn dawn il-kummissjonijiet jipprovdu biss għall-klassijiet tad-duttrina tat-tfal.

Kontemplazzjoni.
Min-naħa tagħhom, dawk li jridu jwettqu fedelment din il-missjoni, għandhom jaħsbu fuq id-dmir li għandhom li jkollhom dik il-qdusija li jitlob minnhom id-don ta’ din il-vokazzjoni. Huma jridu kuljum jiġġeddu fl-ispirtu u jaġgornaw il-formazzjoni dottrinali u pastorali tagħhom. Huwa u jaqdi l-ħidma tiegħu, in-nisrani jeħtieġlu jkun bniedem kontemplattiv. Irid isib it-tweġiba għall-problemi tiegħu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u fit-talb, kemm personali u kif ukoll komunitarju. (RM 91)

Kuraġġ.
F’intervista li ta f’Diċembru tal-2010, l-Isqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evangelizzazzjoni Ġdida, qal li l-evanġelizzazzjoni ġdida ma ssirx għaliex qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi.

Madankollu nafu li meta soċjetà tradizjonalment nisranija bħal tagħna tkun sekularizzata u tgħaddi minn esperjenza bħal ta’ eklissi ta’ Alla, allura għan-nisrani dan jista’ jkun ta’ skoraġġiment kbir.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb fir-Redemptoris Missio, illi jekk nagħtu ħarsa lid-dinja tal-lum, naraw ħafna fatturi negattivi, li jistgħu jwasslu għall-pessimiżmu. Iżda dan hu bla sens għaliex aħna nemmnu f’Alla, il-Missier u Sidna, u fit-tjieba u l-ħniena tiegħu. Imbagħad f’nota qawwija ta’ ottimiżmu jkompli li llum Alla qiegħed iħejji rebbiegħa nisranija tassew tal-għaġeb, li tagħha ġa qegħdin naraw is-sebħ. (RM 86)

Fi ftit ġimgħat oħra fil-parroċċi Maltin jibdew isiru l-Assembleji Parrokkjali annwali. F’dawn il-jiem ukoll, kemm fid-djoċesi kif ukoll f’kull parroċċa suppost qiegħed jitħejja l-pjan pastorali li fuqu trid titfassal il-ħidma pastorali ta’ pajjiżna matul it-tliet snin li ġejjien. F’dan kollu, jista’ jkollna t-tentazzjoni kbira li nżommu l-istatus quo u nibqgħu għaddejjin bil-programm li dejjem imxejna fuqu tul l-aħħar għexieren ta’ snin.

L-alternattiva titlob minna impenn kbir u determinazzjoni sħiħa biex ilkoll flimkien inwieġbu għal din is-sejħa li qed tagħmlilna l-Knisja. Imma hija waħda li fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, (RM 91) twassal għas-sebħ ta’ żmien missjunarju ġdid, jum li għad ikun jiddi kollu frott. Qatt daqs illum ma kellha l-Knisja opportunitajiet u okkażjonijiet li twassal l-evanġelju lill-bnedmin u lill-popli. Basta aħna lkoll inwieġbu b’ġenerożita u qdusija kbira għall-sfidi u l-appelli ta’ żmienna.

Tista’ ssib l-Enċiklika Redemtoris Missio bil-Malti billi tikklikkja hawn… »

Aktar dokumenti u tagħrif dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida. …»

Ir-responsabbiltà tat-tagħlim u formazzjoni Nisranija tat-tfal

DOMANDA

Ghandna quddiemna realta’ li numru ta’ pre-adoloxxenti qed jitressqu biex jircievu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni meta dawn ma jkunux attendew il-lezzjonijiet tal-katekezi fic-centru/Museum. Dan jimxi skont ir-regoli tal-Knisja? Ikun jaqbel perfettament ma’ dak li jghid l-Arcipriet minn fuq l-artal li dawn ikunu ppreparati sew?   (Clint Abela 1 ta’ Settembru 2011)

TWEĠIBA minn Fr Ray Toledo

Ir-responsabbiltà tat-tagħlim u formazzjoni Nisranija tat-tfal u l-pre-adolexxenti hija prinċipalment tal-ġenituri.

Min-naħa l-oħra il-kappillan irid jipprovdi l-għajnuniet kollha biex jara li dan iseħħ ħalli b’hekk it-tfal u l-pre-adolexxenti jkunu preparati biex jirċievu s-Sagramenti fosthom is-Sagrament tal-Konfermazzjoni.

Gieli jkun hemm sitwazzjoni fejn it-tfal ifallu minghajr raġuni valida għal perijodu twil ta’ żmien fejn il-Kappillan, wara li jkun ġibed l-attenzjoni tal-ġenituri jew ta’ dawk responsabbli li jekk it-tfal ma jattendux il-katekiżmu, is-sagrament ma jkunx jista’ jingħata għax ma jkunux preparati. (6 ta’ Settembru 2011)

Evangelizzazzjoni u Katekezi

DOMANDA

Illum spiss nisma l-kliem, “evangelizzazzjoni u katekezi”. Tista tghidli jekk hemmx differenza bejniethom u jekk iva, x’inhi? Spiss staqsejt din id-domanda imma qatt ma rcevejt twegiba cara u konvincenti. Kultant nahseb li min juzhom ikun qed ifisser l-istess haga.  (Mary Muscat – 31 Awwissu 2011)

TWEĠIBA minn Dun Rene’ Camilleri 

Differenza bejn Evanġelizzazzjoni u Katekeżi
Il-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza toħroġ diġa mill-Vanġelu meta Gesu’ bagħat lill-Appostli biex ixandru l-Vanġelu. Il-Knisja tevanġelizza b’ħafna modi u lil diversi kategoriji ta’ nies. Anke fuq livell universali, ċioe’ lil nies li ma jappartjenux lilha bħala membri, il-Knisja twassal il-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu b’mod ġenerali. Per eżempju l-Enikliċi tal-Papiet huma indirizzati lil kulħadd, inkluż lil nies ta’ rieda tajba. Anke meta aħna stess qed nitkellmu fuq programm tat-televiżjoni, jista’ jkun mezz ta’ evanġelizzazzjoni għax inkunu qed nitkellmu minn perspettiva tal-Vanġelu ta’ Gesu’ Kristu u mhux neċessarjament inkunu konxji lil min qed nindirizzaw jew min qed isegwina.

Katekeżi hija xi ħaġa iktar speċifika u personalizzata. Tikkatekizza tfisser iddaħħal f’mixja ta’ fidi, fi proċess ta’ konverżjoni. Katekeżi tfisser tinżel iżjed fil-fond tal-messaġġ tal-Vanġelu biex kif jgħid San pawl tniżżel l-għeruq tiegħek fil-persuna ta’ Gesu’. Il-katekist hu dak li jintroduċi fil-ħajja nisranija u jsegwi f’mixja ta’ maturita’ nisranija. Il-katekeżi tapprofondixxi u tartikola anke f’duttrina jew tagħlim tal-Knisja dak li joħroġ mill-Vanġelu bħala Bxara Tajba għall-bniedem.

Nistgħu ngħidu li l-Missjoni tal-Knisja li tevanġelizza hija mandat li l-Knisja rċeviet tibqa’ tħoss id-dmir tiegħu lejn l-umanita’ u lejn id-dinja in ġenerali. Bil-katekeżi il-Knisja tagħraf il-mandat tagħha li tagħmel dixxipli tal-Mulej. Għalhekk il-katekeżi hija mandat li joħroġ minn dak tal-evanġelizzazzjoni pero’ li huwa ferm iktar intiż biex lil min aċċetta l-Vanġelu, il-Knisja bħala komunita’ tiffurmah u twasslu jkun dixxiplu. (10 ta’ Settembru 2011)

Organiżmu ġdid għall-evanġelizzazzjoni ġdida.

BL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA L-KNISJA TIĠĠEDDED U TIKBER


“Flimkien mal-isqfijiet kollha se nfittxu nqanqlu organiżmu ġdid li jkun jista’ jaħdem għall-evanġelizzazzjoni ġdida. Kif jeżisti wieħed għall-katekeżi, ieħor għall-karità, l-istess għandu jsir wieħed għall-evanġelizzazzjoni ġdida.”  Dan qalu l-Arċisqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-promozjoni  tal-evanġelizzazzjoni ġdida, f’intervista li ta lill-aġenzija tal-aħbarijiet kattoliċi, Zenit.

L-Arċisqof Fisichella qal li l-ewwel evanġelizzaturi huma l-Isqfijiet u għalhekk  wieħed mill-ħidmiet li l-Papa fdalna f’idejna hu eżattament dak li nagħmlu  kuntatt partikulari mal-konferenzi tal-isqfijiet propju biex jinħoloq dan l-organu.

Huwa qal li l-Evanġelizzazzjoni Ġdida …

  • ma ssirx għax qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi….
  • tfisser li nġeddu fina l-ispirtu missjunarju li għandu jkollu kull nisrani għax teħtieġ missjunarji ġodda …
  • ma ssirx billi noqogħdu madwar mejda biex nippjanaw …
  • hija intuwizzjoni profetika li ġġegħelna naħsbu bis-serjetà fuq żminijietna …
  • iġġegħelna nifhmu l-mard tas-sekolarizzazzjoni li welled din il-kundizzjoni …
  • u naħsbu fuq x’qed iwassal il-bniedem tallum li ma jimpurtah xejn mill-verità …
  • twassalna nuru li l-laqgħa u l-esperjenza t’Alla hija kundizzjoni meħtieġa biex il-bnedmin tallum jerġgħu jsibu tassew is-sens ta’ ħajjithom …
  • hija d-dmir li inwasslu mill-ġdid il-Vanġelu. …
  • tridna nibdlu l-mod kif nitkellmu, waqt li l-kontenut jibqa’ dejjem dak li hu.

Jekk naħsbu jew nimmaġinaw li l-Knisja hi biss dik li tiġi ppreżentata lilna minn xi mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa, joħroġ ċar li se jkollna dejjem dehra parzjali u mgħawġa. Imma l-Knisja mhijiex hekk. Il-Knisja hi ta’ kobor li tibdel in-nies billi twasslilhom u tkunilhom xiehda tal-Vanġelu.

Ara l-intervista kollha bil-Malti, li Monsinjur Fisichella ta liż-Zenit.  Ikklikkja hawn …>