Il-Papa jistqarr l-importanza għal għajnuna lil min hu bil-ġuħ

Fi stqarrija lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Maqgħuda għall-Ikel u l-Agrikoltura, Jose Graziano da Silva, il-Papa Benedittu XVI qal li l-Knisja tqis bħala importanti ħafna l-inizjattivi agrikoli, għax dawn jgħinu biex jingħata l-ikel min hu bil-ġuħ.

Meta kien qed jikkommemora l-Jum Dinji tal-Ikel, il-Papa, fil-messaġġ tiegħu, issottolinea l-importanza ta’ dan il-jum partikolarment fid-dawl tal-kriżi ekonomika kurrenti u qal li “l-aċċess għal nutrizzjoni sana u suffiċjenti hu dritt fundamentali ta’ kull persuna”

Żied billi faħħar il-fatt li dan il-Jum kien iddedikat għar-riflessjoni fuq l-irwol tal-Koperattivi Agrikoli li jitimgħu lid-dinja. Qal li “mhux qed nitkellmu biss dwar l-appoġġ lill-koperattivi bħala espressjoni ta’ struttura differenti ta’ organizzazzjoni ekonomika u soċjali, imma wkoll li jkunu kkunsidrati bħala strument ta’ azzjoni internazzjonali”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li “l-Knisja tappoġġa l-koperattivi agrikoli bħala mezz ta’ għejxien ta’ esperjenza ta’ għaqda u solidarjeta li mhux biss jikkontribwixxu għall-ekonomija, imma anki għat-tkabbir soċjali, kulturali u morali tal-komunita”.

Benedittu XVI temm jisħaq dwar ir-rwol importanti li għandhom in-nisa fiż-żamm u t-tħaddim tal-koperattivi għall-gid tas-sistema tal-familji.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof

Jitħabbar li se tintbagħat delegazzjoni tal-Vatikan fis-Sirja

Delegazzjoni mill-Vatikan, magħmula mill-Kardinal Laurent Mosengwo Pasinya, Arċisqof ta’ Kinshasa, il-Kardinal Jean-Louis Tauran, President tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, il-Kardinal Timothy Dolan, Arċisqof ta’ New York, Mons. Fabio Suescun Mutis, mill-Ordinanza Militari tal-Kolumbja u Mons. Joseph Nguyen Nang, Isqof ta’ Phat Diem, se żżur il-belt Sirjana ta’ Damasku fil-jiem li ġejjin.

Waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan, is-Segretarju tal-iStat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone qal li l-komunità Nisranija ma tistax tkun biss spettatriċi quddiem it-traġedja fis-Sirja.
Il-Kardinal Bertone qal li ħafna minn dak li qalu l-Isqfijiet miġbura għas-Sinodu, juri kemm is-sitwazzjoni għandha bżonn tingħata aktar attenzjoni u attenzjoni urġenti.

Huwa temm ifakkar fit-tbatija kbira li qed jgħaddi minnha l-poplu Sirjan, u esprima t-tħassib tiegħu għall-eluf ta’ persuni li qed ikollhom iħallu djarhom.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

IL-KNISJA F’MALTA TĦEJJI GĦAS-SENA TAL-FIDI BI STEDINA LILL-INSARA

Fil-11 ta’ Ottubru li ġej, il-Knisja f’Malta tinImagegħaqad mal-Knisja Universali biex tniedi “is-Sena tal-Fidi”. Propju sena ilu, fl-Ittra Appostolika ‘Porta Fidei’ (il-Bieb tal-Fidi), il-Papa Benedittu XVI ħabbar dan iż-żmien speċjali fil-Knisja Kattolika. Fi kliem il-Papa, “is-Sena tal-Fidi hi sejħa biex mill-ġdid nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu, il-Feddej waħdieni tad-dinja”.

Il-Knisja f’Malta qed tħejji programm ta’ attivitajiet bil-għan li l-Maltin jiskopru mill-ġdid l-entużjazmu tal-fidi tagħhom. Din l-istedina hi miftuħa għal kull individwu għalkemm, fuq xewqa tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., se jsir aċċenn fuq l-Insara prattikanti biex filwaqt li jiskopru mill-ġdid il-fidi, dawn iwasslu l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn. Dan jorbot ma’ dak li l-Arċisqof qal kemm-il darba matul l-episkopat tiegħu, jiġifieri l-ħtieġa li n-Nisrani jgħaddi minn tradizzjoni u konvenjenza għall-għażla ta’ fidi konxja u konvinta, f’kultura li kull ma tmur qed tinbidel. Huwa għalhekk li matul din is-Sena ta’ Fidi, il-Knisja f’Malta se tibqa’ timpenja ruħha f’evanġelizzazzjoni ġdida biex kif qal il-Papa “kull persuna tiskopri mill-ġdid il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex tikkomunikaha lill-oħrajn”.

Continue reading IL-KNISJA F’MALTA TĦEJJI GĦAS-SENA TAL-FIDI BI STEDINA LILL-INSARA

IL-MESSAĠĠ TAL-PAPA QABEL IL-VJAĠĠ TIEGĦU FIL-LIBANU

“Nifraħ meta naf li dan il-vjaġġ se jlaqqagħni ma’ ħafna membri tas-soċjeta tal-Libanu: awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi, Kattoliċi ta’ diversi riti, iNsara oħra, Musulmani u Drużi fir-reġjun”. Hekk stqarr il-Papa Benedittu XVI wara l-aħħar mesaġġ tiegħu fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa. Din il-ġimgħa rriserva spazju għar-riflessjoni tiegħu qabel il-vjaġġ appostoliku li se jibda l-Ġimgħa fil-Libanu u r-reġjun tal-Lvant Nofsani.

“Nirringrazzja ‘l Alla għal din il-varjetà li tista’ biss tifjorixxi jekk in-nies jgħixu bejniethom l-ispirtu ta’ paċi u rikonċiljazzjoni. Għal din ir-raġuni neżorta lill-insara fi Lvant Nofsani, kemm lil dawk imwielda hemm, kif ukoll lil dawk li waslu hemm issa, sabiex ikunu bennejja tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni.”

Ħeġġeġ ukoll għat-talb. “Ejja nitolbu ‘l Alla sabiex isaħħaħ il-fidi tal-insara fil-Libanu u Lvant Nofsani, u jimlihom bit-tama. Inrodd ħajr ‘l Alla għall-preżenza tagħhom u nappella lill-Knisja sabiex turi solidarjeta, sabiex dawn jibqgħu jagħtu xiehda ta’ Kristu f’dawn l-artijiet, u jfittxu l-komunjoni fl-unita. Inrodd ħajr ‘l Alla għal kull individwu u istituzzjoni li jgħinu biex dan isir. L-istorja tal-Lvant Nofsani dejjem għallmitna r-rwol bażiku tad-diversi komunitajiet insara f’dak li jirrigwarda d-djalogu inter-reliġjuż u inter-kulturali. Ejja ningħaqdu fit-talb sabiex jagħti lil dan ir-reġjun il-paċi u r-rispett lejn id-differenzi leġittimi”.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

JITFAKKAR L-ANNIVERSARJU MILL-MEWT TA’ MADRE TERESA

Quddiesa fil-Knisja ddedikata lil Santa Marija ta’ Navicella fakkret il-15-il anniversarju mill-mewt ta’ Madre Teresa. Il-liturġija solenni kienet iċċelebrata mill-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Kardinal Angelo Comastri li qal li “Madre Teresa ilha mejta 15-il sena, iżda l-memorja tagħha għadha ħajja, għax il-qaddisin dejjem iħalla marka. Kif darba qalet hi stess, li l-istorja hi l-inċineratur taa’ kull kburija. Hi kienet umli u hu appuntu minħabba f’hekk li għadha ħajja, bl-eżempju tagħha għadu jaffaxina lil kulħadd”.

Il-Kardinal Comastri fakkar li “l-eżempju ta’ Madre Teresa hu importanti mmens għall-Knisja tal-lum, speċjalment wara li l-Papa sejjaħ is-Sena tal-Fidi. Kull kriżi fi ħdan il-Knisja għandha għeruqha fi kriżi ta’ fidi. Il-Papa qal dan f’ħafna okkażjonijiet u Madre Teresa rrepetietu ħafna”.

Fi tmiem il-liturġija, żewġ relikwarji kienu esposti b’relikwiji ta’ Madre Teresa li l-fidili setgħu iqimu.

Illum, il-Missjonijiet ta’ Karita, li bdiet Madre Teresa ta’ Calcutta, jammontaw għal madwar 50,000 f’madwar 700 dar.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

IL-KONFERENZI EPISKOPALI B’ABBOZZ KONTRA L-ABBUŻ

Il-Malti Mons. Charles J. Scicluna, investigatur ewlieni tal-Vatikan f’każi ta’ abbuż qal li l-maġġoranza tal-konferenzi episkopali fl-Ameriki, l-Ewropa u l-Asja, żammew ma’ mandat tal-Vatikan biex jifformulaw linji-gwida kontra l-abbużi. Mingħajr ma nkluda lill-Afrika, “iktar min-nofs tal-konferenzi episkopali wieġbu sad-data stipulata fl-aħħar ta’ Mejju”, qal Mons. Scicluna mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi f’intervista li saritlu mal-magazin kattoliku Taljan Jesus. Żied li dawk li ma weġbux sad-data stipulata, se jkunu qed jirċievu notament maħsub biex ifakkarhom.
Il-gazzetta tal-Vatikan L’Osservatore Romano, ikkwotat mill-intervista tal-bieraħ u qalet li l-Kongregazzjoni “rċeviet numru inkoraġġanti ta’ risposti minn pajjiżi Anglo-sassoni, imma anki persentaġġ għoli mill-Ewropa, mill-Asja u mill-Amerika Latina”. Waqt li r-riżultat kien irrappurtat bħala wieħed sodisfaċenti, Mons. Scicluna qal fl-intervista li l-Afrika “għandha sitwazzjoni partikolari b’diffikulta kbira fl-istrutturi tal-Knisja”. Hawn hu mifhum li kien qed jirreferi għad-diffikultajiet fl-infrastruttura u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni li fi kliemu qiegħda “toħloq problema biex l-Isqfijiet tal-pajjiż ifasslu politika nazzjonali kontra l-abbuż”. Mons. Scicluna temm jgħid li “l-evalwazzjoni tal-linji gwida u l-politika proposta minn kull pajjiż biex tilqa’ u titratta każi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru fuq minuri, se tieħu madwar sena, bil-proċess jibda wara s-sajf”.

L-Intenzjonijiet tat-Talb tal-Papa f’Ġunju Jiffukaw Fuq l-Ewkaristija

Il-Papa Benedittu XVI, fit-talb tiegħu matul dan ix-xahar ta’ Ġunju, qed jiftakar b’mod speċjali f’kull min jemmen, u qed jitlob sabiex kulħadd jirrikonoxxi l-preżenza ħajja ta’ Ġesu fl-Ewkaristija. L-Appostolatura tat-Talb tal-Papa, bħal ma tagħmel kull xahar, tħabbar l-intenzjoni ġenerali u dik missjunarja tal-Kap tal-Knisja Kattolika. Qalet fil-fatt, li l-intenzjoni ġenerali tal-Papa f’dan ix-xahar hi “sabiex il-fidili jirrikonoxxu fl-Ewkaristija l-preżenza reali ta’ Kristu mqajjem mill-mewt, hu li jakkumpanjahom matul il-ħajja tagħhom ta’ kuljum”.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.