Id-Djakni Permanenti – Se nibdew il-proċess.

L-Arċisqof Pawlu Cremona dwar id-Djakni Permanenti

“Minn din is-sena se nibdew proċess. Hemm grupp li għandhom ċertu esperjenza, u dawn jibdew jagħmlu din ir-riflessjoni, jagħtuni rapport huma, imbagħad fuq hekk nara ftit minn dak ir-rapport dak li naħseb li hu tajjeb u dak li naħseb li mhux tajjeb.”

Din id-dikjarazzjoni dwar it-twaqqif tad-Djakonat Permanenti f’Malta, għamilha Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon RTK.

Continue reading Id-Djakni Permanenti – Se nibdew il-proċess.

Missalin ghat-tfal

DOMANDA
Huwa inkuraġġanti li waqt il-Quddiesa diversi jużaw il-missalin ta’ kuljum. Min jaf kieku jsir missalin għat-tfal, għall-ħdud u għall-festi? Wieħed jista’ jieħu l-mudell tal-missalin li juzaw Franza, li fih il-qari, stampi, spjega ta’ xi kliem fl-istess qari u logħob marbut mat-tema li tkun. Fl-istess ħin hu għodda ta’ katekeżi. Hu missalin prattiku, kif wieħed jinnota fil-liturġija ta’ Ħadd il-Palm, li l-qari tal-Passjoni hu wieħed qasir, biex jintuża fejn issir Quddiesa immirata għat-tfal.
(Joe Galea 2 ta’ April 2012)

TWEĠIBA minn Dun Jesmond Manicaro

L-idea hi sabiha ħafna. Il-problema hi n-nuqqas ta’ riżorsi umani biex jaħdmu fuq proġett bħal dan li jinvolvi grupp ta’ nies li kwazi jaħdmu full time. Nieħu gost nisma aktar kummenti dwar dan. (2 ta’ April 2012)

Tisma’ u ssegwi
Skond il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, il-Liturġija hi l-”azzjoni ta’ Kristu sħiħ”. (KKK) Hija ”l-komunita’ kollha, il-Ġisem ta’ Kristu mar-Ras tiegħu”, jiġifieri ”l-poplu qaddis ta’ Alla”, li tiċċelebra. Għalhekk irid ikun hemm ”tisħib ħaj u attiv tal-fidili”. Minbarra l-lajċi li jintgħażlu biex jieħdu sehem fil-qari taċ-ċelebrazzjonijiet, hemm il-ġemgħa li, jew ikollhom il-messalin, jew isegwu fuq il-fuljetti li tipprovdi l-knisja jew kappella li tkun. Imma għad hawn min hu kontra din il-prattika. Veru li l-kelma t’Alla hi biex tismagħha, u mhux biex issegwiha, kif jirraġunaw xi wħud u ma jaċċettawx li fiċ-ċelebrazzjonijiet li jmexxu huma, in-nies ma jingħatawx l-opportunita’ li jsegwu fuq dawn il-fuljetti? Ftit spjega dwar dan tgħin għal iktar ”għaqda” li hi mixtieqa mill-veru sens tal-Liturġija. (Joe Galea, 7 ta’ April 2012)

Naqbel ħafna ma’ li kiteb is-Sur Joe Galea dwar il-Missalin …

Naqbel ħafna ma’ li kiteb is-Sur Joe Galea dwar il-Missalin għat-tfal. Kull meta nkun il-quddies mat-tifla tiegħi dejjem nispiċċa ninduna li ma tkun qed tifhem xejn milli jkun qed jingħad mill-qassisin għax jużaw forsi xi ftit kliem tqil ghall-eta’ ta’ 8 snin. Nieħu gost jekk isir xi ħaġa dwar dan. Tislijiet.  (Fifi Bugeja,  11 ta’ Lulju 2012)

Courageous.

Illum Festa ta’ San Ġużepp, infakkrukom fil-film Courageous – Eluf ta’ missirijiet fl-Istati Uniti qegħdin iwieġbu s-sejħa biex jiskopru mill-ġdid il-pjan t’Alla għall-paternita’ tagħhom, ispirati mill-film il-ġdid “Courageous”, li l-istess produtturi tal-film “Fireproof” ħarġuh f’forma ta’DVD.

Il-film isegwi l-ġrajja t’erbat irġiel li jitħabtu biex jaqdu l-missjoni tagħhom, “biex iservu u jipproteġu”, kemm bħala uffiċjali tal-pulizija kif ukoll bħala missirijiet.

Continue reading Courageous.

Skola ta’ Evanġelizzazzjoni

PR/2012/001    –  14 ta’ Marzu 2012

Tnedija ta’ Skola ta’ Evanġelizzazzjoni

Permezz tal-Ittra Appostolika Ubicumque et Semper, il-Papa Benedittu XVI waqqaf il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.  Il-kunċett ta’ “evanġelizzazzjoni l-ġdida” l-Papa preżenti jgħid li ssemma’ l-ewwel darba mill-Papa predeċessur tiegħu, il-Beatu Ġwanni Pawlu II, li fl-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici ddeskriviha bħala l-ħidma sfiqa minn lajċi mpenjati sabiex jistabbilixxu komunitajiet ta’ fidi.  Però l-Papa preżenti jisħaq li l-kunċett innifsu ta’ evanġelizzazzjoni kien diġà qed jingħata l-importanza mistħoqqa anke minn Papiet preċedenti, partikolarment dawk ta’ wara l-Konċilju Vatikan II.  F’dan il-konċilju ġiet ikkunsidrata r-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja fl-era moderna. Għalhekk kienet diġà bdiet tinħass il-ħtieġa li l-popli jilqgħu b’mod aktar sħiħ il-Kelma t’Alla mxandra b’relevanza għal żminijietna. F’Malta wkoll, il-ħtieġa li tiżvolġi ruħha din l-evanġelizzazzjoni ilha tinħass ferm. Dan joħroġ ċar b’mod speċjali meta jiġi kkunsidrat il-fatt li mhumiex ftit dawk li jħossuhom indifferenti għal Alla, tant li saħansitra anke f’sitwazzjonijiet ta’ bżonn jista’ jagħti l-każ li mgħadhomx jirrikorru lejH.  Huwa f’dan is-sens li f’Jum il-Lajċi Nsara li għadna kemm fakkarna fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Pro-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Mons. Anton Gouder, stqarr li bħala evanġelizzaturi rridu nibnu pontijiet ta’ ħbiberija ma’ dawk ta’ madwarna biex Ġesù jkun jista’ jgħaddi minn fuqhom, minn għandna għal għandhom. Għal dan il-għan, il-Komunità Kariżmatika ‘Beyond Thyself’ li tiltaqa’ fil-Parroċċa tas-Ssma. Trinità il-Marsa, u li tagħmel parti mill-Komunjoni ta’ Gruppi u Komunitajiet tat-Tiġdid Kariżmatiku f’Malta, qiegħda tniedi skola ta’ Evanġelizzazzjoni.  Din il-viżjoni ħarġet matul iż-żmien, b’ħafna talb u dixxerniment.  Is-siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa li wassluna sabiex inħaddnu din il-viżjoni kienu dawn:

  • “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida; feġġet issa: Għadkom ma ttendejtux?  Se niftaħ triq fix-xagħri, xmajjar fid-deżert” (Isaija 43, 19).
  • “Flok ix-xewk jikber iċ-ċipress, u flok il-ħorrieq jikber ir-riħan, u jkun għall-Mulej tifkira, sinjal dejjiem li ma jinqatax” (Isaija 55, 13).
  • “Ma jkunx hemm aktar lejl, lanqas ma jkun jinħtieġ dawl tal-lampa, lanqas dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jdawwalhom u jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem” (Apokalissi 22, 4).
  • “Għaddu, għaddu mill-bwieb, wittu t-triq għall-poplu, rawmu, rawmu t-triq, naddfuha mill-ħaġar, għollu sinjal għall-popli” (Isaija 62, 10).
  • “U jsejħulhom Poplu Mqaddes, il-mifdijin tal-Mulej, u lilek isejħulek imfittxa, belt mhix mitluqa” (Isaija 62, 12).
  • “Intom il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja; ma tistax tinħeba belt li qiegħda fuq għolja” (Mattew 5, 13; 14-15).
  • “La bil-ħila, la bil-qawwa, imma bl-Ispirtu Tiegħi, jgħid il-Mulej tal-eżerċti” (Żakkarija 4, 6).

Il-mira ta’ din l-iskola hija li trawwem persuni, li wara li jattendu għall-kors, dawn ikunu jistgħu joħorġu jagħmlu xogħol ta’ evanġelizzazzjoni fil-parroċċi.  Għalhekk, din l-iskola hija miftuħa għal dawk li jixtiequ jevanġelizzaw imma jeħtieġu t-taħrig. L-Isem tal-iskola Din l-iskola ingħatat l-isem ta’ ‘Floodlights’; li t-tifsira tiegħu hija li d-dawl ta’ Kristu jrid jinfed id-dlam bil-qawwa tiegħu u jġib il-konverżjoni. Il-Viżjoni L-iSkola ta’ Evanġelizzazzjoni ‘Floodlights’ tfittex li jkollha sehem mill-viżjoni tal-Knisja Kattolika bħala knisja evanġelika.  Aħna nfittxu li nwettqu din ir-realtà billi nipprovdu taħriġ biex nibnu l-Knisja ta’ Kristu kif irid Hu. Il-Missjoni Tagħna Il-missjoni tal-iSkola hija: “Emmen il-Kelma t’Alla, Għallem dak li Temmen, Għix dak li Tgħallem”. L-iSkola ta’ Evanġelizzazzjoni tikkontribwixxi biex tiżviluppa mentalità missjunarja billi toffri programm ta’ formazzjoni biex:

  1. Tifforma Dixxipli – Kattoliċi b’passjoni u qalb biex iwasslu l-Bxara t-Tajba lil dawk li għadhom ma laqgħux lil Ġesù fil-ħajja tagħhom bħala l-Mulej u s-Salvatur.
  2. Tħarreġ Evanġelizzaturi – Tgħin Kattoliċi biex jiżviluppaw il-kapaċità u l-kunfidenza biex jevanġelizzaw.
  3. Tifforma Komunità Evanġelika – Billi twaqqaf l-istruttura neċċessarja fejn l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem bil-qawwa Tiegħu u jġedded il-Knisja.

Sillabu Is-Sillabu tal-iskola ġie mfassal b’tali mod li jinkludi l-aspett Teoretiku (Bibbliku/Duttrinali) kif ukoll l-aspett Prattiku tal-evanġelizzazzjoni.  Għal dan il-għan, kull sessjoni hija maqsuma f’żewġ lezzjonijiet – waħda Teoretika u waħda Prattika.  Dan jassigura li s-suġġetti studjati jkunu trattati b’mod sħiħ. Huwa ppjanat li l-iskola jkollha żewġ ‘terms’ – l-ewwel wieħed ta’ sitt lezzjonijiet (waħda kull ġimgħa kull nhar ta’ Erbgħa), u t-tieni wieħed ta’ tmien lezzjonijiet.  L-aħħar lezzjoni ta’ kull ‘term’ tieħu l-forma ta’ seminar ta’ nofstanhar.  Dan ikun fil-ġurnata tal-Ħadd.  L-ewwel sena tal-iskola se tkun miftuħa għal persuni mill-parroċċa tas-Ssma. Trinità, però jista’ jkun il-każ li jiġu aċċettati persuni minn paroċċi oħra. Is-Sillabu kollu għall-ewwel sena hu dan: L-Ewwel Simestru

It-Tieni Simestru

Sessjoni

Nru.

Suġġett

Data / Ħin

Sena 2012

1A

Ġesù – Jgħallem permezz tal-parabboli

11 t’April

19.00 – 20.30

1B

Il-Katekiżmu llum – Mezzi ta’ evanġelizzazzjoni

18 t’April

19.00 – 20.30

2A

Il-Knisja bħala familja fl-Atti tal-Appostli

25 t’April

19.00 – 20.30

2B

Il-Familja bħala post ewlieni ta’ evanġelizzazzjoni

2 ta’ Mejju

19.00 – 20.30

3A

San Pawl – Xandâr tal-Kelma u li jwaqqaf komunitajiet

9 ta’ Mejju

19.00 – 20.30

3B

L-Għaqdiet Reliġjużi fil-Parroċċa bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni

20 ta’ Mejju

08.30 – 12.30

 Sessjoni 

Nru.

   Suġġett

Data / Ħin

Sena 2012

4A

   Il-Qadi fil-Knisja – L-ewwel Knisja – Djakonija (Sammaritan it-Tajjeb)

5 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

4B

   Ix-Xhieda tagħna fl-għajnuna lil xulxin

12 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

5A

   Il-Ħajja ta’ Talb fil-ħajja tan-nisrani

19 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

5B

   Metodi ta’ Talb

26 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

6A

   Sagramenti u Evanġelizzazzjoni

3 t’Ottubru

19.00 – 20.30

6B

   Tattiċi fil-Komunikazzjoni – Kapaċità lejn djalogu evanġeliku

10 t’Ottubru

19.00 – 20.30

7A

   Kun af aħjar lilek innifsek – Stima personali

17 t’Ottubru

19.00 – 20.30

7B

   Naħsbu Pożittiv

21 t’Ottubru

08.30 – 12.30

Aħna nemmnu li jekk ilkoll nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, l-Ispirtu s-Santu jimraħ bina u jużana biex iwettaq ir-rieda tiegħu fiż-żminijiet tal-lum. Aktar informazzjoni dwar din l-iskola, tista tinkiseb permezz ta’ e-mail lid-diretturi fuq dan l-indirizz: soe.floodlights@gmail.com Ray Cutajar Direttur Ġenerali

Il-Knisja u l-2012

Is-Sena 2012 – Lejn it-tmiem jew lejn bidu ġdid?

Is-sena li għadna kif bdejna, ilha fuq fomm bosta, l-aktar fil-mezzi tal-media sa minn bosta xhur ilu. Kien hemm min interpreta kitbiet antiki biex wasal għall-konklużjoni li tmiem id-dinja hu fil-qrib, eżattament fil-21 ta’ Diċembru 2012.  Oħrajn ma qablux u insistew li l-istess kitbiet ma jħabbrux it-tmiem, imma propju il-bidu ta’ żmien ġdid.

Personalment naħseb li lil bosta persuni, il-logħob bin-numri jimmeraviljhom.  Forsi għaliex fin-numri ta’ din id-data, 20.12.2012,  jilmħu ċertu faxxinu, allura ħasbu li bilfors irid ikun fihom tifsira speċjali, xi kataklażmu straordinarja jew it-twelid ta’ era ġdida. Minn jaf x’għad iridu jivvintaw għad-data 21.12.2112.  Imma sa dakinhar ħafna minna ma jkunux hawn.

Dan kollu, lil uħud iffakkarhom f’dak li suppost kellu jseħħ fil-bidu tas-sena 2000. Imbagħad qalulna li mhux fil-bidu tagħha, imma fi tmiemha.  Għal dawk li bħali għandhom ċerta età, jfakkarhom ukoll fit-tliet ijiem tad-dlam, li kellu jkollna fl-1960.

Continue reading Il-Knisja u l-2012

Twemmin u Fidi l-istess?

Twemmin u Fidi l-istess?

Meta nitkellmu jew nisemgħu oħrajn jitkellmu dwar dan is-suġġett spiss nintebħu li aktarx ma nagħmlux differenza bejn “twemmin” u “fidi”; dak li bl-Ingliż insejħulhom “belief and faith”.

Jista’ jkun …

  • li meta nużaw il-kelma “fidi” aktarx inkunu rridu nfissru “twemmin”?
  • li b’fidi spiss nifhmu dik il-lista ta’ dawk il-veritajiet li li tgħallimna fil-klassijiet tar-reliġjon?
  • li t-twemmin tagħna huwa biss att intelletwali u xejn aktar minn hekk?
  • li f’dan is-sens it-twemmin jista’ jwassal jew forsi ġieli wassal għal ideoloġiji li jkunu wkoll il-kawża ta’ firda, ġlied u gwerrer.

Mill-banda l-oħra, fid-dokument Porta Fidei il-Papa Benedittu XVI jitkellem dwar …

  • il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex wieħed jikkomunikha lill-oħrajn;
  • fidi li tikber meta ngħixuha bħala esperjenza ta’ l-imħabba li rċevejna u meta nikkomunikawha bħala esperjenza ta’ grazzja u ferħ;
  • fidi li twassalna biex nagħtu l-frott, għax twessa` ‘l qalbna bit-tama u tagħmilna kapaċi nagħtu xhieda li tagħti l-ħajja;
  • fidi li tiftaħ il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jisimgħu u jwieġbu għal-istedina tal-Mulej biex jisimgħu kelmtu u jsiru dixxipli tiegħu.

Madankollu il-Papa jitkellem ukoll dwar l-importanza tat-twemmin u l-verità tal-fidi u jgħid li l-fidi tikber u tissaħħaħ biss billi nemmnu. Jikteb li ma hemmx possibiltà oħra biex inkunu ċerti għajr dik li nintelqu dejjem aktar f’idejn l-imħabba li l-għajn tagħha hu Alla.

U inti x’taħseb li huwa meħtieġ fil-Knisja f’Malta biex it-twemmin tagħna jimmatura f’fidi vera?

X’hemm bżonn biex minflok jiddeġenera f’ideoloġija, it-twemmin ikun dak li jwassal li min jemmen f’relazzjoni, mhux ma’ sett ta’ veritajiet imma mal-persuna ta’ Ġesù Kristu?

Wara kollox il-fidi tiegħna mhix f’lista ta’ dommi imma fil-persuna ta’ dak li fih nilmħu l-istess Alla.

Iktbilna.  Napprezzaw ħafna l-kummenti tiegħek.

Ambjent morali kontaminat.

Silta minn Diskors ta’ Vaclav Havel

waqt xandira lill-poplu taċ-Ċekoslovakkja

fil-ħatra tiegħu bħala President

1 ta’ Jannar 1990

 

 (Tradott għall-Maltin minn Dun Hector Scerri)

Aħna ngħixu f’ambjent morali kontaminat. Aħna mradna moralment għaliex drajna nitkellmu b’manjiera differenti mill-mod kif konna naħsbu. Drajna ma nemmnu f’xejn, drajna ninjuraw lil xulxin, drajna nagħtu każ tagħna nfusna biss. Kunċetti bħall-imħabba, il-ħbiberija, il-kompassjoni, l-umilta’ u l-maħfra tilfu l-profondita’ tagħhom u d-dimensjonijiet tagħhom, u għal ħafna minna kienu jew saru jirrapreżentaw biss stramberiji psikoloġiċi, jew kienu jixbħu tislimiet antiki li tlifna. Kienu saru xi ftit ridikoli fi żmien tal-kompjuters u tal-vetturi spazjali.

Continue reading Ambjent morali kontaminat.