Il-paċenzja hi l-lingwa tal-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 18 ta’ Lulju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa tal-okkażjoni tal-100 sena mit-twaqqif tal-Knisja tal-Bidnija. Knisja tas-Sagra Familja, Bidnija.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Mitt sena ilu, intom in-nies tal-Bidnija, missirijietkom, inawguraw din il-knisja li kienu bnew b’idejhom stess. Ħallsuha minn buthom, u għal żmien kienet magħrufa ‘l-Knisja tal-Mitt Lira’. Imma din il-knisja ħelwa tiġbor fiha, dedikata lill-Familja Mqaddsa, il-fidi tagħkom, u t-talba li tagħmlu llum lill-Mulej. Tiġbor il-fidi tagħkom għaliex komunità, li tagħti ħajjitha biex tibni knisja; mhux qed tibni dar, fejn dak li jkun joqgħod u jgħammar mal-familja tiegħu. Imma tifhem u tixtieq li tibni dar fejn jgħammar Alla.

Alla jgħammar kullimkien, m’għandux bżonn il-knejjes li nibnu aħna; għax Alla hu kullimkien, jimla kull art u kull sema, l-ibħra; qiegħed fil-qalb tiegħi u tiegħek; Alla hu Spirtu. Imma għażel li jibni t-tinda tiegħu fostna. U jieħu pjaċir, li meta aħna u nibnu d-djar tagħna, nagħtu spazju wkoll lilu. Għaliex din il-Knisja tgħaqqadna fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba. Tfakkarna f’dak li kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca; dik it-talba sabiħa: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.

Kull meta tgħaddu minn hawn, u hi ċ-ċentru tal-Bidnija, din il-knisja, ftakru f’din it-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Għax inti tista’ tgħaddi ħajtek; aħna ġejna għal erbat ijiem, qisek m’għandekx bżonnu lil Alla. Tkun żagħżugħ mimli b’saħħtek, ħadd ma jista’ jiflaħ għalik. Iż-żmien jibda jgħallmek mod ieħor. Xi żaqżiqa ’l hawn, naqra uġigħ ’l hemm, u tirrealizza, li aħna kemm aħna bravi, aħna kemm aħna qawwijin u b’saħħitna, inkunu boloh li lil Alla ngħidulu m’għandniex bżonnok.

Din il-knisja tgħaqqadna fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.

Int min int? ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. M’hemmx għalfejn inkunu ffissati; billi tiġi nhar ta’ Ħadd għall-quddiesa, mhux se titlef ħafna ħin. Naf li jkollkom ħafna x’tagħmlu; imma aħna li l-Mulej isellifna 24 siegħa kuljum, m’għandniex ċans ngħidu: ‘Mulej din is-siegħa għalik’, u nipprova ma nħarisx lejn il-mobile. Anke it-talb li tagħmlu fid-djar tagħkom, ifakkarkom f’din id-dar, li bnejtu għall-Knisja. Din il-knisja tal-ġebel, imma l-Knisja hi intom, intom l-imsejħin minn Alla.

Is-saċerdot, f’mumenti għeżież tal-quddiesa, isellmilna b’dawn il-kliem: ‘il-Mulej magħkom’. Ħa niftakru meta jgħidhom. Jgħidhom qabel nibdew l-Ewkaristija, qabel nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù, qabel l-Evanġelju. Imma jgħidha wkoll qabel ma nitilqu, qabel jagħti l-barka tal-aħħar.

Kull meta hemm il-preżenza ta’ Ġesù, b’mod speċjali fil-quddiesa, waqt li jinqara l-Evanġelju, hu Ġesù li qed ikellimna, jaqrah is-saċerdot, imma Ġesù li jkellimna; għalhekk is-saċerdot jgħidilna: ‘il-Mulej magħkom’; u aħna ngħidulu: ‘U miegħek ukoll’. U anke qabel Ġesù ma jiġi fuq l-artal, fl-Ewkaristija jerġa’ jfakkarna s-saċerdot: ‘il-Mulej magħkom’; ‘u miegħek ukoll’. Imma jgħidilna wkoll qabel nitilqu; kultant ikun hemm min, lanqas jagħtih ċans. ‘Il-Mulej magħkom’; hi bil-mod, ‘il-Mulej magħkom’. Għaliex il-quddiesa nkompluha wkoll fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna, fuq l-ambjenti tax-xogħol, fir-raba’ tagħna. Il-Mulej magħna, mhux hawnhekk biss.

U allura, meta aħna ngħidulu: ‘Sinjur Alla, jien għandi bżonnok’; ir-risposta tiegħu, taf x’inhi? ‘Jiena miegħek’. Jien għalik ‘Għimmanuel’. Kemm hu isem sabiħ ta’ dan iż-żagħżugħ li hemm fl-istatwa ma’ ommu u ma’ missieru putattiv San Ġużepp. Jismu Ġesù – ‘Alla jsalva’; imma l-Profeta Iżaija jgħidilna wkoll li “jsemmuh Għimmanuel, li bi lsiena jfisser ‘Alla magħna” (Mt 1:23).

Nimmaġinah, issa ma nafx, dan it-tfajjel li għamel l-artist Għawdxi Camilleri Cauchi, jekk għandux tnax-il sena jew le. Imma nħobb nimmaġina li din l-istatwa hi meta joħduh lura wara l-praspura li għamel. Meta lil xi tfal minn tagħkom tgħidulhom, se tagħmilli xi waħda tinkiteb. Ġesù għamel waħda tinkiteb ta’ tnax-il sena, fil-fatt kitibha fl-Evanġelju tiegħu San Luqa. Qabad u baqa’ Ġerusalemm. Telgħu Ġerusalemm fit-tempju. Ta’ 12-il sena tifel Lhudi kien jagħmel ċerimonja, qisha l-Griżma tagħna; aħna l-Griżma nagħtuha liż-żgħażagħ tagħna ta’ 12-il sena; mhux biex jitilqu mill-Knisja, imma biex jien niddikjarhom adulti, li issa għandhom iżjed responsabbiltà.

Ħafna drabi, l-ewwel ħaġa responsabbli li jagħmlu hi li jitilqu, ma jiġux iżjed; imbagħad jikkalmaw donnhom. Imma ta’ 12-il sena Ġesù seta’ jiddiskuti l-Kelma t’Alla ma’ dawk li jgħallmu fis-Sinagoga. U kien fit-tempju, iltaqa’ mal-għorrief, u ħa pjaċir; ta’ 12-il sena, għax bħala żgħażugħ Lhudi seta’ jitkellem magħhom. Missieru u ommu baqgħu sejrin lejn Nazaret, għax mingħalihom li qiegħed ma’ xi ħadd minnhom.

Dak iż-żmien kienu jivvjaġġaw irġiel u nisa għalihom, u t-tfal jiddeċiedu. Ġużeppi qal: la mhux miegħi, qiegħed ma’ ommu. Ommu qalet: la mhux miegħi qiegħed ma’ Ġużeppi għax issa għandu 12-il sena. Mur għidlu, li għadu tifel żgħir! “U ma sabuhx” (Lq 2:45). U “b’qalbna maqsuma” (Lq 2:48), għax hekk qaltlu ommu. “Wara tlitt ijiem sabuh Ġerusalemm fit-tempju bilqiegħda f’nofs l-għalliema” (Lq 2:46). Ommu qaltlu: “Missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2:42). Quddiem in-nies, il-Madonna, lil San Ġużepp dejjem kienet issemmih bħala missier Ġesù.

Il-quddiesa nkompluha wkoll fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna, fuq l-ambjenti tax-xogħol, fir-raba’ tagħna. Il-Mulej magħna, mhux hawnhekk biss.

Il-Papa kiteb dokument sabiħ, Ittra Appostolika fuq San Ġużepp, li semmieha ‘B’qalb ta’ Missier’. U jgħid li San Ġużepp fl-Evanġelju ma jgħidx kelma. Naħseb lill-Madonna ġieli qalilha xi ħaġa – kienu miżżewġin wara kollox. Ma nafx jekk kienx jismagħha biss, għax naħseb ġieli qaltlu xi ħaġa: ‘Kemm domt?’, ‘fejn sejjer?’; jew inkella hu: ‘x’sajjart?’, ‘naqra maħruq’, naqra nej’.

Il-Papa jgħid: San Ġużepp ma qalx kelma, imma kien bniedem, li dak li hemm bżonn jagħmel, jagħmlu. U jgħid xi ħaġa sabiħa: “intom taħsbu, li Alla l-Missier ddeċieda li jsalva lil ibnu u lil ommu Marija, b’xi miraklu? Le! Il-Papa jgħid: “afda kollox f’idejn San Ġużepp”. Qallu jien se nibgħat lil ibni, magħmul bniedem fid-dinja; ħu paċenzja, jekk jista’ jkun l-ewwel nett toqtolhilix. Għax tiftakru, li meta sema’ li Marija tqila, li mhux minnu, “għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19); biex ma jmorrux jakkużawha li marret ma’ ħaddieħor u jħaġġruha. Ta’ bniedem ġust li kien ried isalva lill-omm u lit-tarbija.

Il-Papa jgħid li San Ġużepp isalva lil Marija u lil Ġesù. Imbagħad l-anġlu jispjegalu f’ħolma x’ġara. U jgħidlu: “Inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:21). Inti l-kap, inti missieru, “inti ssemmih Ġesù”. Hekk jagħmel, San Ġużepp iqum, u jagħmel dak li jgħidlu l-Mulej. Il-Papa jgħid li anke fil-Knisja llum, kull min hu mogħti li jieħu ħsieb lil ħaddieħor, irid jagħmel bħal Ġużeppi. Inti għandek ir-responsabbiltà ta’ martek, ta’ żewġek, ta’ wliedek,  in-nanniet ta’ xi neputi jew tnejn, l-għarajjes ta’ xulxin.

Kull min għandu responsabbiltà – Fr Raphael, l-Arċipriet, Dun Ġwann – hu mogħti din il-paternità ta’ qalb ta’ missier. Inti mqarr ikollok annimal id-dar, jew razzett, ħsiebek fihom: ‘Għax tfal u bhejjem, għali dejjem’. L-għali x’inhu? Inkwiet biss? Le! Il-fatt li huma f’qalbek, parti minnek; u San Ġużepp, għalkemm Ġesù ma kienx tiegħu, imma kien f’qalbu. Il-Mulej il-Missier tah din l-imħabba kbira; li mhux biss isalva lil Ġesù, imma lil ommu wkoll. Il-Papa jgħid: “kull fejn hemm Ġesù fil-Knisja, hemm ommu wkoll, u bħal San Ġużepp irridu nieħdu ħsiebu”.

Issa Ġesù fejn qiegħed? Jista’ jkun għandek ommok id-dar, forsi b’xi ħajta dimensja; jekk mhux ħajta, kurdun. Jew xi tifel li joħroġlok għad-divertiment u qabel it-3am ma tismax iċ-ċavetta ddur. Dak Ġesù, u tgħidli: ‘jiena d-duluri’; mhux bilfors. Kull min hu f’xi bżonn speċjali, dak Ġesù. Forsi xi ħadd li naraw u ngħidu: ‘Għaddejja hi!’ Dik ukoll Ġesù. Għax Ġesù qalilna: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Iebsa titlobha, u iebsa tagħtiha l-maħfra.

Irringrazzjaw lil Alla, li 100 sena ilu, missirijietkom għażlu dan it-titlu hekk sabiħ, tal-ewwel knisja sa fejn naf jien, dedikata lil dan it-titlu. Illum għandna l-Parroċċa tal-Iklin ddedikata lil Familja Mqaddsa. Dik mhux mitt sena, dik għad baqgħalha xi 80 sena biex tagħlaqhom. Din naħseb li hi l-ewwel knisja ddedikata lill-Familja Mqaddsa. U allura, itolbuhom lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù biex ibierku lill-familji tagħna.

Ma jimpurtax billi taqbiżlek iċ-ċinga kultant. Il-Papa bħalha riċetta għall-ħajja fil-familja jgħid tliet kelmiet. Jgħidilna ftakruhom, mhux fit-tieġ biss, imma fil-ħajja. Titgħallem tgħid: ‘Jekk jogħgbok’, mhux kollox bid-dritt f’kull aspett. Titgħallem tgħid: ‘Grazzi’. Mhux poġġietlu l-platt fuq il-mejda u xejn. Għid: ‘Grazzi’. Anke jekk maħruq, għid: ‘Grazzi, kemm ġie tajjeb’. Żiedlu naqra ketchup u jgħaddi mal-oħrajn. U ‘sorry’, l-iżjed kelma iebsa, ‘aħfirli’. Għax nonqsu lil xulxin kemm-il darba. Ma ngħidx seba’ darbiet kuljum, kif jgħid is-salm, forsi naqra iżjed: bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil. ‘Aħfirli’. Iebsa titlobha, u iebsa tagħtiha l-maħfra. It-tnejn ibsin – li titlobha u li tagħtiha. Imma m’hemmx triq oħra għall-paċi, la aħna magħġunin kif magħġunin, m’hemmx triq oħra għall-paċi tal-qalb.

U jekk qed nitkellmu fuq il-Familja Mqaddsa, niftakru f’dak li kien qal San Ġorġ Preca, li żgur ġieli smajtuni ngħidha din. X’qal lit-tabib Spiteri; issa t-tabib Spiteri mar il-ġenna wkoll. Dan kien se jiżżewweġ u mar għand Dun Ġorġ jitolbu parir għax ħa jiżżewweġ. Qallu: ‘Mur id-dar, ibni, u fuq kull blata tal-bieb ikteb: ‘Paċenzja, Paċenzja, Paċenzja’. Mhux fuq il-bieb ta’ barra, fuq il-blata ta’ kull bieb, ta’ kull kamra.

It-tabib Spiteri kien jgħid: ‘U kelli bżonnha!’ Għax il-paċenzja hi l-lingwa tal-imħabba. Min jieħu paċenzja għax iħobb. Tkun fi kju, xi tħobb? Tista’ titlef ir-raġuni wkoll. Imma jekk għandek tifel marid, u min jaf kemm-il pjan kellek, toqgħod miegħu u tieħu paċenzja għax tħobbu. Jekk għandek il-mara ma tiflaħx, tħalliha weħidha? Mhux tieħu paċenzja. Jekk tħobb tieħu paċenzja; u tieħu paċenzja għax tħobb.

San Ġużepp ħa paċenzja, u l-Madonna ma ħaditx paċenzja? Ħin minnhom, ta’ 30 sena, meta San Ġużepp kien miet, qalilha: ‘Ma, jien issa se noħroġ nipprietka. X’qaltlu, kienet armla; ma kellhiex min iżommha. Dak iż-żmien ma kienx hemm il-bolol, tħallas il-bolla, fiż-żmien l-Imperatur. Min ma għandux joħroġ jittallab. L-armla kienet tiddependi mill-karità tal-familja u tan-nies. Fil-fatt, f’Nazaret żgur il-Madonna kellha dawk li aħna nsejħulhom ħutha u wliedha, aħwa ta’ Ġesù. Kien hemm min jieħu ħsiebha, imma mhux it-tifel.

Allura tiftakru Ġesù kemm kien iħoss għar-romol. Nimmaġinah jiftakar f’ommu, li ħalla Nazaret, armla ta’ Ġuzeppi. Meta ra lill-armla ta’ Najm tibki, l-uniku tifel tagħha mitilha; la armla, lanqas ir-raġel m’hemm ovvjament; Ġesù jqajmu mill-mewt, u jerġa’ jagħtihulha, biex ikun jista’ jieħu ħsiebha. Jew dik l-armla li jaraha titfa’ żewġ ħabbiet. Kulħadd qed jitfa’ ħafna flus. Kellhom qisu kaldarun kbira tal-bronż, jiġifieri, is-sinjuri kienu jħobbu jmorru jċekċku l-muniti biex jagħmlu l-iżjed storbju u din kellha żewġ ħabbiet. Min jaf xi storbju għamlu dawn? U Ġesù jgħidilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor” (Mk 12:43). Għaliex “tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix” (Mk 12:44)? Fiduċja kbira f’Alla li se jsib min jgħinha. Issa kif se jgħinha Alla? Għax aħna ngħidu, sewwa kellha żewġ ħabbiet tathom it-tempju, issa min se jgħinha?

Jekk tħobb tieħu paċenzja; u tieħu paċenzja għax tħobb.

Il-Papa jgħidilna: intom! Bħalma għamel Ġuzeppi. Vera li Ġuzeppi kien ikellmu Alla fil-ħolm, għal darba, erba’ darbiet, imma imbagħad kien ixammar il-kmiem u jara x’se jagħmel. Qallu mur l-Eġittu; u mar. Imma kellu jara kif se jgħajjex lill-Madonna u lill-Bambin. U l-Eġittu, il-Papa jgħid kellu jaħdem b’idejh biex isib kif imantni lill-mara u lit-tifel.

Il-Papa Pawlu VI, meta mar Nazaret, hekk qalilna: “Din id-dar qaddisa li fiha għexu l-Madonna, San Ġuzepp, u Ġesù, hi dar imbierka; imbierka bis-silenżju, imbierka bit-talb, imbierka bil-bżulija u bix-xogħol. L-Iben t’Alla li jaqla’ x’jiekol bl-għaraq ta’ ġbinu”. Kemm hi tagħlima sabiħa din. U mmaġinawhom allura meta taraw l-istatwa ħelwa li għandkom, il-Madonna u San Ġuzepp, minn Ġerusalem qed jeħduh lura Nazaret. San Luqa jgħidilna: “kien jobdihom” (Lq 2:51). U hekk “Ġesù baqa’ jikber fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:52).

Jien nawguralkom ħafna f’dan l-ewwel ċentinajru ta’ din il-Knisja. Li din il-Knisja mhux biss tfakkarhom, kemm ħabbew lil Alla missirijietkom, imma meta wliedkom u wlied uliedkom jiftakru fikom, jiftakrukom ukoll hawnhekk, imma dik xi ħaga li nħalli f’idejkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 23, 1-6
Salm: 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
Qari II: Efes 2, 13-18
Evanġelju: Mk 6, 30-34

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading