Il-Papa f’Santa Marta: Il-ħobż maħmuġ tal-korruzzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru 2013: L-amministraturi korrotti, devoti tal-alla ‘tixħim’, jikkommettu dnub gravi kontra d-dinjità u jagħtu jieklu ħobż maħmuġ lill-istess uliedhom: għal din il-‘makakkerija dinjija’, hemm bżonn li nwieġbu bil-‘makakkerija nisranija’ li hija don tal-Ispirtu Santu. Dan qalu l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa l-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru 2013, filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, waqt li ppropona riflessjoni fuq il-figura tal-amministratur diżonest deskritta fis-silta liturġika tal-Evanġelju ta’ Luqa (16, 1-8).

Il-Mulej, qal il-Papa, jerġa’ għal darb’oħra jkellimna dwar l-ispirtu tad-dinja, dwar il-mondanità: kif taġixxi din il-mondanità u kemm hija perikoluża. U Ġesù, proprju hu, fit-talba wara ċ-ċena ta’ Ħamis ix-Xirka kien talab lill-Missier sabiex id-dixxipli tiegħu ma jaqgħux fil-mondanità, fl-ispirtu tad-dinja.

Il-mondanità, tenna l-Papa, hija l-għadu. U hija proprju l-atmosfera, l-istil ta’ ħajja tipika tal-mondanità – jew aħjar l-għajxien skont il-valuri tad-dinja – li jogħġob tant lid-demonju. Mill-bqija, meta aħna naħsbu dwar l-għadu tagħna, naħsbu l-ewwel dwar id-demonju, għaliex huwa proprju dak li jagħmlilna ħażin.

Eżempju ta’ mondanità huwa l-amministratur deskritt fil-paġna evanġelika. Xi ħadd minnkom, osserva l-Papa, jista’ jasal li jgħidli: ‘Imma dan ir-raġel għamel dak li jagħmel kulħadd.’ Fir-realtà, ilkoll, le! Dan huwa l-mod kif jagħmlu ċerti amministraturi, amministraturi tal-azjendi, amministraturi pubbliċi, ċerti amministraturi tal-gvern. Jistà jkun li mhumiex ħafna. Fis-sustanza huwa ftit jew wisq dak l-atteġġjament tat-triq l-iktar qasira, l-iktar komda biex taqla’ l-għajxien. L-Evanġelju jirrakkonta li s-sid faħħar lil dak l-amministratur diżonest. U dan, ikkummenta l-Papa, huwa tifħir għat-tixħim. Id-drawwa tat-tixħim hija drawwa dinjija u tassew midinba. Bla ebda dubju ta’ xejn, hija drawwa li m’għandha x’taqsam xejn ma’ Alla.

Infatti, kompla Franġisku, Alla kkmandana nġibu d-dar il-ħobż maqlugħ bix-xogħol onest. Minflok, dan l-amministratur kien jagħti lil uliedu ħobż maħmuġ. U wliedu, forsi edukati f’kulleġġi li jqumu ħafna, forsi mrobbija f’ambjenti kolti, kienu rċevew mingħand missierhom il-ħmieġ bħala ikel. Għaliex missierhom, billi d-dar kien iġib ħobż maħmuġ, kien tilef id-dinjità. U dan huwa dnub gravi. Jista’ jkun, speċifika l-Papa, li dan jibda b’daqsxejn ta’ tixħima, imma din bħad-droga. U wkoll jekk l-ewwel tixħima tkun ċkejkna, imbagħad tiġi dik l-oħra u dik l-oħra: u nispiċċaw bil-marda tad-drawwa tat-tixħim.

Il-Qdusija Tiegħu saħaq li ninsabu quddiem dnub tant gravi għaliex imur kontra d-dinjità, dik id-dinjità li biha aħna midlukin bix-xogħol. Mhux bit-tixħim, mhux b’din id-drawwa tal-makakkerija mondana. Meta aħna naqraw fil-ġurnali jew naraw fuq it-televiżjoni wieħed li jikteb jew jitkellem dwar il-korruzzjoni, forsu naħsbu li l-korruzzjoni hija kelma. Il-korruzzjoni hija din: ma taqlax il-ħobż b’dinjità.

Hemm iżda triq oħra, dik tal-‘makakkerija nisranija’ – bejn l-inverted commas, qal il-Papa – li tippermetti li nagħmlu l-affarijiet ftit aħjar imma mhux bl-ispirtu tad-dinja. L-istess Ġesù qalhulna: għaqlin bħas-sriep, puri bħall-ħamiem. Li npoġġu flimkien dawn iż-żewġ realtajiet huwa grazzja u don tal-Ispirtu Santu. Għal dan hemm bżonn nitolbu lill-Mulej, li nkunu kapaċi nipprattikaw l-onestà fil-ħajja, li tgħinna naħdmu kif imissna naħdmu mingħajr ma nidħlu f’dawn l-affarijiet. Il-Papa Franġisku tenna li din il-‘makakkerija nisranija’ – l-għaqal tas-serp u l-purezza tal-ħamiema – hija don, hija grazzja li jagħtina l-Mulej. Imma hemm bżonn li nitolbuhielu.

Il-ħsieb tal-Papa Franġisku laqat ukoll lill-familji tal-amministraturi diżonesti. Forsi llum, qal, jagħmel tajjeb għalina lkoll li nitolbu għal tant trabi u tfal li jirċievu ħobż maħmuġ mingħand il-ġenituri tagħhom. Dawn ukoll huma bil-ġuħ: bil-ġuħ għad-dinjità. Minn hawn l-istedina biex nitolbu sabiex il-Mulej ibiddel il-qalb ta’ dawn id-devoti tal-alla tixħim, sabiex jifhmu li d-dinjità tiġi mix-xogħol xieraq, mix-xogħol onest, mix-xogħol ta’ kuljum, u mhux minn dawn it-toroq l-iktar faċli li fl-aħħar jeħdulek kollox. Ukoll għaliex, temm jgħid il-Papa, hemm ir-riskju li jispiċċaw bħal dak il-persuna li dwaru jitkellem l-Evanġelju, li kellu tant imħażen tal-qamħ, tant torrijiet, ilkoll mimlijin, u li bihom ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. ‘Dal-lejl trid tmut,’ qal il-Mulej. Dawn l-imsejkna nies li tilfu d-dinjità fil-prattika tat-tixħim, iġorru magħhom mhux il-flus li qalgħu, imma biss in-nuqqas ta’ dinjità. Nitolbu għalihom.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading