Jivvibraw mad-dinja – il-Qniepen fil-kampnari

Print Friendly, PDF & Email

Parti mill-kultura Nisranija

Ikun hawn min tiġih nostalġija għall-qanpiena li kienet tindaqq mill-Qasam tal-Museum biex issejjaħ it-tfal għad-‘duttrina’, kif kien bosta drabi jissejjaħ it-tagħlim tal-katekiżmu. Għadhom jidwu f’widnejn min laħaq dak iż-żmien it-tokki tal-qanpiena, 2 għal 20 darba u 3 fl-aħħar. Sal-lum għadek issib il-qanpiena fuq xi bjut tal-oqsma, imma għajr fejn xi soċju anzjan għadu jżomm ħaj din id-drawwa, il-qniepen tal-Oqsma ilhom li siktu, hekk kif iż-żmien bidel id-drawwiet u daħħal ilħna oħra. Interessanti li l-qanpiena hi l-vuċi li ssejjaħ it-tfal għad-duttrina fl-esteru, barra minn xtutna, fil-Qasam ta’ Julio C. Tello, f’Lurin, il-Perù.

Il-qanpiena tal-Qasam hi parti minn familja numeruża, minn qniepen żgħar tal-idejn li fir-rumanzi klassiċi s-seftura ddoqq biex il-mistidnin jinġabru madwar il-mejda, sal-ikbar qanpiena fil-kampnari tal-katidrali. Fil-qniepen hemm kultura u hemm storja u, għajr xi qniepen li m’għandhomx konnessjoni reliġjuża, huma parti mill-kultura Nisranija.

Fabbrika antika tal-qniepen

Fost ir-rakkonti marbutin ma’  dan is-suġġett, wieħed isib dak ta’ funderija magħrufa, li l-qniepen tagħha għadhom sal-lum jivvibraw b’leħenhom mad-dinja. L-avventura ta’ din il-funderija, bil-marka Paccard, bdiet fl-1796, ftit wara r-rivoluzzjoni Franċiża. Antoine Paccard kien is-sindku żagħżugħ tal-villaġġ ta’ Quintal, fis-Savoja ta’ Fuq, li dak iż-żmien kienet parti mill-Ġermanja. Antoine iddeċieda li jiftaħ mill-ġdid il-knisja tal-villaġġ, li kienet ingħalqet f żmien ir-rivoluzzjoni. Il-kappillan kien baqa’  lura milli jħallas it-taxxi mitluba skont il-Kostituzzjoni Ċivili tal-Kleru li ġiet imposta fuq il-Knisja Franċiża mir-reġim rivoluzzjonarju. Dan wassal biex żewġ qniepen tal-knisja ġew imdewba biex għamlu minnhom żewġ kanuni tal-gwerra. Wara t-talba ta’ Antoine Paccard biex tinfetaħ il-knisja, l-isqof tad-djoċesi ddikjara hekk lill-maġistrat ewlieni tal-lokal: “Jekk tridu li nerġgħu niftħu l-knisja, tridu tagħmlu l-qniepen.”

Dan wassal biex Antoine ġab mgħallem li jaħdem il-qniepen u kkummissjonalu qanpiena mdaqqsa għall-knisja. Is-sindku ried juri l-ħbiberja tiegħu mal-Knisja fil-perjodu ta’ taqlib li ġabet magħha r-rivoluzzjoni. Fl-entużjażmu tiegħu kien jgħaddi s-sigħat jgħin lill-imgħallem fix-xogħol tiegħu, hekk li tgħallem is-sengħa ta’ kif jinħadmu l-qniepen. ‘Il quddiem, Antoine beda l-funderija tiegħu u wliedu u ta’ warajhom komplew f’dan ix-xogħol. Għalkemm kienu minn Savoja, il-familja Paccard kellhom sehem kbir fil-bini tal-patrimonju Franċiż ta’ qniepen, li 80 fil-mija minnhom kienu tneħħew fir-rivoluzzjoni. Illum il-funderija Paccard, li tinsab fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Annecy, hi waħda mill-aħħar li fadal mill-funderiji ta’ qniepen fi Franza.

Kull sena joħorġu iktar minn 700 qanpiena mill-fabbrika li bdiet fi Quintal, villaġġ li sar jagħmel ma’ Franza wara li s-Savoja għaddiet taħt il-pajjiż fl-1860. Fost l-opri kbar tagħha, il-fabbrika kellha l-unur li fl-1891 tiġi mitluba tibni qanpiena ta’ 19-il tunnellata għall-kampnar tal-bażilka tas-Sacre Coeur ta’ Montmartre, fin-naħa t’isfel ta’ Franza. Mal-wasla tal-ferroviji, inħadmu ħafna qniepen minn Paccard għal pajjiżi oħra, l-aktar għall-Istati Uniti u l-Ġappun. Interessanti li waqt iż-żjarat kulturali fil-mużew tal-qniepen ta’ Paccard, dawn isemmu lil Malta b’mod speċjali, li “hemmhekk għandhom kultura vera tal-qniepen. F’Malta qanpiena li tiżen tunnellata mhix waħda rari, waqt li fi Franza hi meqjusa bħala kbira ħafna.”

Is-sengħa kif jinħadmu l-qniepen

Minħabba li ma jeżistux skejjel tas-snajja’ li huma biss għal dik tal-qniepen, is-sengħa tal-qniepen tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Aspett importanti fil-funderija tal-qniepen hu n-nota li toħroġ mad-daqq ta’ qanpiena partikulari għax in-nota trid tkun taqbel mas-sett tal-qniepen l-ohra meta jindaqqu flimkien, inkella tinħass stunata.

Wieħed minn sħabna s-Soċji tal-Museum ġieli rrakkonta storja ta’ qanpiena li kienu ġabu għall-knisja tal-Furjana. Meta John Sapiano, mill-Imsida, kien Soċju fil-qasam tal-Furjana, kien imur għal-lezzjonijiet tal-armonju għand surmast anzjan tal-mużika, Agostino Camilleri, li kien joqgħod lejn it-telgħa tax-xatt. Inzerta li t-trakk bil-qanpiena li kienu qed itellgħu mill-port għall-knisja ta’ San Publju għadda mit-triq tas-surmast u waqaf għal xi ħaġa jew oħra. Xi ħadd fettillu jdoqq nota mill-qanpiena. Is-surmast Camilleri qal minnufih lil Sapiano: “Din stunata.” Il-burdnara komplew bil-vjaġġ u qiegħdu l-qanpiena fuq iz-zuntier tal-knisja biex ilestu għaċ-ċerimonja biex itellgħuha fuq il-kampnar. Inzerta li l-Arċipriet, Dun Angelo Ghigo, ukoll kellu widna għall-mużika u kif sema’ t-tokk tal-qanpiena, qal li din kienet stunata. Fil-fatt ħaduha lura l-fabbrika biex tiġi intunata.

L-intunar fix-xogħol tal-qniepen hu proċess importanti, li l-qanpiena tgħaddi għalih wara li tiġi mnaddfa u rraxkata sew b’apparat apposta. Jgħaddu minn fuq għal isfel tal-qanpiena biex iqiegħdu l-ilsien fejn isib in-nota ġusta. Qabel ma jibdew l-intunar ikun hemm bżonn li jikkunsidraw il-pajjiz fejn se tmur għax it-tonalità  tiddependi wkoll mit-temperatura.

Bħal kull ħaġa oħra, il-qniepen tiġrilhom il-ħsara. Il-proċess f’każ ta’  qanpiena li tixxaqqaq fih xogħol li ftit jafu jagħmluh. Is-soċju Tusè Mallia mill-Qasam ta’ Ħal-Luqa kien espert f’dan ix-xogħol. Kien il-gost tiegħu jirrakkonta kif issir it-tiswija tal-qniepen billi kienu jinħadmu u jissewwew għall-vapuri fit-Tarzna. Tusè sewwa diversi qniepen, fosthom waħda fiż-Żejtun u oħra fil-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ftajjar f’Ħal Luqa stess.

Biex tissewwa l-qanpiena fil-Qasam ta’ Ħaż-Żebbuġ kien hemm bżon ħafna preparazzjoni qabel. Xi soċji ħaduha f’għalqa, ġabu tank tal-aċitilena u ħaffru ħofra fil-ħamrija għal-lest. Tusè daħal għax-xogħol billi ġieb il-qanpiena red-hot bin-nar u ħadem fuqha bil-welding. Wara li tlesta x-xogħol kollu difnuha fil-ħamrija għal madwar ġimgħa biex tiksaħ bil-mod. U ġiet qisha qanpiena ġdida.

Il-missjoni tal-qniepen

Karatteristika tal-qniepen tal-knisja hi li dawn jinstemgħu u jingħarfu mill-bogħod. Hawn min isejħilhom “il-katekiżmu tal-bronż”. Il-bronż jassigura reżistenza mekkanika u l-kwalità tal- akustika tal-qanpiena. Il-qniepen huma l-vibrazzjoni bejn il-bniedem u s-sema. Isejħu għall-quddies tal-ġurnata, ifakkru fil-ħin tal-Angelus fejn jindaqqu, iferrħu fil-festi, speċjalment fil-waqtiet qawwija tal-istaġun liturġiku, u wkoll dawk tal-parroċċi. Dejjem impressjonawni l-qniepen tal-knejjes tal-Cottonera, li tant jinstemgħu sbieħ fuq in-naħa l-oħra tal-baħar. Fi żmien ta’ gwerra, il-qniepen kellhom il-funzjoni li javżaw lin-nies dwar invażjoni mill-għadu jew iħabbru r-rebħa. Kien għal dan l-iskop li l-invażuri kienu jdewbu l-qniepen u jibdluhom f’kanuni u b’hekk isikktu lin-nies mirbuħa. Il-qniepen isemmgħu n-noti kiebja għal min ikun ħalla din il-ħajja. Hawnhekk tidwi t-tielet nota minuri tal-mużika, li hi nota melankonika. Akbar ma tkun il-qanpiena, aktar ikollha ħoss gravi.

Sewwa qal xi ħadd li “kemm jekk tibki, kif ukoll jekk tifraħ, il-qanpiena titlob dejjem.”

Joe Galea

Deher l-ewwel darba fil-Kalendarju Museumin tas-Socjeta’ tad-Duttrina Nisranija, MUSEUM, fil-harga ta’ Lulju Awwissu 2021.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading