The Big Silence

Il-Valur tas-Silenzju

Stħajjel li flimkien ma xi persuni oħra, inti tkun mistieden tgħaddi xi jiem fis-skiet ta’ monasteru fil-kampanja?  Forsi mal-ewwel daqqa t’għajn ma tidhirx idea ħażina hux?

Imma issa stħajjel ukoll li matul dawn il-jiem, intom ma tkunux tistgħu titkellmu la bejnietkom u lanqas ma oħrajn.  Ma jkollkom la radju u lanqas televiżjoni.  Ma taqrawx ġurnali. La tistgħu tużaw l-internet u lanqas il-computer.  Li matul dawn il-jiem, lanqas tkunu tistgħu ċċemplu lil ħbiebkom jew lil tad-dar.

Dan huwa eżatt dak li jiġri meta l-Abbati Benedittin Christopher Jamison joħroġ mill-monasteru jfittex ħames persuni komuni mis-soċjetà bl-iskop li jurihom u jgħallihom il-valur tas-silenzju.

Għalissa, l-istedina tiegħi għalik mhix li tagħmel bħalhom, imma li permezz ta’ dokumentarju mħejji mill-BBC, inti taqsam magħhom ftit mill-mumenti ta’ din l-esperjenza tassew profonda.

Il-dokumentarju twil madwar tliet siegħat, iżda maqsum fi tnax-il parti ta’ madwar kwarta kull waħda.  Għalhekk ikun tajjeb li ma tarahx kollu f’salt, imma biċċa, biċċa.

Minkejja t-taħbit u l–impenji tiegħek, nistiednek biex tfittex ftit ħin kuljum ħalli tara dan il-filmat u wara li tkun rajt kull parti tagħmel ftit ħin ta’ riflessjoni dwar il-valur veru tas-silenzju – mhux bħala ħarba mir-realtajiet tal-ħajja, imma bħal valur nisrani fejn il-bniedem l-ewwel jiskopri tassew lilu nnifsu biex f’dak il-ħin jiskopri wkoll lil Alla.

Napprezza ferm jekk wara, inti wkoll taqsam magħna xi ħsibijiet tiegħek dwar dan.

Kitba interessanti minn Thomas Merton dwar il-valur tas-silenzju tista’ ssibha hawn … > http://www.laikos.org/Thomas_Merton_Creative_Silence.pdf

Biex tara il-filmat, “The Big Silence” ikklikkja hawn …>