Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu

 
KTIEB LI KULL FAMILJA GĦANDU JKOLLHA –
għodda imprezzabbli għall-qraba ta’ persuni b’mard mentali
 

Żewġ għaqdiet volontarji ħadmu id f’id biex ipproduċew ktieb li se jkun imprezzabbli għall-qraba ta’ min isofri minn mard mentali. Imsejjaħ Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu – vjaġġi ta’ tama mterrqa minn qraba ta’ persuni b’mard mentali, il-ktieb hu sforz kollaborattiv tal-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali u tas-St Jeanne Antide Foundation. Din il-pubblikazzjoni hija attività għal din is-sena Ewropea tal-Volontarjat u ħadu sehem fiha 30 voluntier.

Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu joffri tama lil familjari li jħossuhom mtaqqla bir-responsabbiltà kbira tal-kura ta’ membru tal-familja b’mard mentali. Erbatax mid-dsatax-il kapitlu huma miktuba minn familjari b’esperjenza twila ta’ kura ta’ membru tal-familja b’mard mentali. Dawn il-kittieba mġarrba ddeċidew li jgħinu qraba bħalhom billi jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-pubbliku Malti fejn għad hawn biża’ u ħemda dwar il-mard mentali. Continue reading “Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu”

Pentekoste fil-Mellieħa

L-Assoċjazzjoni Volontiera ta’ Lourdes (AVL), f’dan ix-xahar iddedikat lil Ommna Marija, qed torganizza katina ta’ Rużarju li se ttella’ fis-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa.

Din il-katina bit-tema “Ngħidu r-Rużarju Flimkien” se ssir bejn is-Sibt 26 u l-Ħadd 27 ta’ Mejju, jum Pentekoste, mit-tmienja ta’ filgħaxija sat-tmienja ta’ filgħodu. Nibdew is-Sibt b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali fis-6.30pm u wara Purċissjoni Aux Flambeaux sas-Santwarju fejn mistenni li jibda r-rużarju meditat għall-ħabta tat-8.00pm.

L-Assoċjazzjoni tixtieq tistieden lill-membri tal-parroċċa, kummissjonijiet, fratellanzi u għaqdiet oħra sabiex jitħajru jieħdu sehem f’xi ħin jew ieħor.

Min jixtieq jissieħeb f’dil-katina ta’ rużarju ġentilment mitlub jibgħat email lil cinilouise@gmail.com  jew sandrogalea@gmail.com. mill-aktar fis possibbli.

Il-Papa jitlob għad-difiża tal-Familja

Matul dan ix-xahar ta’ Mejju, il-Papa Benedittu XVI qed jitlob prinċipalment għad-difiża tal-familji. L-Appostolatura tat-talb tal-Papa qalet li l-intenzjoni ġenerali tat-talb tal-Kap tal-Knisja Kattolika għal Mejju hija “biex ikunu promossi inizjattivi li jiddefendu u jsostnu l-irwol tal-familja fi ħdan is-soċjeta”. L-intenzjoni missjunarja tat-talb tal-Papa tul Mejju hi biex “Marija, Sultana tad-dinja u Kewkba tal-Evanġelizzazzjoni, takkumpanja lill-missjunarji kollha fil-proklamazzjoni ta’ binha Ġesu”.

Din l-informazzjoni nġabret mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

Flimkien għall-Ewropa 2012

“Flimkien għall-Ewropa” – 12 ta’ Mejju 2012

L-impenn ta’ 300 Moviment u Komunità minn Knejjes insara differenti fi Brussell u f’aktar minn 130 belt fil-kontinent. Akkoljenza u Integrazzjoni, Paċi, Ekonomija, Ambjent, Familja huma xi wħud mis-suġġetti li ser ikunu affrontati.

Fit-12 ta’ Mejju 2012 il-belt ta’ Brussells ser issir iċ-ċentru ta’ poplu li jrid juri d-dinamiżmu ta’ dik l-imħabba tal-aħwa li ġa teżisti fil-kontinent. Din it-tielet edizzjoni internazzjonali ta’ Flimkien għall-Ewropa qed tiġi definita bħal biċċa mużajk magħmula minn nies ta’ kull età, ġejjin minn 300 moviment u għaqdiet insara differenti li ser jinġabru fl-istess ħin fi Brussells u f’aktar minn 130 belt oħra fl-Ewropa. Malta ser tipparteċipa kemm b’delegazzjoni li ser titla’ Brussell kif ukoll b’avveniment lokali: Run4Unity. L-Eċċellenza Tiegħu il–President ta’ Malta, Dr. George Abela ser jagħmel il-ftuħ uffiċċjali tar-Run4Unity. Continue reading “Flimkien għall-Ewropa 2012”

Għoti tal-Ministeru tal-Lettorat

Żewġ seminaristi, Luke Cutajar mill-Parroċċa tar-Rabat u Brian Gialanzè mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, nhar is-Sibt 28 t’April fis-6.30 p.m. ingħataw il-Ministeru tal-Lettorat mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., fil-Parroċċa ta’ San Piju X, Santa Luċija.

Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminaristi jsiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma t’Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Huma ser ikollhom ukoll ir-responsabiltà li jxandru l-Kelma t’Alla permezz tal-katekiżmu kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni nisranija. Dan il-ministeru jingħata lis-seminaristi li jkunu waslu fil-ħames sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju u għalhekk dan ikun pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju.

Il-Komunità tas-Seminarju tistedinkom biex tkomplu titolbu għal aktar vokazzjonijiet, b’mod speċjali għal dawn iż-żewġ seminaristi ħalli l-Mulej jagħmel minnhom rgħajja skont qalbu.

Messaġġ tal-Arċisqof għal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem

This slideshow requires JavaScript.

Qegħdin miġburin hawnhekk fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Għalina li nemmnu, kull jum, minbarra li nħarsu lejh mil-lenti tagħna l-bnedmin, nippruvaw inħarsu lejh ukoll mil-lenti tal-fidi tagħna. Għalhekk waqt li aħna niċċelebraw Jum il-Ħaddiem u niftakru fil-bżonn u fid-dinjita’ tax-xogħol, inġibu fil-ħsieb tagħna, il-qaddis prottettur tal-ħaddiema, San Ġużepp Ħaddiem. Fl-Evanġelju kull ma nsibu fuqu huwa li kien bniedem ġust quddiem Alla u li kien mastrudaxxa. Mela San Ġużepp jurina li huwa possibbli li bix-xogħol nogħġbu ħafna lil Alla.

Continue reading “Messaġġ tal-Arċisqof għal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem”

Id-Dibattitu dwar il-Liberta Reliġjuża hu Twissija għall-Ewropa

Il-Kardinal irtirat Giovanni Lajolo qal li d-dibattitu attwali fl-Istati Uniti dwar il-liberta reliġjuża għandu jispira lill-Kattoliċi fl-Ewropa sabiex jirsistu għal protezzjoni legali ikbar f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tagħhom li joġġezzjonaw quddiem “normi leġislattivi li minħabba l-implikazzjonijiet morali tagħhom, huma f’kunflitt man-normi morali affermati uffiċjalment mill-awtoritajiet reliġjużi tal-individwu”. Il-Kardinal Lajolo, li kien President tal-Kummissjoni li tmexxi l-iStat tal-Vatikan, għamel ir-rimarki tiegħu f’taħdita fl-iskola tal-liġi fi ħdan l-Università Kattolika tal-Qalb Imqaddsa f’Milan.

Ħajr lil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.