Għoti tal-Ministeru tal-Lettorat

Żewġ seminaristi, Luke Cutajar mill-Parroċċa tar-Rabat u Brian Gialanzè mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, nhar is-Sibt 28 t’April fis-6.30 p.m. ingħataw il-Ministeru tal-Lettorat mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., fil-Parroċċa ta’ San Piju X, Santa Luċija.

Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminaristi jsiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma t’Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Huma ser ikollhom ukoll ir-responsabiltà li jxandru l-Kelma t’Alla permezz tal-katekiżmu kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni nisranija. Dan il-ministeru jingħata lis-seminaristi li jkunu waslu fil-ħames sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju u għalhekk dan ikun pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju.

Il-Komunità tas-Seminarju tistedinkom biex tkomplu titolbu għal aktar vokazzjonijiet, b’mod speċjali għal dawn iż-żewġ seminaristi ħalli l-Mulej jagħmel minnhom rgħajja skont qalbu.

Messaġġ tal-Arċisqof għal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem

This slideshow requires JavaScript.

Qegħdin miġburin hawnhekk fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Għalina li nemmnu, kull jum, minbarra li nħarsu lejh mil-lenti tagħna l-bnedmin, nippruvaw inħarsu lejh ukoll mil-lenti tal-fidi tagħna. Għalhekk waqt li aħna niċċelebraw Jum il-Ħaddiem u niftakru fil-bżonn u fid-dinjita’ tax-xogħol, inġibu fil-ħsieb tagħna, il-qaddis prottettur tal-ħaddiema, San Ġużepp Ħaddiem. Fl-Evanġelju kull ma nsibu fuqu huwa li kien bniedem ġust quddiem Alla u li kien mastrudaxxa. Mela San Ġużepp jurina li huwa possibbli li bix-xogħol nogħġbu ħafna lil Alla.

Continue reading “Messaġġ tal-Arċisqof għal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem”

Id-Dibattitu dwar il-Liberta Reliġjuża hu Twissija għall-Ewropa

Il-Kardinal irtirat Giovanni Lajolo qal li d-dibattitu attwali fl-Istati Uniti dwar il-liberta reliġjuża għandu jispira lill-Kattoliċi fl-Ewropa sabiex jirsistu għal protezzjoni legali ikbar f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tagħhom li joġġezzjonaw quddiem “normi leġislattivi li minħabba l-implikazzjonijiet morali tagħhom, huma f’kunflitt man-normi morali affermati uffiċjalment mill-awtoritajiet reliġjużi tal-individwu”. Il-Kardinal Lajolo, li kien President tal-Kummissjoni li tmexxi l-iStat tal-Vatikan, għamel ir-rimarki tiegħu f’taħdita fl-iskola tal-liġi fi ħdan l-Università Kattolika tal-Qalb Imqaddsa f’Milan.

Ħajr lil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.

The Monastery

The Monastery – Film tal-BBC

Regolarment nilmentaw għaliex għandna ħafna x’nagħmlu, li ma nafux mnejn se nibdew u fejn se nispiċċaw, nixtiequ li l–ġurnata fiha aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa. Donnu li aktar ma t-teknoliġija moderna tipprovdilna għajnuniet biex iħaffulna x-xogħol, aktar insibu x’nagħmlu. U meta kultant jirnexxilna nieħdu vaġanza, mhux biss naslu lura aktar għajjiena, imma aktarx insibu li x-xogħol li ħallejna warajna jkollna npattu għalih wara.

Quddiem dan il-paradoss tal-ħajja moderna, ħames persuni jkunu mistiedna jgħixu erbgħin jum f’Monasteru Benedittin fejn huma jkunu mitluba jħarsu r-regola monastika ta’ silenzju, ubbidjenza u umiltà.  Continue reading “The Monastery”

Anniversarju tal-Elezzjoni tal-Papa

This slideshow requires JavaScript.

Nhar is-Sibt 14 ta’ April 2012 filgħaxija saret ċelebrazzjoni fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta fl-okkażjoni tas-seba’ anniversarju tal-elezzjoni tal-Papa Benedittu XVI.

Fil-messaġġ tiegħu waqt l-okkażjoni, l-Arċisqof Pawlu Cremona saħaq fuq l-istedina  li l-Papa kemm-il darba għamel lill-insara biex inkabbru l-ħbiberija personali ma’ Ġesu u napprofondixxu l-fidi tagħna permezz tat-tagħlim u tal-katekeżi.

“Ejjew nagħmlu minn kollox biex kull wieħed minna – fil-ħajja personali, fir-responsabiltajiet differenti li għandna, fil-kuntatti li jkollna ma’ tant persuni differenti – iżomm din il-ħbiberija ma’ Ġesu’ bħala d-dawl li tmexxih.”

Aktar tard fid-diskors tiegħu l-Arċisqof tkellem fuq l-imġieba u l-atteġġjamenti tal-membri tal-ewwel komunita Nisranija u kif din għandha sservi ta’ bażi għall-insara llum:

“Huwa ċar li l-membri tal-ewwel komunita’ Nisranija għarfu d-doveri li kellhom lejn xulxin. Kienu jwieżnu lil xulxin. Kienu jaqsmu l-ħajja tagħhom flimkien. Nistgħu norbtu din ir-riflessjoni ma’ wieħed mid-diskorsi reċenti li għamel il-Papa.”

Fl-aħħar tal-messaġġ l-Arċisqof talab għall-Papa Benedittu biex il-Mulej ikompli jagħtih id-dawl u d-dehen fil-qadi tal-missjoni tiegħu.

Ritratti: Photocity, Valletta

Id-Djakni Permanenti – Se nibdew il-proċess.

L-Arċisqof Pawlu Cremona dwar id-Djakni Permanenti

“Minn din is-sena se nibdew proċess. Hemm grupp li għandhom ċertu esperjenza, u dawn jibdew jagħmlu din ir-riflessjoni, jagħtuni rapport huma, imbagħad fuq hekk nara ftit minn dak ir-rapport dak li naħseb li hu tajjeb u dak li naħseb li mhux tajjeb.”

Din id-dikjarazzjoni dwar it-twaqqif tad-Djakonat Permanenti f’Malta, għamilha Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon RTK.

Continue reading “Id-Djakni Permanenti – Se nibdew il-proċess.”

Alla ħalaq id-dawl mill-ġdid.

“L-Għid il-Kbir huwa ħolqien mill-ġdid.  Fih Alla tenna l-kliem, “Ikun id-dawl”.  Issa reġa’ hu l-ewwel jum.  Ġesù jqum mill-imwiet u joħroġ mill-qabar.  Il-ħajja hija b’qawwija aktar mill-mewt. It-tajjeb b’saħtu aktar mill-ħażin. L-imħabba aktar mill-mibegħda.  Id-dlam tal-jiem li għaddew tkeċċa fil mument li Kristu ħareġ mill-qabar, u Hu nnifsu sar id-Dawl safi ta’ Alla.”

Dawn kienu uħud mill-ħsibijiet li esprima l-Papa Benedittu XVI fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa tal-vġili tal-Għid, u li matulha il-Knisja tixgħel il-blandun bħala simbolu ta’ Kristu, waqt li tkanta l-kliem, “Id-dawl tad-dinja.”

Aqra aktar …> http://www.zenit.org/article-34602?l=english