Komunitajiet Żgħar fil-Parroċċa.

Komunitajiet żgħar mill-bażi tal-parroċċa.

Joe Farrugia

Niftakarni preżenti għall-Assemblea Parrokkjali li fiha Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona temm l-ewwel Viżta Pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ H’Attard.

Dakinhar laqgħatni suġġeriment li kien għamel lill-dawk preżenti sabiex fil-ħidma pastorali tagħha, il-parroċċa ssib insara li lesti jidħlu għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni. Qalilhom li dan setgħu jagħmluh billi jinqasmu fi gruppi żgħar skont territorji stabiliti.  Imbagħad il-membri ta’ kull grupp għandhom jinbnew bejniethom fuq il-Kelma ta’ Alla u jmorru jistiednu lil persuni oħra mill-istess teritorju biex jissieħbu magħhom f’ din l-esperjenza nisranija.

Għalkemm wara dakinhar, l-Arċisqof tenna din l-istedina f’diversi okkażżjonijiet u f’diversi parroċċi oħra, madankollu għandi dubju serju dwar kemm parroċċi bdew jaħdmu bis-serjetà fuq dan il-proġett ambizjuż. Naf li uħud minn dawk li semgħu din il-proposta ma fehmuhiex. Kien hemm min ħaseb li dawn se jkunu xi għaqdiet reliġjużi ġodda, l-istess bħal dawk li diġà għandna. Oħrajn, fehmu sewwa dak li qal l-Arċisqof, imma fehmu wkoll li proġett bħal dan jitlob impenn serju u ħafna sagrifiċċju.  Forsi kien għalhekk li uħud qatgħu qalbhom u pposponew id-deċiżjoni tagħhom sine die.

Dan l-aħħar jiem erġajt kont qed naqra l-enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Redemptoris Missio.  Kienet publikata 21 sena ilu, imma minħabba li tidħol sewwa fil-fond dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida, ħassejt li hija tassew attwali fiż-żmienna u għalhekk sibt ħin biex nerġa naqrha.  Fiha il-Papa kien tkellem propju dwar dak li Monsinjur Arċisqof insista dwaru għal dawn l-aħħar snin. Il-Papa kien sejħilhom, “komunitajiet ekkleżjali di base”, imma dawn huma spiss magħrufin ukoll b’ismijiet oħra.

Ġwanni Pawlu II kiteb li f’bosta Knejjes kienu qed jinbtu b’ħeffa kbira komunitajiet ekkleżjali di base, u li huma meqjus bħala impenn ewlieni tal-ħidma pastorali. Qal li dawn huma gruppi żgħar ta’ nsara f’livell ta’ familja jew ta’ ambjent ċkejken, li jiltaqgħu flimkien għat-talb u l-qari tal-Kotba Mqaddsa, għall-katekeżi, għall-istudju flimkien ta’ problemi li jolqtu kemm il-bniedem u kemm il-Knisja.

Il-Papa kompla li dawn il-komunitajiet qegħdin juru ruħhom bħala ċentri mill-aqwa ta’ formazzjoni nisranija u għalhekk jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom għall-ġid ta’ kulħadd. Huma tassew sinjal tal-qawwa tal-Knisja u strument ta’ formazzjoni u evanġelizzazzjoni.  Huma bidu tajjeb għal soċjetà mibnija fuq iċ-ċiviltà tal-imħabba.

Fl-enċiklika tiegħu, Ġwanni Pawlu II jgħid li dawn il-gruppi jridu jkunu parti mill-parroċċa u b’hekk jgħinuha ma tibqgħax ċentralizzata, imma jorganizzawha. Huma jridu jxettli għeruqhom f’ambjenti emarġinati u rurali, u b’hekk isiru l-ħmira ta’ ħajja nisranija, ta’ kura għall-foqra u l-imwarrbin, u ta’ mpenn għall-bidla fis-soċjetà.

F’dawn il-komunitajiet kull nisrani jġarrab esperjenza komunitarja, u hekk iħossu li hu membru attiv tal-Knisja u li huwa lest biex jagħti sehmu fl-impenn ta’ kulħadd. B’dan il-mod, dawn il- komunitajiet ikunu strumenti ta’ evanġelizzazzjoni. (Redemptoris Missio 51)

Is-soċjetà li qed ngħixu fiha u li aħna parti minnha għaddejja minn tibdil kbir u mgħaġġel u għalhekk il-parroċċi tagħna jridu jaffrontaw l-isfidi ta’ żmienna bi strutturi u għodod mġedda wkoll.  Il-Knisja trid tagħraf is-sinjali ta’ żminijietna u tfittex tifhem il-messaġġ li Alla jrid iwasslilha permezz tagħhom.

L-evanġelizzazzjoni tallum trid titlaq qabel xejn minn ħeġġa ġdida f’qalb dawk kollha li jqisu lilhom infushom parti minn din il-Knisja.  Spiċċa ż-żmien ta’ nsara passivi li posthom fil-Knisja huwa biss li fi tmiem il-ġimgħa “jisemgħu” il-quddies u xħin tasal il-qoffina maġenbhom idaħħlu idejhom fil-but biex jitfgħu xi ħaġa. Il-lajċi nsara jista’ jkollhom ħafna aktar x’joffru fil-komunità.

Jeħtieġ li l-parroċċa tfittex metodi u espressjonijiet ġodda kif twassal lil Kristu f’kull triq u f’kull dar.  Li f’din il-missjoni hija timpenja ħafna aktar minn uliedha u li lil dawn tagħtihom l-aħjar  formazzjoni possibbli. Mhix sfida faċli u ħafna għadhom qed jagħmlu d-domanda, “Imma kif?”

Nemmen li jekk nagħrblu sewwa l-proposta tal-Arċisqof tagħna u niflu dak li kiteb il-Papa Ġwanni Pawlu II fir-Redemptoris Missio, aktarx niskopru li dawn l-komunitajiet żgħar ta’ nsara fil-bażi ta’ kull parroċca jistgħu jkunu t-tweġiba għad-domanda tagħna.